Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B6-0619/2006/REV1Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B6-0619/2006/REV1

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA

28.11.2006

imressqa skond l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura minn
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi li ġejjin:dwar l-AIDS

Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B6-0619/2006
Testi mressqa :
RC-B6-0619/2006
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-AIDS

Il-Parlament Ewropew,

– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2006 dwar 'L-HIV/AIDS: Wasal il-ħin li naslu' u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Diċembru 2004 dwar il-Jum Dinji ta' l-HIV/AIDS,

– wara li kkunsidra l-Jum Dinji ta' l-AIDS ta' l-1 ta' Diċembru 2006, u t-tema tiegħu Responsabilizzazzjoni: Inwaqqfu l-AIDS, Inwettqu l-Wegħda.

– wara li kkunsidra l-aġġornament dwar l-epidemija ta' l-AIDS 2006, ippubblikat mill-UNAIDS/WHO fil-21 ta' Novembru,

– wara li kkunsidra l-laqgħa ta' l-Assemblea Ġenerali tan-NU li saret bejn il-31 ta' Mejju u l-1 ta' Ġunju 2006 sabiex tevalwa l-progress imwettaq fuq l-Istqarrija ta' Impenn,

– wara li kkunsidra s-XVI-il Konferenza Internazzjonali dwar l-AIDS li saret f'Toronto f'Awissu 2006,

– wara li kkunsidra l-Programm ta' Azzjoni Ewropew għall-ġlieda kontra l-HIV/AIDS, it-tuberkolosi u l-malarja, li jkopri l-pajjiżi kollha li qed jiżviluppaw għall-perjodu 2007-2011, u li ġie adottat mill-Kummissjoni Ewropea f'April 2005,[1]

– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-ġlieda kontra l-HIV/AIDS fl-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi ġirien 2006-2009 tal-15 ta' Diċembru 2005,[2]

– wara li kkunsidra s-samit ta' Gleneagles tal-G8 u l-impenn tan-NU 2005 li jinkiseb aċċess universali għal trattament ta' prevenzjoni u kura sa l-2010,

– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

  • A.billi minn meta ġie identifikat l-ewwel każ ta' AIDS 25 sena ilu, mietu aktar minn 25 miljun persuna b'din il-marda,
  • B.billi fl-2006 kien hemm 4.3 miljun infezzjoni ġdida, li 2.8 miljuni (65%) minnhom ġraw fl-Afrika Subsaharjana waħidha, skond rapport tal-UNAIDS ppubblikat fl-21 ta' Novembru 2006;
  • C.billi aktar minn 95% tad-39.5 miljun persuna fid-dinja li għandhom l-HIV/AIDS jgħixu f'pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw,
  • D.billi hemm indikazzjonijiet li r-rati ta' infezzjoni fl-Ewropa ta' Lvant u fl-Asja Ċentrali telgħu b'aktar minn 50% sa mill-2004, u hemm biss ftit eżempji ta' pajjiżi fejn ir-rati ta' infezzjoni naqsu,
  • E.billi mis-6.8 miljun persuna li għandhom l-HIV f'pajjiżi bi dħul baxx jew medju u li għandhom bżonn medikament anti-retrovirali, 24% biss għandhom aċċess għat-trattament meħtieġ,
  • F.billi huwa stmat li fid-dinja hawn 15-il miljun tifel u tifla ltima minħabba l-HIV/AIDS, li 12.3 miljun minnhom jinsabu fl-Afrika Subsaħarjana,
  • G.billi 5% biss tat-tfal li għandhom l-HIV jirċievu għajnuna medika, u inqas minn 10% tal-15-il miljun li sfaw iltima minħabba l-AIDS jirċievu appoġġ finanzjarju,
  • H.billi l-aħwa l-kbar u n-nanniet jieħdu fuq spallejhom ir-responsabilità għal numru kbir ta' ltima ta' l-AIDS, u minħabba li l-ġenerazzjoni ta' adulti żagħżagħ infettati bl-HIV/AIDS li qegħdin imutu qed tħalli lil xi pajjiżi mingħajr biżżejjed għalliema, infermiera, tobba, u professjonisti oħra ewlenin,
  • I.billi l-AIDS teffettwa b'mod sproporzjonat lill-ġenerazzjoni ta' persuni żagħżagħ li huma ekonomikament attivi,
  • J.billi n-nisa issa huma 50% tal-persuni kollha li għandhom l-HIV fid-dinja, u kważi 60% ta' dawk li għandhom l-HIV fl-Afrika,
  • K.billi s-saħħa sesswali u riproduttiva hija marbuta b'mod intrinsiku mal-prevenzjoni ta' l-HIV u mard ieħor assoċjat mal-faqar,
  • L.billi persuni li għandhom l-HIV għandhom bżonnijiet speċjali f'dak li għandu x'jaqsam mas-saħħa riproduttiva tagħhom f'termini ta' ppjanar tal-familja, twelid sikur u rdigħ tat-trabi, liema bżonnijiet speċjali sikwit jintesew, minkejja l-femminizzazzjoni ta' l-epidemija,
  • M.billi l-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD) fl-1994 u s-segwitu ta' l-ICPD fl-1999 u l-2004 tennew l-importanza li n-nisa jrawmu s-setgħat u jiġu pprovduti b'aktar għażliet permezz ta' aċċess akbar għal edukazzjoni, tagħrif u kura fir-rigward tas-saħħa sesswali u riproduttiva,
  • N.billi, ħames snin wara l-Istqarrija ta' Doha, il-pajjiżi s-sinjuri qed jonqsu milli jonoraw l-obbligu tagħhom li jiżguraw li mediċini li jsalvaw il-ħajjiet ikunu disponibbli bi prezz irħas f'pajjiżi li qed jiżviluppaw,
  • O.billi 5 snin wara l-istqarrija ta' Doha li tgħid li 'kull stat membru tad-WTO għandu d-dritt li jagħti liċenzji obbligatorji u l-libertà li jiddetermina r-raġunijiet li għalihom jingħataw dan it-tip ta' liċenzji', id-WHO twissi li 74% tal-mediċini ta' l-AIDS għadhom taħt monopolju u li 77% ta' l-Afrikani għad m'għandhomx aċċess għal trattament għall-AIDS,
  • P.billi l-kompetizzjoni ħarxa mill-mediċini ġeneriċi għenet sabiex il-prezzijiet tal-mediċini ta' l-ewwel preferenza għall-AIDS jonqsu b'99% minn $10,000 għal madwar $130 fis-sena għal kull pazjent mis-sena 2000 s'issa, il-prezzijiet għal mediċini tat-tieni preferenza - dawk li l-pazjenti jeħtieġu meta, b'mod naturali, jiżviluppaw reżistenza - għadhom għoljin l-aktar minħabba li żdieda l-ostakoli tal-brevetti fil-pajjiżi ewlenin li jipproduċu mediċini ġeneriċi,
  • Q.billi fin-negozjati ta' ftehim bilaterali ta' kummerċ, il-ftehimiet m'għandhomx jillimitaw il-mod ta' kif il-pajjiżi jistgħu jużaw salvagwardji għas-saħħa pubblika,

HIV/AIDS fid-dinja

1. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-espansjoni ta' l-HIV/AIDS u epidemiji oħra fost l-ifqar popolazzjonijiet tad-dinja, u dwar in-nuqas ta' fokus dwar il-prevenzjoni ta' l-HIV/AIDS, in-nuqqas ta' aċċessibilità għal mediċini ewlenin, in-nuqqas ta' fondi suffiċjenti kif ukoll in-nuqqas ta' sforzi ta' riċerka dwar l-epidemiji l-kbar;

2. Jisħaq dwar l-importanza tar-responsabilizzazzjoni tal-gvernijiet, il-fornituri ta' servizzi tas-saħħa, l-industrija tal-farmaċewtiċi, l-NGOs u s-soċjetà ċivili u nies oħra involuti fil-prevenzjoni, trattament u kura;

