Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B6-0512/2006Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B6-0512/2006

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA

27.9.2006

imressqa skond l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta’ Proċedura minn
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi li ġejjin: dwar is-sitwazzjoni fid-Darfur

Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B6-0512/2006
Testi mressqa :
RC-B6-0512/2006
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fid-Darfur

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu preċedenti dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan u d-Darfur b’mod partikolari,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u b’mod partikolari r-Riżoluzzjoni 1706 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-31 ta’ Awissu 2006,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni ta’ l-Unjoni Afrikana (UA) ta’ April 2004 biex tinħoloq il-Missjoni Afrikana fis-Sudan (AMIS-African Mission in Sudan),

–  wara li kkunsidra l-Jum Dinji għad-Darfur, is-17 ta’ Settembru 2006,

–  wara li kkunsidra l-Ftehima ta’ Paċi fid-Darfur iffirmata f’Abuja, in-Niġerja, fil-5 ta’ Mejju 2006,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi l-kunflitt fir-reġjun tad-Darfur bejn forzi tal-Gvern, milizzji favur il-gvern u ribelli wassal għal iktar minn 200,000 persuna midruba u iktar minn 2 miljun persuna spustati internament u refuġjat matul it-tliet snin li għaddew, minkejja l-iffirmar ta’ Ftehima ta’ Paċi fid-Darfur fil-5 ta’ Mejju 2006,

B,  billi l-Ftehima ta’ Paċi fid-Darfur (DPA-Darfur Peace Agreement) tibqa’ l-bażi għal stabilità, paċi u rikonċiljazzjoni fid-Darfur, minkejja l-istqarrija mir-Rappreżentant Speċjali tan-NU Jan Pronk li l-Ftehima ta’ Paċi fid-Darfur 'hi kważi mejta',

C.  billi, skond il-Koordinatur tan-NU għall-Għajnuna ta’ Emerġenza Jan Egeland, is-sitwazzjoni umanitarja u ta’ sigurtà fid-Darfur hi fl-agħar tagħha sa mill-2004 u l-aċċess umanitarju qed jibqa’ jiddeterjora, sal-punt li xi nħawi tad-Darfur issa huma kompletament zoni li fihom il-ħaddiema umanitarji ma jistgħux jidħlu, li jfisser li eluf ta’ nies mid-Darfur m’għandhom l-ebda aċċess għal għajnuna,

D.  billi l-waqfien mill-ġlied fir-reġjun qed jibqa’ jinkiser mill-partijiet kollha, bil-vjolenza ħafna drabi diretta kontra l-popolazzjoni ċivili, u billi ż-żieda riċenti tal-militar fid-Darfur u r-rinfurzar tal-forzi tal-gvern fir-reġjun irriżultaw fi ġlied mill-ġdid f’inħawi tad-Darfur tat-Tramuntana,

E.  billi r-'Responsabilità li Jipproteġi' tan-NU tistipula li, fejn 'awtoritajiet nazzjonali jfallu b’mod ċar li jipproteġu l-popolazzjonijiet tagħhom minn ġenoċidju, krimini tal-gwerra, tindif etniku u krimini kontra l-umanità,' il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jista’ jiftiehem għal forza militari taħt Kapitolu VII,

F.  billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, fir-Riżoluzzjoni 1706 tiegħu, awtorizza forza ġdida tan-NU għaż-żamma tal-paċi b’sa 22,500 suldat u uffiċjal tal-pulizija biex tieħu kontroll ta’ l-operazzjonijiet tad-Darfur mill-Missjoni Afrikana fis-Sudan (AMIS), filwaqt li jafferma mill-ġdid ir-rispett sħiħ tas-sovranità, l-unità, l-indipendenza u l-integrità territorjali Sudaniża,

G.  billi l-Gvern tas-Sudan qed jibqa’ jimblokka tali forza tan-NU milli tidħol is-Sudan,

H.  billi l-kunflitt tad-Darfur - u impunità mill-prosekuzzjoni - qed taffettwa dejjem iktar l-istabilità tar-reġjun Ċenrali ta’ l-Afrika u tikkostitwixxi theddida għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali,

