MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
15.11.2006
- –Giorgos Dimitrakopoulos u José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, f’isem il-Grupp PPE-DE
- –Ana Maria Gomes, Jan Marinus Wiersma u Achille Occhetto, f’isem il-Grupp PSE
- –Elizabeth Lynne u Marios Matsakis, f’isem il-Grupp ALDE
- –Angelika Beer, Caroline Lucas, Raül Romeva i Rueda u Bart Staes, f’isem il-Grupp Verts/ALE
- –Tobias Pflüger, Mary Lou McDonald, Adamos Adamou, André Brie, Vittorio Agnoletto u Willy Meyer Pleite, f’isem il-Grupp GUE/NGL
- –Mogens N.J. Camre, f’isem il-Grupp UEN
- –PPE-DE (B6‑0585/2006)
- –PSE (B6‑0586/2006)
- –GUE/NGL (B6‑0587/2006)
- –UEN (B6‑0593/2006)
- –ALDE (B6‑0594/2006)
- –Verts/ALE (B6‑0611/2006)
dwar il-Konvenzjoni dwar il-projbizzjoni ta' Armi Bijoloġiċi u Tossini (BTWC), bombi tat-tip cluster u armi konvenzjonali
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Tielet Konferenza ta' Reviżjoni tal-Konvenzjoni dwar ċerti armi konvenzjonali ta' l-1980, li ser tinżamm f'Ġinevra mis-7 sas-17 ta' Novembru 2006;
– wara li kkunsidra s-Sitt Konferenza ta' Reviżjoni tal-Konvenzjoni dwar Armi Bijoloġiċi u Tossini (BTWC) ta' l-1972, li ser tinżamm f'Ġinevra mill-20 ta' Novembru sat-8 ta' Diċembru 2006;
– wara li kkunsidra l-azzjoni konġunta ta' l-UE tas-27 ta' Frar 2006 rigward il-BTWC bl-għan li tippromwovi l-universalita' tal-BTWC u tappoġġja l-implimentazzjoni tagħha mill-Istati Membri sabiex tiżgura li l-Istati Kontraenti jagħmlu traspożizzjoni ta' l-obbligi internazzjonali tal-BTWC fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-miżuri amministrattivi tagħħom,
– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni ta' l-UE rigward il-BTWC miftiehem parallelament ma' l-Azzjoni Konġunta li fiha l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jissottomettu lin-Nazzjonijiet Uniti risposti dwar miżuri li jnisslu kunfidenza u listi ta' esperti u laboratorji rilevanti lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti biex jiffaċilitaw kwalunkwe investigazzjoni dwar allegat użu ta' armi kimiċi u bijoloġiċi,
– wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta' l-20 ta' Marzu 2006 dwar il-Konferenza ta' Reviżjoni tal-BTWC ta' l-2006 bl-għan li ssaħħaħ aktar il-BTWC u tippromwovi l-konklużjoni tas-Sitt Konferenza ta' Reviżjoni b'suċċess,
- wara li kkunsidra l-Istrateġija tas-Sigurtà ta' l-UE ta' l-2003 u l-Istrateġija ta' l-UE dwar l-Armi tal-Qirda tal-Massa u l-Mezzi tal-Konsenja tagħhom, adottata fl-2003, u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Novembru 2005 dwar in-Non-Proliferazzjoni ta’ Armi tal-Qirda tal-Massa: rwol għall-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-BTWC, li kienet miftuħa għall-firma fl-1972 u daħlet fis-seħħ fl-1975, hija l-ewwel konvenzjoni multilaterali għad-diżarm li tipprojbixxi kategorija sħiħa ta' armi, u billi bħalissa għandha 155 Stati Kontraenti, b'16 oħra li ffirmaw iżda għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni,
B billi s-Sitt Konferenza ta' Reviżjoni, li ser isseħħ f'Ġinevra mill-20 ta' Novembru sat-8 ta' Diċembru 2006, ser tkun l-ewwel opportunità fejn l-Istati Kontraenti jistgħu jeżaminaw l-operazzjoni tal-Konvenzjoni mill-Ħames Konferenza ta' Reviżjoni li spiċċat fl-2002, u billi din ser tipprovdi lill-Istati Kontraenti bl-opportunità li jikkonfermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom għall-projbizzjoni sħiħa ta' l-armi bijoloġiċi u li jindirizzaw problemi jew nuqqasijiet fl-operazzjoni tal-Konvenzjoni,