3. Jitlob lid-donaturi internazzjonali kollha sabiex jaħdmu ħalli jiżguraw li l-programmi ta' prevenzjoni ta' l-AIDS jilħqu lin-nies li għandhom l-akbar riskju li jiġu infettati, kif identifikat fil-konklużjoni tal-UNAIDS li dawn il-gruppi vulnerabbli mhux qed jiġu koperti;

4. Jenfasizza l-bżonn li l-UE tiffinanzja programmi speċifiċi sabiex tiżgura li t-tfal afettwati mill-epidemija ta' l-AIDS, kemm jekk għax tilfu ġenitur jew il-ġenituri u kemm jekk għax għandhom il-marda huma stess, jibqgħu fis-sistema edukattiva u jiġu appoġġjati;

5. Jitlob lill-programmi kollha ta' għajnuna sabiex jiżguraw li meta pazjent ikun beda trattament, il-fondi jkun għal trattament kontinwu mingħajr interuzzjonijiet, sabiex jiġi evitat li tiżdied ir-reżistenza għall-mediċini li tinħoloq meta jsir trattament bl-interuzzjoniet;

6. Jenfasizza l-bżonn li l-UE tiffinanzja programmi sabiex tipproteġi lin-nisa minn kwalunkwe forma ta' vjolenza li xxerred l-AIDS u li jiżguraw li jekk in-nisa jġarrbuha, ikollhom aċċess għal servizzi tas-saħħa u possibilitajiet li jerġgħu jintegraw fis-soċjetà u li jiġġieldu l-istigma li sikwit hija assoċjata ma' vittmi ta' dan it-tip ta' reati;

7. Jistieden lill-IMF sabiex ġġib ittemm il-kundizzjonijiet monetarji u l-limiti fiskali li jġegħlu lill-pajjiżi li jillimitaw l-infiq fuq is-saħħa pubblika u l-edukazzjoni;

Saħħa sesswali u riproduttiva

8. Jisħaq li l-istrateġiji meħtieġa biex l-epidemija ta' l-HIV/AIDS tiġi missielta b'mod effettiv, irid ikollhom approċċ komprensiv lejn il-prevenzjoni, l-edukazzjoni, il-kura u t-trattament, u għandhom jinkludu t-teknoloġiji li jintużaw attwalment, aċċess ikbar għat-trattament kif ukoll l-iżvilupp ta' tilqim bħala kwistjoni urġenti;

9. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-gvernijiet tal-pajjiżi sħab tagħna sabiex jiżguraw li s-saħħa u l-edukazzjoni, u b'mod partikulari l-HIV/AIDS u s-saħħa sesswali u riproduttiva, jingħataw prijorità fid-Dokumenti ta' Strateġija tal-Pajjiżi;

10. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jappoġġjaw programmi li jissieltu lill-ħomofobija u jkissru l-ostakoli li jżommu milli l-mard tiġi miġġielda b'mod effettiv, b'mod speċjali fil-Kambodja, iċ-Ċina, l-Indja, in-Nepal, il-Pakistan, it-Tajlandja u l-Vjetnam u fl-Amerika Latina, fejn hemm evidenza li qed tiżdied ta' HIV li qed tfaqqa' fost irġiel li jkollhom x'jaqsmu ma' l-irġiel;

11. Jilqa' pożittivament il-fatt li r-riċerka dwar l-HIV/AIDS ġiet inkluża fis-7 Programm Qafas għar-Riċerka, u jitlob li tiġi appoġġjata riċerka dwar tilqim, mikrobiċidji, għodod dijanjostiċi u ta' monitoraġġ adattati għall-ħtiġijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-mudelli tat-trażmissjoni ta' l-epidemija u x-xejriet soċjali u ta' aġir; jenfasizza li n-nisa għandhom jiġu involuti fir-riċerka klinika xierqa kollha, inklużi l-provi tat-tilqim;

