Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B6-0630/2006Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B6-0630/2006

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA

12.12.2006

imressqa skond l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura minn
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi li ġejjin: dwar programm Leġiżlattiv u ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2007 (COM(2006)0629)

Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B6-0630/2006
Testi mressqa :
RC-B6-0630/2006
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar programm Leġiżlattiv u ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2007(COM(2006)0629)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Programm Leġiżlattiv u ta' Ħidma 2007, adottat fl-24 ta'Ottubru 2006, preżentat mill-Kummissjoni u diskuss waqt is-sessjoni plenarja ta' Novembru 2006,

–  wara li kkunsidra l-linji-gwida politiċi u strateġiċi tal-Kummissjoni 2004-2009, il-Politika Strateġika Annwali 2007 tal-Kummissjoni u l-kontribuzzjonijiet tal-Kumitati tal-Parlament, imressqa lill-Kummissjoni mill-Konferenza tal-Presidenti kif stabbilit fil-Ftehima Qafas bejn il-Parlament u l-Kummissjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 33 u 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

billi l-2007 se tkun sena kruċjali għal proċess tal-kostruzzjoni ta' l-Ewropa billi l-Unjoni Ewropea se tilqa' żewġ Stati Membri ġodda, ir-Rumanija u l-Bulgarija, se tiċċelebra l-50 anniversarju mit-Trattati ta' Ruma, se taħdem bla heda għal kisba ta' soluzzjoni istituzzjonali u se tniedi serje estensiva ta' programmi ġodda finanzjarji;

billi huwa essenzjali għall-Unjoni li hija tkun tista' tilħaq l-objettivi ambizjużi politiċi, ekonomiċi u soċjali taċ-ċittadini tagħha u li sservi l-interess komuni Ewropew li l-Unjoni ssir parteċipanta dinjija bi rwol ewlieni fil-promozzjoni ta' soluzzjonijiet komuni għal paċi, s-sigurtà, l-propsperità u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli;

wara li kkunsidra l-bżonn li n-nefqa tiġi allinjata mill-qrib ma' prijoritajiet politiċi, billi l-mezzi provduti fil-prospettivi finanzjarji l-ġodda mhumiex biżżejjed sabiex jilħqu l-isfidi tal-futur;

jisħaqq fuq il-bżonn li l-Ewropa għandha tieħu azzjoni sabiex tilħaq iż-żieda fl-aspettattivi taċ-ċittadini u sabiex ittejjeb l-irwol tagħha bħala parteċipant ewlieni fix-xena dinjija,

1.  jilqa' b'sodissfazzjon il-programm Leġiżlattiv u ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2007 dwar l-immodernizzar ta' l-ekonomija Ewropea u t-titjib tal-benesseri taċ-ċittadini; jaqbel f'dan il-kuntest ma' l-importanza mogħtija lis-sigurtà, lis-saħħa, lill-innovazzjoni, lill-ambjent iktar nadif, lill-enerġija u t-tibdil tal-klima, lis-suq intern, lill-migrazzjoni u lill-integrazzjoni, lid-dehra ġenerali u l-effettività ta' l-Ewropa u lill-komunikazzjoni mtejba maċ-ċittadini Ewropej; jiddispjaċih madanakollu għan-nuqqas ta' vizzjoni f'diversi oqsma; jemmen li sabiex jinkiseb mill-ġdid il-momentum għall-proġett Ewropew, il-Kummissjoni għandha tilgħab il-parti sħiħa tagħha għat-tisħiħ u l-immodernizzar ta' l-ekonomija tas-suq soċjali ta' l-Ewropa bbażata fuq żvilupp sostenibbli;

2.  jemmen li d-distinzjoni magħmula bejn 'inizjattivi strateġiċi' u 'inizjattivi ta' prijorità' iżidu ċ-ċarezza u l-kredibbiltà tal-Programm Leġiżlattiv u ta' Ħidma; jitlob madanakollu lill-Kummissjoni sabiex tkun aktar koerenti u preċiża fl-ispjegazzjoni tad-distinzjoni bejn dawk iż-żewġ kategoriji u b'mod partikolari sabiex tiċċara l-perjodu ta' żmien għal preżentazzjoni ta' l-inizjattivi ta' prijorità'; jistieden lill-Kummissjoni biex sitt xhur wara tippreżenta aġġornament dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-LWP;

3.  jilqa' b'sodissfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni approvat sensiela ta' kontribuzzjonijiet magħmula mill-Kumitati tal-Parlament fil-qafas tad-'djalogu strutturali' ġdid kif imfissra fir-rapport fil-qosor tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati;