I.  billi fid-dawl tad-deċiżjoni ta’ l-Unjoni Afrikana ta’ l-20 ta’ Settembru li testendi l-mandat preżenti tal-forza tagħha għaż-żamma tal-paċi fid-Darfur sa l-aħħar tas-sena, in-NU impenjat ruħha biex tipprovdi iktar appoġġ loġistiku u materjali lill-AMIS,

J.  billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU rrefera s-sitwazzjoni fid-Darfur lill-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC-International Criminal Court) f’Marzu 2005,

1.  Iħeġġeġ lil-Gvern tas-Sudan biex jaċċetta forza tan-Nazzjonijiet Uniti għaż-żamma tal-paċi fid-Darfur, skond il-Kapitolu VII tal-Karta tan-NU;

2.  Jenfasizza li s-Sudan falla mir-'responsabilità' tiegħu 'li jipproteġi' n-nies tiegħu stess u għalhekk hu obbligat li jaċċetta forza tan-NU skond ir-riżoluzzjoni 1706 tal-UNSC; jitlob lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jagħmel pressjoni fuq l-awtoritajiet Sudaniżi biex jaċċettaw li l-Missjoni tan-NU għad-Darfur li diġà hi awtorizzata, tkun stazzjonata, b’mandat ċar mill-Kapitolu VII u kapaċitajiet aħjar mogħtija lil tali missjoni permess tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1706 tan-NU;

3.  Jirrikjedi li l-awtoritajiet Sudaniżi mhux biss ma jagħmlux ostakli lill-iskjerament u lill-attivitajiet tal-Missjoni tan-NU fid-Darfur, iżda wkoll joħolqu l-kondizzjonijiet neċessarji għall-funzjonament effettiv ta’ din il-missjoni; jenfasizza li kwalunkwe falliment mill-awtoritajiet Sudaniżi f’dan ir-rigward se jkun sanzjonat;

4.  Jitlob lill-komunità internazzjonali u lill-partijiet kollha kkonċernati biex ifasslu modijiet biex jikkontribwixxu b’mod effettiv u malajr għall-operazzjoni b’suċċess tal-Missjoni tan-NU għad-Darfur u għal soluzzjoni għall-kriżi;

5.  Jitlob liċ-Ċina u lir-Russja biex jieħdu parti pożittiva fin-NU fi sforzi biex ikun żgurat li forza tan-NU għaż-żamma tal-paċi tkun tista’ tiġi stazzjonata u li jagħmlu użu tajjeb mill-irwol tagħhom fir-reġjun biex jiffaċilitaw l-iskjerament ta’ dik il-missjoni u jiġi evitat kull tixrid ta’ demm;

6.  Jitlob, f’dan ir-rigward, liċ-Ċina biex tibni fuq id-dikjarazzjoni konġunta magħmula miċ-Ċina u mill-UE fil-11 ta’ Settembru li fiha 'mexxejja enfasizzaw li t-tranżizzjoni minn operazzjoni ta’ l-UA għan-NU tgħin għall-paċi fid-Darfur'; iħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż biex jaġixxi fuq din id-dikjarazzjoni billi juża l-influenza tiegħu mas-Sudan biex jipperswadi lill-Gvern tas-Sudan biex jaċċetta forza tan-NU għaż-żamma tal-paċi;

7.  Jitlob lil-Lega Għarbija biex twaqqaf l-approċċ kompliċi tagħha għall-intransiġenza kontinwa tas-Sudan dwar il-ħtieġa ta’ forza tan-NU għaż-żamma tal-paċi;

8.  Ifakkar fl-impenji mogħtija min-Nazzjonijiet Uniti wara l-ġenoċidju fl-Irwanda bil-ħsieb li terfa’ r-responsabilita politika tagħha fl-Afrika b’mod iktar effettiv;

9.  Jitlob lill-UE biex issejjaħ għall-infurzar urġenti taz-zona li fiha ma jistgħux isiru titjiriet fuq id-Darfur stabbilita mir-Riżoluzzjoni 1591 tal-UNSC; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex iżżomm kuntatt maċ-Chad biex ikun diskuss l-infurzar taz-zona li fiha ma jistgħux isiru titjiriet miċ-Chad tal-Lvant;