12. Jitlob għal investiment fl-iżvilupp ta' metodi ta' prevenzjoni li jkunu kkontrollati min-nisa, bħall-mikrobiċidji, kondoms tan-nisa u mediċini ta' prevenzjoni għal wara l-espożizzjoni għal nisa li jiġu stuprati;

Aċċess għall-Mediċini

13. Iħeġġeġ lill-gvernijiet sabiex jużaw il-possibilitajiet kollha li jinsabu għad-dispożizzjoni tagħhom skond il-ftehima TRIPS, bħal liċenzji obbligatorji u lid-WHO, lid-WTO u lil-membri tagħha sabiex jirrevedu l-ftehima TRIPS fis-sħuħija tagħha, bil-għan li jtejbu l-aċċess għall-mediċini;

14. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jirrikonoxxu, ħames snin wara l-adozzjoni ta' l-Istqarrija ta' Doha, li l-applikazzjoni ma rnexxietx, għax id-WTO ma rċeviet l-ebda notifika mingħand xi pajjiż li jesporta jew jimporta l-mediċini obbligatorji, lanqas mill-ftehim tat- 30 ta' Awissu 2003;

15. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jieħdu l-passi meħtieġa fid-WTO, b'alleanza mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, sabiex issir modifika tal-ftehima TRIPS, u l-Artikolu tagħha li huwa bbażat fuq id-Deċiżjoni tat- 30 ta' Awissu 2003, b'mod partikulari sabiex tabolixxi il-passi proċedurali twal għall-awtorizzazzjoni ta' liċenzi obbligatorji;

16. Sadanittant, tħeġġeġ u tistieden lill-pajjiżi kollha li qed jaffaċċaw epidemiji kbar, sabiex b'mod immedjat jużaw Artikolu 30 tal-Ftehima TRIPS sabiex ikollhom aċċess għall-mediċini neċessarji mingħajr ma jħallsu tariffi ta' tal-brevetti lis-sidien ta' dawn il-brevetti;

17. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex iżżid bis-somma ta' biljun Euro il-kontribut tagħha għall-fond globali kontra l-HIV/AIDS, malarja u tuberkolożi, kif talab b'mod ċar il-PE fir-riżoluzzjoni tiegħu ta' Diċembru 2004, u lill-Istati Membri kollha u lill-Membri tal-G8 sabiex iżidu l-kontribut tagħhom għal 7 biljuni fl-2007 u 8 biljuni fl-2008, sabiex jipprovdu lill-UNAIDS bir-riżorsi neċessarji għat-tnaqqis fl-epidemiji;

18. Jappoġġa l-impenn magħmul mill-kapijiet ta' stati u gvernijiet fis-samit dinji tan-NU ta' l-2005, li talab għal aċċess universali għal servizzi ta' prevenzjoni ta' l-HIV/AIDS, trattament u kura sa l-2010; jemmen, madankollu, li għandu jiġi żviluppat pjan ċar għall-finanzjament ta' aċċess universali, u għandhom jiġu stipulati miri ta' progress internazzjonali u proviżorji,

19. Jisħaq li servizzi tajba tas-saħħa pubblika, li jinkludu r-riċerka, huma essenzjali sabiex tiġi missielta l-epidemija, u jopponi s-sitwazzjoni ta' kundizzjonalità li twassal għal-liberalizzazzjoni tagħhom;

20. Jitlob għal appoġġ għall-tkabbir li qed jiżviluppa fl-industriji reġjonali u nazzjonali ta' mediċini ġeneriċi fiz-zoni effettwati, sabiex jiġi faċilitat l-aċċess għal mediċini bi prezz li jintlaħaq minn kulħadd;

21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Kunsill, lill-Gvernijiet ta' l-Istati Membri ta' l-UE u l-pajjiżi ta' l-ACP, lill-IMF, lill-gvern ta' l-Istati Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u lill-Kapijiet tal-UNAIDS, il-UNDP u l-UNFPA