4.  jitlob madanakollu lill-Kummissjoni sabiex tinforma lill-Parlament għalfejn għażlet li ma tinkludix l-inizjattivi leġiżlattivi li ġejjin fil-Programm ta' Ħidma tagħha 2007 kif mitluba mill-Kumitati tagħha: rikonoxximent mutwali fil-kummerċ ta' prodotti , proposti għat-titjib tal-marka KE, ir-reviżjoni ta' l-istatut għal Kumpanija Ewropea, l-iżvilupp ta' mikro-krediti, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja, il-ħarsien ta' ħaddiema mhux tipiċi, proposta ġdida dwar soċjetà mutwali Ewropea, limiti minimi għal żerriegħa b'kontenut ta' GMOs u proposta dwar l-Inizjattiva għat-Trasparenza;

5.  jemmen li l-operazzjoni tal-Ftehima Qafas dwar relazzjonijiet bejn il-Parlament u l-Kummissjoni tista' u għandha tkun imtejba bl-involviment iktar konsistenti tal-gruppi politiċi fi istadju bikri tal-proċedura;

6.  jiddispjaċih għan-nuqqas ta' interazzjoni bejn l-LWP u l-proċedura baġitarja; bi qbil mal-Ftehima Qafas bejn il-Parlament u l-Kummissjoni, il-Parlament jixtieq itejjeb ir-rabta bejn iż-żewġ proċeduri u jistenna bil-ħerqa li jkun hemm diskussjoni dwar il-modalitajiet kif jista' jsir dan;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinvolvi ruħha fi djalogu bikri mal-Parlament dwar ir-reviżjoni kruċjali tal-qafas baġitarju ta' l-UE u l-prospettivi finanzjarji, ir-reviżjoni f'nofs it-terminu tal-CAP u d-diskussjoni dwar mekkaniżmi ġodda ta' riżorsi tagħhom stess;

8.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni sabiex torbot aħjar lill-Ewropa maċ-ċittadini tagħha permezz ta' strateġija ta' komunikazzjonijiet imtejba, imfassla sabiex toħloq kuxjenza u fehim ta' l-UE f'livelli nazzjonali, reġjonali u lokali; jappoġġja l-inizjattivi kollha sabiex jinbnew sħubijiet u sabiex tisma' u tirreaġixxi b'mod aktar sistematiku għat-tħassib taċ-ċittadini;

9.  għal dan il-għan, jenfasizza l-bżonn partikolari li jiġu kkoordinati l-politiki ta' komunikazzjoni aktar mill-qrib mal-Gvernijiet nazzjonali u l-partiti politiċi bl-iskop li jiġi mniedi djalogu miftuħ u effettiv maċ-ċittadini dwar kwistjonijiet Ewropej; jemmen li din id-Dar, tista' tikkontribwixxi għal dan il-proċess u jistenna li l-Kummissjoni tikkopera mill-qrib mal-Parlament meta tiżviluppa u timplimenta il-politika ta' komunikazzjonijiet tagħha;

10.  jinnota d-determinazzjoni tal-Kummissjoni li tkun involuta fl-abbozzar tad-Dikjarazzjoni ta' Berlin fil-okkazjoni tal-50 anniversarju tat-Trattati ta' Ruma; jemmen li huwa importanti li din id-dikjarazzjoni għandha jkollha karattru inter-istituzzjonali ġenwin bil-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni involuti b'mod konġunt; Jemmen li Dikjarazzjoni bħal din għandha tikkontribwixxi inter alia sabiex tafferma mill-ġdid il-valuri u l-identità ta' l-Unjoni u sabiex tippromwovi riforma istituzzjonali fl-Ewropa;

11.  jilqa' b'sudisfazzjon ix-xewqa tal-Kummissjoni li tinvolvi ruħha b'mod attiv fil-proċess li jiżgura l-adozjoni tat-Trattat Kostituzzjonali Ewropew; jemmen li l-objettivi u r-riformi mħaddna fit-Trattat huma essenzjali għal ħidma tajba u l-iżvilupp futur ta' l-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni flimkien mal-PE, sabiex jieħdu rwol mexxej fit-tiftix ta' soluzzjoni li taħdem għall-impasse istituzzjonali attwali;

Prijoritajiet għall-2007

L-immodernizzar ta' l-Ekonomija Ewropea

12.  jilqa' l-enfasi kbir fil-Programm tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa kontinwa għall-immodernizzar ta' l-ekonomija Ewropea sabiex issir aktar dinamika u kompetittiva meta tiffaċċja l-isfidi globali; jissottolinea l-importanza ta' implimentazzjoni qawwija ta' l-Istrateġija ta' Liżbona, b'enfasi fuq l-interdipendenza tal-progress ekonomiku, soċjali u ambjentali fil-ħolqien ta' ekonomija Ewropea dinamika u innovattiva; itenni l-appoġġ tiegħu għal aġeda Ewropea fejn il-prosperità u s-solidarjetà jkunu objettivi li jappoġġjaw lil xulxin, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tieħu azzjoni li tirrifletti dan;