C. billi l-ewwel parti tal-Ħames Konferenza ta' Reviżjoni tal-BTWC ta' l-2001 spiċċat b'falliment, l-aktar minħabba l-irtirar ta' l-Amministrazzjoni ta' l-Istati Uniti min-negozjati dwar il-ħolqien ta' mekkaniżmu għat-tisħiħ tal-konformità li jorbot legalment,
D. billi, għalkemm in-numru ta' firmatarji qed jiżdied b'mod kostanti (100 għall-ftehim ta' qafas introduttorju f'Jannar 2006), is-CCW għada 'l bogħod biex tissejjaħ universali u billi n-numru ta' firmatarji huwa sostanzjalment inqas għall-ħames protokolli tagħha li fihom id-dispożizzjonijiet prattiċi ta' implimentazzjoni tal-Konvenzjoni,
1. Jenfasizza li l-objettiv ta' l-Unjoni Ewropea għandu jkun li tibni fuq is-suċċess tar-reġim tal-BTWC, biex tkompli ssaħħaħ il-BTWC u tippromwovi eżitu ta' suċċess għas-Sitt Konferenza ta' Reviżjoni;
2. Jilqa' l-azzjoni diplomatika kontinwa tal-Kunsill u tal-Kummissjoni biex ikomplu għaddejjin l-isforzi internazzjonali għat-tisħiħ tal-BTWC u jirrikonoxxi l-irwol ta' l-UE fil-promozzjoni ta' l-esplorazzjoni ta' spezzjonijiet volontarji mhux vinkolanti bħala 'miżuri li jnisslu kunfidenza' kif ukoll it-tisħiħ tal-leġiżlazzjoni nazzjonali matul il-perjodu ta' tħejjija tal-Konferenza ta' Reviżjoni;
3. Jagħti, għalhekk, importanza kbira lill-reviżjoni bir-reqqa u sħiħa ta' l-operazzjoni tal-BTWC sabiex jidentifika, jiddiskuti u jiftiehem il-miżuri li għandhom jittieħdu biex tissaħħaħ aktar il-Konvenzjoni;
4. Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jippromwovu l-adeżjoni ta' l-Istati kollha għall-BTWC, inkluż permezz ta' stedina lill-Istati kollha li mhumiex parti għal din il-konvenzjoni biex jaċċedu għall-BTWC mingħajr aktar dewmien, u biex jaħdmu għall-dikjarazzjoni li l-projbizzjoni fuq l-armi bijoloġiċi u tat-tossini hija regola tal-liġi internazzjonali universalment vinkolanti;
5. Jinkoraġixxi lill-UE, għalhekk, biex tqajjem il-kwistjoni f'fora tranżatlantiċi, b'mod partikulari fin-NATO u biex tipperswadi lill-Amministrazzjoni ta' l-Istati Uniti biex titbiegħed mill-perspettiva unilaterali tagħha u biex tikkontribwixxi għat-tnedija mill-ġdid u t-titjib tal-qafas multilaterali;
6. Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jippromwovu l-konformità sħiħa ma' l-obbligi skond il-BTWC u, fejn huwa meħtieġ it-tisħiħ ta' miżuri nazzjonali ta' implimentazzjoni, inkluża l-leġiżlazzjoni kriminali u l-kontroll ta' mikro-organiżmi patoġeniċi u tossini fil-qafas tal-BTWC;
7. Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jikkontribwixxu għat-titjib tal-mekkaniżmi tal-verifika tal-konformità ta' l-Istati Kontraenti billi jippromwovu sforzi għat-titjib tat-trasparenza permezz ta' iżjed skambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Kontraenti, inkluża l-identifikazzjoni ta' miżuri għall-evalwazzjoni u t-tisħiħ ta' kemm hu kopert il-pajjiż u kemm huwa utli l-mekkaniżmu tal-miżuri li jnisslu kunfidenza;
8. Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jippromwovu l-konformità ma' l-obbligi skond ir-riżoluzzjoni 1540 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, b'mod partikulari biex ikun eliminat ir-riskju tax-xiri jew l-użu ta' l-armi bijoloġiċi u tat-tossini għal skopijiet terroristiċi, inkluża l-possibilità ta' l-aċċess tat-terroristi għall-materjali, it-tagħmir u l-għarfien li jista' jintuża fl-iżvilupp u l-produzzjoni ta' l-armi bijoloġiċi u tat-tossini;
9. Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jippromwovu l-kunsiderazzjoni ta', u deċiżjonijiet dwar aktar azzjoni dwar, ix-xogħol li ttieħed s'issa skond il-programm intersessjonali għall-perjodu 2003 sa l-2005 u l-isforzi għad-diskussjoni u l-promozzjoni ta' ftehim reċiproku u azzjoni effettiva b'mod partikulari dwar: it-titjib tal-kapaċitajiet internazzjonali li jirrispondu għal, jinvestigaw u jimmitigaw l-effetti tal-każijiet ta' użu allegat ta' armi bijoloġiċi u tat-tossini jew ta' mard li faqqa' b'mod suspettuż; it-tisħiħ u t-twessigħ ta' l-isforzi istituzzjonali nazzjonali u internazzjonali u mekkaniżmi eżistenti għas-sorveljanza, s-sejba, d-djanożi u l-ġlieda kontra l-mard li jittieħed li jaffettwa l-bnedmin, l-annimali u l-pjanti; il-kontenut, il-promulgazzjoni u l-adozzjoni ta' kodiċi ta' kondotta għax-xjenzati fil-qasam rilevanti għall-Konvenzjoni sabiex titqajjem kuxjenza dwar il-Konvenzjoni u biex atturi rilevanti jkunu megħjuna jikkonformaw ma' l-obbligi legali, regolatorji u professjonali u mal-prinċipji etiċi tagħhom;
10. Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw programm ieħor ta' xogħol intersessjonali matul il-perjodu bejn is-Sitt u s-Seba' Konferenza ta' Reviżjoni, biex jidentifika oqsma speċifiċi u proċeduri għal aktar progress skond dan il-programm ta' ħidma u biex jippromwovi t-tlaqqigħ tas-Seba' Konferenza ta' Reviżjoni tal-BTWC sa mhux aktar tard mill-2011;
11. Jilqa' l-fatt li l-Protokoll V tas-CCW dwar il-Fdalijiet Splussivi tal-Gwerrer daħal fis-seħħ fit-12 ta' Novembru 2006 u għalhekk sar liġi internazzjonali vinkolanti; jenfasizza li dan ifisser li l-Istati jridu jnaddfu t-territorji tagħhom minn artillerija mhux sploduta biex jitnaqqas in-numru ta' vittmi civili wara l-kunflitti; jenfasizza wkoll li dan il-Protokoll jobbliga lil dawk il-partijiet responsabbli mill-fdalijiet biex jgħinu fit-tneħħija tagħhom, anke jekk it-territorju kkonċernat mhux taħt il-kontroll tagħhom; jinsisti li dan il-Protokoll japplika għal kull tip ta' artillerija mhux sploduta, inklużi munizzjonijiet tat-tip cluster,
12. Huwa madankollu konvint li ħafna aktar Stati għandhom jiffirmaw u jirratifikaw is-CCW u l-ħames Protokolli tagħha u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jagħmlu kull ma hu possibbli biex jiżguraw li l-Istati Membri jiffirmaw u jirratifikaw il-Protokoll V u li l-pajjiżi kollha li jirċievu għajnuna għad-diżarm jiffirmaw u jirratifikaw il-protokoll ukoll, anke jekk s'issa għadhom m'aċċedewx għas-CCW, (eż. l-Lebanon);
13. Jistieden lill-UE u lill-Istai Membri biex jitolbu - fl-ispirtu ta' l-għan tas-CCW li tistabbilixxi protokolli dwar is-sistemi ta' armi rilevanti fejn jinħass il-bżonn u sakemm ikun hemm Konvenzjoni speċifika dwar il-kwistjoni - il-ħolqien ta' Protokoll VI speċifiku biex jipprojbixxi, mingħajr ambigwità, il-produzzjoni, il-kumulazzjoni, it-trasferiment u l-użu ta' kull tip ta' munizzjon tat-tip cluster (bombi ta' frammentazzjoni);
14. Jistieden lill-Istati Membri ta' l-UE kollha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jaħdmu bis-sħiħ biex jiżguraw li, fil-futur qrib, kemm il-BTWC kif ukoll is-CCW ikollhom segretarjat permanenti biex jissorvelja l-implimentazzjoni b'suċċess tagħhom, skond l-eżempju ta' l-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ l-Armi Kimiċi, OPCW, mwaqqfa għal dan l-iskop mill-Konvenzjoni ta' l-Armi Kimiċi;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Parlamenti u lill-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, lill-Parlamenti u lill-Gvernijiet ta' l-Istati Kontraenti tal-BTCW u tas-CCW u lill-NGOs speċjalizzati xierqa.