10.  Jikkundanna l-vjolazzjonijiet kontinwi tal-waqfien tal-ġlied mill-partijiet kollha, u b’mod partikolari l-vjolenza diretta kontra l-popolazzjoni ċivili u l-fatt li l-għajnuna umanitarja qed tisfa fil-mira;

11.  Jitlob lill-partijiet kollha, inkluż il-Gvern tas-Sudan, biex iwaqqfu b’mod immedjat l-azzjoni militari fid-Darfur, biex jirrispettaw il-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied u biex jirrispettaw u jimplimentaw l-impenji tagħhom skond id-DPA;

12.  Jitlob lil dawk li ma ffirmawx id-DPA biex jiffirmaw il-Ftehima, jimpenjaw ruħhom għaliha u jimplimentawha;

13.  Jitlob għal miżuri li jibnu l-kunfidenza, bħal Djalogu u Konsultazzjoni Darfur-Darfur li jinkludu l-partijiet kollha għall-konflitt kif ukoll is-soċjetà ċivili;

14.  Jinnota l-estensjoni tal-mandat tal-Missjoni ta’ l-Unjoni Afrikana fis-Sudan (AMIS) sa l-aħħar tas-sena; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li l-mandati u l-ħidmiet ta’ din il-forza jkunu rinfurzati u biex ikun żgurat finanzjament suffiċjenti kif ukoll appoġġ loġistiku u materjali għaliha, li jippermettulha tgħin b’mod effettiv fl-implimentazzjoni tal-PDA;

15.  Jitlob lill-UE u lil atturi internazzjonali oħra biex jaħdmu speċifikament man-NU u l-UA biex jiżguraw li l-forzi għaż-żamma tal-paċi fid-Darfur jkollhom il-kapaċità li jirreaġixxu malajr għal vjolazzjonijiet tal-waqfien mill-ġlied jew għal provokazzjonijiet minn kwalunkwe parti;

16.  Jitlob lill-UE, lill-Istati Uniti u atturi oħra internazzjonali biex jimponu sanzjonijiet fuq kwalunkwe parti, inkluż il-gvern, li tagħmel vjolazzjoni tal-waqfien mill-ġlied jew li tattakka lin-nies ċivili, lil dawk għaż-żamma tal-paċi jew lil dawk involuti f’operazzjonijiet umanitarji u biex jieħdu kull azzjoni neċessarja biex jgħinu ħalli titwaqqaf l-impunità billi jinfurzaw ir-reġim ta’ sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà;

17.  Jitlob lill-Gvern tas-Sudan u lill-komunità internazzjonali biex jikkoperaw b’mod sħiħ mal-Qorti Kriminali Internazzjonali sabiex titwaqqaf l-impunità;

18.  Jitlob lill-membri permanenti kollha tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jassumu r-responsabilità globali tagħhom u biex ma jostakolawx kwalunkwe miżura intiża biex trawwem il-paċi, is-sigurtà u l-istabilità fir-reġjun tad-Darfur tas-Sudan, iżda biex minflok jappoġġjaw u jippromwovu l-passi kollha xierqa għal soluzzjoni sostenibbli tal-konflitt;

19.  Jitlob lill-partijiet kollha, b’mod partikolari lill-Gvern tas-Sudan, biex jiżgura l-aċċess sħiħ, sikur u bla ostakli ta’ l-istaff ta’ għajnuna għal dawk kollha fil-bżonn fid-Darfur kif ukoll l-għoti ta’ għajnuna umanitarja, b’mod partikolari lil persuni spustati internament u lir-refuġjati;

20.  Jitlob għal żieda sinifikanti fl-għajnuna umanitarja pprovduta mill-komunita internazzjonali lil kważi 3 miljun persuna li huma totalment dipendenti fuq għajnuna internazzjonali għal ikel, kenn u kura medika;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Ministri ta’ l-ACP-UE, lill-Gvern tas-Sudan, lill-Unjoni Afrikana u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.