13.  jistieden lill-Kummissjoni sabiex ittejjeb il-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi, partikularment bil-għan li tippromwovi l-inizjattivi nazzjonali u Ewropej li għandhom l-għan li jrawwmu r-riċerka, il-kapaċitajiet u t-teknoloġiji ġodda, il-qsim ta' l-aħjar prattiki dwar metodi kif tittejjeb l-effettività u l-kwalità ta' l-infiq pubbliku, u sabiex titejjeb il-kwalità ta' l-istatistika;

Ir-Riċerka u l-Iżvilupp

14.  itenni l-urġenza li titrawwem riċerka koperattiva sabiex titejjeb il-kompetittività ta' l-ekonomija Ewropea, partikularment fl-oqsma ta' teknoloġiji avvanzati; Jitlob lill-Kummissjoni biex tappoġġja rwol b'saħħtu għall-UE fil-kunċiżżjoni tal-politika post-Kyoto u fil-miri l-ġodda;

15.  jemmen li l-istabbiliment tal-propost Istitut Ewropew għat-Teknoloġija (EIT), jekk ikun ibbażat fuq prinċipji tajba, għandu jikkontribwixxi lejn il-kompetittività ta' l-ekonomija Ewropea, billi jreġġa lura il-frammentazzjoni tar-riċerka, ta' l-edukazzjoni u ta' l-isforzi għall-innovazzjoni, li s'issa waqqfu l-progress; jinsisti li m'għandhomx jintużaw fondi maħsuba għas-7 Programm ta' Qafas għar-Riċerka sabiex jiffinanzjaw l-attivitajiet ta' l-EIT;

16.  jilqa' l-proposti tal-Kummissjoni għal programm ta' Mundus Erasmus II, bil-għan li jrawwem koperazzjoni ma' pajjiżi terzi fil-qasam ta' l-edukazzjoni għolja; madankollu jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu aktar inizjattivi sabiex jippromwovu l-eċċellenza fl-universitajiet Ewropej, l-edukazzjoni aktar għolja, it-tagħlim tul il-ħajja kollha, kif ukoll għarfien aħjar tal-lingwi;

17.  jenfasizza s-sinifikanza strateġika tas-settur ta' l-ispazju li qed jiżviluppa malajr, u għalhekk jappoġġa bis-sħiħ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tiżviluppa Politika Ewropea koerenti u komprensiva dwar l-Ispazju;

Is-Suq Intern

18.  jistieden lill-Kummisjoni sabiex iżżid l-isforzi tagħha biex tlesti s-suq intern, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jaħsdu l-benefiċċji kollha tiegħu; madankollu, jemmen li l-Istrateġija ta' Suq Wieħed m'għandiex tipprovdi skuża għan-nuqqas ta' inizzjattivi meħtieġa fis-suq intern; jinsisti li s-suq wieħed jista' jiġi żviluppat b'suċċess biss f'kuntest ta' promozzjoni tal-kompetizzjoni ġusta, il-koeżjoni, livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur, u rispett lejn il-prinċipji ta' Gothenburg;

19.  itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni sabiex tesplora kull metodu possibbli biex ittejjeb is-sistemi ta' brevetti u ta' litigazzjoni għall-brevetti;

20.  Jenfasizza l-importanza li jitlesta s-suq intern fil-qasam tas-servizzi finanzjarji u l-assikurazzjonijiet, u, partikularment, ta' l-impenn tal-Kummissjoni li tipproponi l-immodernizzar tal-leġiżlazzjoni dwar is-solvenza, il-fondi ta' investiment (UCITS) u t-trattament tal-VAT għas-servizzi finanzjarji; madankollu, jikkunsidra li l-implimentazzjoni xierqa u fil-ħin tal-leġiżlazzjoni diġà adottata fi snin riċenti għandha tkun prijorità ewlenija għall-2007 fil-qasam tal-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni sabiex tħejji rapport dwar l-impatt possibbli ta' fondi privati ta' ekwità u fondi ta' lqugħ dwar stabbilità finanzjarja, il-prestazzjoni ekonomika u l-impiegi;

Nindirizzaw l-isfidi tas-soċjetà Ewropea

21.  jinnota lil l-Kummissjoni qed tippjana li tagħmel "inventarju komprensiv tas-soċjetà Ewropea" imma jistedinha sabiex dan ikun aktar ambizzjuz u, billi l-2007 se tkun is-Sena Ewropea għall-Ugwaljanza fl-Opportunitajiet, tieħu numru ta' inizzjattivi fl-oqsma ta' l-esklużjoni soċjali, il-faqar, il-protezzjoni tal-ħaddiema mhux tipiċi u protezzjoni soċjali aħjar fit-tipi ġodda ta' impiegi, kif ukoll tevalwa l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE fil-ġlieda kontra kull forma ta' diskriminazzjoni, u kull inizjattiva meħtieġa fil-qasam;

22.  jistieden sabiex ikun hemm tkomplija xierqa tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-inklużjoni attiva tan-nies li huma l-aktar mbiegħda mis-suq tax-xogħol;

23.  jistieden lill-Kummissjoni sabiex tidentifika b'mod ċar il-bażi legali għall-ġlieda konta kull forma ta' vjolenza, partikularment kontra n-nisa u t-tfal;

24.  jilqa' f'dan il-kuntest jilqa' l-objettiv tal-Kummissjoni li tesplora l-passaġġi possibbli sabiex tittejjeb il-flexicurity u sabiex tgħin lill-Istati Membri jiksbu kemm produttività għolja u kemm protezzjoni soċjali;

Protezzjoni tal-Konsumatur

25.  jitlob lill-Kummissjoni għal spinta ġdid fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur, partikularment immirata sabiex tikkonsolida u tirrevedi l-acquis dwar il-konsumatur sabiex issaħħaħ l-effettività tal-protezzjoni tal-konsumatur u tad-drittijiet tal-konsumatur, sabiex tkun żgurata l-protezzjoni tal-konsumaturi vulnerabbli, sabiex ikunu msaħħa l-informazzjoni u l-għarfien tal-konsumaturi dwar id-drittijiet u l-kumpens - eżempju billi jkun hemm kampanja ta' informazzjon madwar l-UE - u billi tipproteġi l-interess tal-konsumatur f'oqsma ta' politika relatati; jirrimarka li fil-kuntest, leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur m'għandiex tikkostitwixxi kanal għall-ħolqien ta' barrieri ġodda fis-suq intern, imma minflok għandha tiżgura li l-konsumaturi fl-Istati Membri kollha jibbenefikaw mil-livell għoli ta' protezzjoni li diġà intlaħaq;

26.  għalhekk jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Produzzjoni Sostenibbli u l-Konsum għaliex jintegra kemm fid-dimensjoni soċjali u kemm f'dik ekonomika;

Is-sigurtà taċ-ċittadini, il-ġustizzja u l-migrazzjoni

27.  jeżiġi l-impenn ta' l-Istati Membri ta' l-UE u tal-Kummissjoni Ewropea biex jindirizzaw l-kawżi strutturali tal-migrazzjoni massiva, billi jadattaw u jaġġornaw il-politiki kurrenti tagħhom, sabiex jippermettu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jipproteġu u jibnu l-ekonomiji tagħhom, u sabiex jippermettu dħul diċenti għall-populazzjonijiet tagħhom, li jikkonstitwixxi l-unika alternattiva għaż-żmien twil sabiex titnaqqas l-imigrazzjoni klandestina;

28.  Jistieden lill-Istati Membri biex isaħħu l-kooperazzjoni u l-assistenza teknika reċiproka bejn is-servizzi tagħhom ta' kontroll tal-fruntieri u ż-żieda ta' l-iffinanzjar tal-FRONTEX, sabiex jiġġieldu kontra l-ittraffikar tal-bnedmin; Jitlob li l-konklużjoni tal-ftehimiet ta' ammissjoni mill-ġdid tkun ġusta u tirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-migranti u li tikkunsidra l-bżonnijiet ta' bejn l-Istati Membri ta' l-UE u dawk tal-pajjiżi ta' oriġinu u ta' transitu;

29.  jemmen li politika komuni ta' imigrazzjoni, visa u ażil, kif ukoll integrazzjoni ekonomika u soċjali effettiva ta' l-imigranti fuq il-bażi ta' prinċipji komuni, għandha tkun fil-qalba ta' l-azzjoni Ewropea għall-2007; Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattivi tal-Kummissjoni dwar l-imigrazzjoni għal raġunijiet ta' xogħol u dwar sanzjonijiet għal min iħaddem ċittadini minn pajjiżi terzi li jkunu residenti illegali; jerġa' jisħaq għall-adozzjoni tal-proċedura ta' kodeċiżjoni u għall-ivvutar tal-maġġoranza kwalifikattiva fiz-zoni kollha marbuta ma' l-imigrazzjoni;

30.  Jisħaq il-bżonn ta' politika komuni ta' UE dwar il-viża, bil-konklużjoni tal-VIS (Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża) bħala element prinċipali ta' dan l-objettiv; jisħaq, madankollu, fuq il-preokkupazzjoni tiegħu fir-rigward tal-ħarsien tad-'data', aċċess għad-'data' u interoperabilità tal-bażi tad-'dejta' u jiddispjaċih li d-Deċiżjoni Qafas dwar il-Protezzjoni tad-'Data' fit-tielet pilastru baqgħet inblukkata fil-Kunsill;

31.  jappoġġja bil-qawwi l-Kummissjoni fl-intenzjoni tagħha li taġġorna d-deċiżjoni ta' qafas dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, b'mod partikulari billi tindirizza l-problemi tat-tixrid ta' splussivi u tat-trażmissjoni ta' għarfien espert, u billi tiġġieled l-propoganda tat-terroriżmu, imma tisħaq li s-sigurtà miżjuda għaċ-ċittadini m'għandhiex tikkomprometti l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tagħhom;

32.  jinsisti fuq il-bżonn li tiġi solvuta l-kriminalità fuq l-internet, kif ukoll li jitjiebu l-kontrolli fuq il-fruntieri u l-immaniġjar tat-talbiet ta' viżi, filwaqt li jenfasizza l-importanza tad-dħul rapidu fis-seħħ kemm tas-SIS II u tal-VIS;

33.  jitlob lill-Kummissjoni biex fl-2007 tressaq rapport dwar kif id-drittijiet tal-ħaddiema staġjonali fl-UE jistgħu jkunu protetti, sabiex jiġu evitati l-abbużi u l-ksur ta' l-istandards ewlenin tax-xogħol, kif inhu il-każ preżentament;

34.  jiftakar li għad fadal ħafna xi jsir biex jiġi żgurat aċċess ġust u effiċjenti għall-ġustizzja għal kulħadd; Jisħaq fuq iktar inizjattivi fil-qasam tal-ġustizzja ċivili sabiex jingħata l-qafas legali ta' bilanċ li jagħti s-sigurtà u l-aċċess għall-ġustizzja;

Enerġija sikura, kompetittiva u sostenibbli

35.  jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni biex l-iżvilupp tal-"Politika Ewropea għall-enerġija" isir objettiv strateġiku għall-2007, ibbażat fuq il-prinċipji ta' sigurtà u diversità tal-provvista, sostenibilità, effiċjenza u iktar indipendenza enerġetika;

36.  jisħaq li element essenzjali ta' politika komuni dwar l-enerġija għandu jkun is-solidarjetà bejn l-Istati Membri sabiex wieħed jaffaċċja d-diffikultajiet marbuta mas-sigurtà fiżika ta' infrastrutturi u tas-sigurtà tal-provvista; iqis, barra minn hekk, li solidarjetà mtejba ta' dan it-tip issaħħaħ b'mod konsiderevoli l-kapaċità ta' l-UE biex tiddefendi l-interessi komuni tagħha dwar il-kwistjonijiet ta' l-enerġija fuq livell internazzjonali;

37.  Huwa fermament tal-fehma li parti essenzjali biex tinżamm is-sigurtà tal-provvista hi t-traspożizzjoni rapida ta' dispożizzjonijiet kurrenti ta' l-UE mill-Istati Membri kollha biex jinkiseb suq intern li jiffunzjona bis-sħiħ fl-elettriku u fil-gass biex jitjiebu l-kompetittività, t-trasparenza u l-effiċjenza enerġetika;

38.  iħeġġeġ lill-Istati Membri biex joħolqu suq intern ta' l-UE għall-enerġija billi jiffissaq bilanċ bejn s-sorsi interni u esterni ta' provvisti u billi jiżguraw l-interoperabilità tal-gradilji ta' l-enerġija nazzjonali;

39.  jitlob lill-Kummissjoni biex tiżviluppa aħjar is-sinerġiji bejn l-iżvilupp ekonomiku fuq naħa waħda, u l-iżvilupp/użu ta' teknoloġiji nodfa u li jiffrankaw l-enerġija minn naħa l-oħra, peress li l-kumplimentaritajiet huma qawwijin u jikkonstitwixxu sors potenzjali ta' kompetittività miżjuda;

Nagħmlu l-Ewropa post aħjar fejn ngħixu

Żvilupp ambjentali u sostenibbli

40.  jenfasizza l-irwol ta' tmexxija ta' l-Unjoni Ewropea fuq il-livell internazzjonali fil-promozzjoni ta' kwistjonijiet ambjentali, u jaqbel li, għas-snin li ġejjin, l-isforzi għandhom ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-bijodiversità u l-Bidla fil-Klima, speċjalment bl-iżvilupp tal-kunċett "diplomazija ħadra", kif ukoll bil-għan li jkun hemm politika speċifika dwar l-enerġija ffukata fuq iż-żieda tas-sehem ta' l-enerġija li tiġġedded u ta' l-effiċjenza fl-Ewropa; f'dan ir-rigward jilqa' l-Green Paper dwar il-Bidla fil-Klima wara l-2012 li se tgħin fl-identifikazzjoni ta' oqsma li jeħtieġu l-azzjoni;

41.  jistieden lill-Kummissjoni sabiex tappoġġa rwol b'saġġtu għall-UE fil-konċepiment ta' politiki ta' wara Kyoto u ta' għanijiet ġodda;

42.  jistenna li l-proposta tirrevedi l-iskema tan-negozjati ta' l-emmissjonijiet ta' l-UE bil-għan li tittejjeb l-effettività ta' l-iskema, b'hekk ikunu inklużi wkoll l-emmissjonijiet ta' l-avjazzjoni fl-iskema tan-negozjati;

43.  iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tikkordina aħjar il-politika dwar it-trasport u l-ambjent, fl-ispirtu ta' żvilupp sostenibbli, billi tipproponi miri konkreti ta' tnaqqis ta' CO2 għall-flotta totali ta' vetturi u tintegra t-trasport bl-ajru fl-obbligi li jorbtu tal-Protokoll ta' Kyoto;

44.  jiddispaċih li l-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-bijodiverstià fl-UE ma ġietx enfasizzata bħala prijorità għall-2007, u jinkoraġġixxi aktar lill-Kummissjoni sabiex tieħu t-tmexxija fl-iffaċċjar ta' l-isfida globali tat-telf ta' bijodiverstià, filwaqt li tiżgura l-immanniġġar xieraq tan-netwerk NATURA 2000, speċjalment fiz-zoni tal-baħar;

45.  jistieden lill-Kummissjoni sabiex tieħu l-inizzjattivi meħtieġa sabiex tippermetti l-ħolqien ta' ambjent aħjar għall-iżvilupp ta' għal għejun ta' enerġija mhux ta' CO2; jisħaq li l-bidla fil-klima għandha konsegwenzi mhux biss għall-ambjent, imma wkoll għas-saħħa u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni biex tindirizza t-theddid il-ġdid u l-effetti fuq tul ta' żmien twil;

Saħħa

46.  jilqa' l-kontribut tal-Kummissjoni fit-tfassil ta' politika tas-saħħa fl-Ewropa, u jemmen bis-sħiħ li l-protezzjoni u promozzjoni tas-saħħa għandhom jikkostitwixxu komponent bażiku tal-politiki ta' l-UE;

47.  jenfasizza l-fatt li strateġija tas-saħħa Ewropea effettiva titlob għal kollaborazzjoni mtejba bejn is-servizzi tas-saħħa, b'mod partikolari fir-rigward tal-mobilità tal-pazjenti u tas-sikurezza tal-pazjenti (eż. iffalsifikar ta' drogi), informazzjoni għall-pazjenti dwar il-farmaċewtiċi, u bidliet fil-mod ta' għajxien, u biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-proċess tax-xjuħija b'saħħitha;

Il-Biedja u s-sajd

48.  qed jistenna l-proposta tal-Kummissjoni dwar is-simplifkazzjoni tal-CAP kif ukoll dik dwar l-organizzazzjoni tas-suq komuni waħdieni (CMO), b'konformità ma' l-objettivi ta' simplifikazzjoni u trasparenza; jenfasizza li fid-dawl tar-reviżjoni f'nofs perjodu tal-baġit Komunitarju fl-2008, l-irwol reġjonali, soċjali u ambjentali tas-CAP għandu jkun imtejjeb flimkien ma' l-istabbilizzazzjoni tal-fondi Komunitarji ta' l-agrikoltura;

49.  jilqa' ż-żieda ta' l-inizjattivi ta' Simplifikazzjoni fil-qasam tal-CAP u jagħti attenzjoni partikulari lill-importanza ta' l-impenn tal-Kummissjoni sabiex tirraporta dwar l-operat ta' sistema ta' Kontro Konformità; jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-intenzjoni tal-Kummissjoni li terġa' tfassal u terġa' timmodernizza r-rekwiżiti eżistenti ta' l-ittikkettar ta' l-għalf;

50.  jilqa' r-regolament propost immirat lejn iż-żieda fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux regolat, partikularment minħabba t-telf konsiderevoli li jikkawża fil-komunitajiet kostali u lis-sajjieda li joperaw legalment; madankollu jiddispajċih għan-nuqqas ta' inizjattiva u spinta politika ġenerali fil-qasam tas-CFP, li huma neċessarji sabiex ikunu ffaċċjati l-isfidi l-ġodda kemm fi ħdan l-UE u kemm internazzjonalment;

L-Ewropa bħala sieħba dinjija

Politika ta’ Viċinanza

51.  jilqa’ b’sodisfazzjon l–impenn tal-Kummissjoni sabiex tagħti prijorità lit-tisħiħ tal-Politika tal-Viċinanzi Ewropea, iżda jemmen li huma meħtieġa proposti u passi konkreti sabiex ilaħħmu lil dan l-impenn; javża kontra s-sogru li l-Politika tal-Viċinanzi Ewropea tillimita ruħha għal relazzjonijiet bilaterali u amministrattivi jew “burokratiċi” mal-pajjiżi konċernati; jesprimi l-fehma li ċerti karatteristiċi tal-politika għandhom jiġu riveduti sabiex jitqiesu l-aspettattivi tad-diversi pajjiżi konċernati u sabiex l-arranġamenti jkunu jaqblu aktar mal-bżonnijiet tagħhom; f’dan ir-rigward, jistieden lill-Parlament Ewropew sabiex ikun involut fil-proċess;

52.  jistieden lill-Kummissjoni sabiex tħejji rapport annwali dwar il-konformità mal-klawżola tal-Ftehimiet dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, akkumpanjat b’evalwazzjoni dettaljata u rakkomandazzjonijiet relatati ma’ l-effettività u l-koerenza ta’ l-azzjoni meħuda;

Stabilità u demokrazija fl-Ewropa tax-Xlokk

53.  jinnota li l-pajjiżi ta' l-Ewropa tax-xlokk qed joqorbu li jiksbu l-momentum ta’ l-adeżjoni msemmi 'fl-Istqarrija ta’ Thessaloniki’, u jistenna li l-Unjoni tieħu rwol mexxej fil-konsolidazzjoni ta’ l-istabilità u tkabbir tal-prosperità fil-Balkani tal-Punent, u b’hekk jgħinu lill-pajjiżi tar-reġjun fi triqthom lejn is-sħubija ma’ l-UE;

Ir-Russja

54.  jfakkar lill-Kummissjoni li l-Ftehim għal Sħubija u Koperazzjoni attwali mar-Russja ser jibqa’ għaddej fl-2007; jisdieden lill-Kummissjoni biex tiproponi prinċipji ta’ ġwida għall-kontenut strateġiku tar-relazzjonijiet ta’ l-UE mar-Russja, u b’mod partikulari biex tenfasizza l-importanza li tpoġġi d-demokrazija, id-drittijiet umani u l-libertà ta’ l-espressjoni fil-qalba ta’ relazzjoni future, u tinstitwixxi mekkaniżmu ċar biex timmoniterja l-implimentazzjoni tal-klawżoli kollha ta' ftehim bħal dan.

Politika ta’ Żvilupp

55.  jitlob lill-Istati Membri kollha u lill-Kummissjoni biex ikunu aktar ambizzjużi fir-rispett ta’ l-impenji tagħhom lejn l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp, u jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti konkreti għal iffinanzjar alternattiv ta’ programmi ta’ l-iżvilupp;

56.  jemmen li, sabiex il-pajjiżi ta’ l-ACP ikunu jistgħu jilħqu l-għanijiet għall-iżvilupp, l-aspett ta’ l-iżvilupp reġjunali għandu jiġi rispettat kif xieraq fin-negozjar dwar Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika;

Politka tal-kummerċ u negozjati tad-WTO

57.  fuq livell multilaterali, jitlob għal riżultat ta’ suċċess u ambizjuż tad-Doha Round; jiddispjaċih li kien neċessarju li n-negozjati dwar l-Aġenda dwar l-Iżvilupp ta’ Doha jiġu sospiżi sine die u rrimarka li falliment ta’ negozjar multilaterali u ċaqliq lejn ftehimiet bilaterali/reġjunali jista’ jwassal għal proċess mhux indaqs ta’ liberalizzazzjoni u żvilupp żbilanċjat u għalhekk jaffetwaw b'mod ħażin, partikularment, lill-pajjiżi l-inqas żviluppati;

ESDP

58.  jenfasizza l-bżonn li jissaħħu l-mekkaniżmi ta’ superviżjoni parlamentari għall-iżvilupp tal-Politika Ewropea għas-Sigurtà u għad-Difiża (ESDP) inġenerali, u missjonijiet ta’ l-ESDP b’mod partikulari, u tenfasizza l-bżonn li tiġi pprovduta informazzjoni pro-attiva u li jsiru dibattiti qabel ma’ jiġu deċiżi azzjonijiet konġunti fil-qasam ta’ l-ESDP, sabiex il-parlamenti jkunu jistgħu jesprimu l-opinjonijiet u l-ħsibijiet tagħhom;

Leġiżlazzjoni aħjar

59.  jenfasizza l-bżonn li tiġi aċċellerata s-simplifikazzjoni u l-konsolidazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ta’ l-UE u li jsir aktar sforz għal regolamentazzjoni aħjar, transpożizzjoni fil-pront u implimentazzjoni korretta ta’ leġiżlazzjoni ta’ l-UE; jagħmel appell għal monitoraġġ aktar qawwi u għal mekkaniżmu ta’ infurzar għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea fl-Istati Membri;

60.  jinsisti li l-inizjattivi kollha ta’ simplifikazzjoni jkunu totalment konformi mal-prinċipji u mal-kundizzjonijiet kollha stipulati fir-riżoluzzjoni dwar l-istrateġija għal simplifikazzjoni ta’ l-ambjent regolatorju adottat fis-16 ta’ Mejju 2006;

Evalwazzjonijiet ta’ Impatt

61.  jilqa’ b’sodisfazzjon l-inklużjoni ta’ l-Evalwazzjonijiet ta’ Impatt fil-proċess leġiżlattiv, u l-fatt li l-LWP enfasizza konvergenza fuq il-bżonn għal leġiżlazzjoni ta' kwalità għolja, u li l-Kummissjoni tieħu ħsieb li twettaq l-evalwazzjonijiet ta' impatt fuq l-inizjattivi kollha ta' strateġija u ta' prijorità; jinsisti fuq il-bżonn għal evalwazzjonijiet ta’ impatt indipendenti, però jenfasizza li dawn m’għandhomx iwasslu għal dewmien mhux ġustifikat fil-proposti tal-Kummissjoni; jfakkar li 'regolamentazzjoni aħjar' mhux bilfors tfisser deregolamentazzjoni jew forom ta’ regolamentazzjoni minima;

Liġi li torbot

62.  jiddispjaċih dwar iż-żieda fl-użu ta’ liġi li torbot min-naħa tal-Kummissjoni, bħal rakkomandazzjonijiet u komunikazzjonijiet interpretattivi, li imbagħad jeludu l-prerogattivi ta’ l-awtorità leġiżlattiva;

Monitoraġġ ta’ l-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ l-acquis

63.  jiddispjaċih li l-Kummissjoni toffri biss rispons dgħajjef għat-talba tal-Parlament dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ l-UE fl-Istati Membri;

64.  jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel il-proċess sħiħ ta’ traspożizzjoni u l-implimentazzjoni aktar trasparenti u biex tipperswadi lill-Istati Membri biex jipproduċu l-imsemmija “tabelli ta’ korrelazzjoni” li juri eżatt liema partijiet ta’ kwalunkwe qasam ta’ leġiżlazzjoni hu meħud mill-Unjoni Ewropea u mill-Istati Membri rispettivament;

Responsabilità baġitarja

65.  jistenna li r-riformi ġodda kollha stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali l-ġdid dwar id-dixxiplina baġitarja u mmaniġġjar finanzjarju sod tas-17 ta’ Mejju 2006, ikunu totalment implimentati matul l-2007, biex hekk jippermettu impatt ħafif f’termini ta’ implimentazzjoni ta’ kwalità ogħla tal-baġit;

66.  jitlob lill-Kummissjoni biex tiżġura, tiffaċilita u tinkoraġġixxi l-implimentazzjoni total ital-Baġit Komunitarju, b’mod partikulari fl-Istati Membri ġodda, peress li l-2007 ser tkun sena kruċjali għall-implimentazzjoni tal-politiki strutturali ġodda; jitlob lill-Kummissjoni biex tapplika għall-miżuri kollha neċessarji sabiex tagħmilha possibbli li l-programmi operazzjonali għall-perjodu ta' l-iffinanzjar il-ġdid, skond il-linji gwida strateġiċi għal koeżjoni, ikunu lesti u jibdew jiġu implimentati fil-ħin għall-Istati Membri kollha;

67.  jenfasizza l-importanza li jehmeż ma’ l-aġenda tar-riforma, b’mod partikulari fil-qasam tal-ġlied kontra l-frodi u l-immaniġjar ħażin peress li każijiet bħal dawn qed jikkontribbwixxu għal aktar xettiċiżmu fl-UE; jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni tidher li naqqset il-programm tagħha originali tar-riforma; f’dan il-kuntest jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli bix-xogħol tagħha fuq il-Pjan ta’ Azzjoni għal Qafas Integrat ta’ Kontroll Intern u għall-Inizjattiva tat-Trasparenza;

68.  jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet ta’ l-Istati Membri.