Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B6-0032/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B6-0032/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA

29.1.2007

imressqa skond l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura minn
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi li ġejjin: dwar l-inizjattiva favur moratorju universali għall-piena tal-mewt

Proċedura : 2007/2502(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B6-0032/2007

riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-inizjattiva favur moratorju universali għall-piena tal-mewt

Il-Parlament Ewropew,

-  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar moratorju universali għall-piena tal-mewt u partikularment ir-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2003; tas-6 ta' Mejju 1999, u tat-18 ta' Gunju, 1998,

-  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet dwar il-moratorju għall-piena kapitali adottata minn korpi varji tan-NU, inkluża l-Kummissjoni tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem,

-  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet ta' l-UE li jappoġġjaw moratorju universali għall-piena kapitali, b'mod partikulari d-dikjarazzjoni preżentata f'Diċembru li għadda fl-Assemblea Ġenerali tan-NU, li kienet iffirmata minn 85 pajjiż mill-gruppi kollha ġeografiċi,

-  wara li kkunsidra l-Linjigwida dwar il-politika ta' l-UE lejn pajjiżi terzi rigward il-piena tal-mewt,

-  wara li kkunsidra l-Artikolu 103 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi l-piena tal-mewt hija kastig krudil u inuman u vjolazzjoni tad-dritt għall-ħajja,

B.  billi l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt huwa valur fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea u huwa rekwiżit għal kull pajjiż li jixtieq jissieħeb fl-UE,

C.  billi huma inkwetat ħafna li llum f'għadd numeruż ta' pajjiżi għad baqa' leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jikkontemplaw il-piena għall-mewt kif ukoll leġiżlazzjonijiet biex jerġgħu idaħħluha u li mijiet ta' bnedmin fis-sena qed tingħatalhom il-mewt,

D.  billi, fl-istess ħin, qed tkompli t-tendenza lejn it-tneħħija tal-piena tal-mewt fid-dinja kollha; filwaqt li, f'dan ir-rigward, jilqa' t-tneħħija totali tal-piena tal-mewt fil-Liberja, fil-Messiku, fil-Filippini u fil-Moldova f'dawn l-aħħar snin u ċ-ċaħda tal-Kungress Peruvjan ta' l-abbozz tal-liġi dwar id-dħul tal-piena tal-mewt fil-leġiżlazzjoni għal reati marbutin mat-terroriżmu,

E.  billi l-Unjoni Ewropea ddeċidiet, li taħdem fi ħdan korpi internazzjonali għall-abolizzjoni tal-piena tal-mewt fil-qafas tal-"Linjigwida ta' l-UE dwar il-piena tal-mewt" adottati fil-Lussemburgu fis-6 ta' Ġunju 1998,

F.  billi fid-9 ta' Jannar 2007 l-Gvern Taljan u l-Kunsill ta' l-Ewropa ddeċidew li jaħdmu flimkien sabiex jiġbru kull appoġġ possibbli għall-inizjattiva preżenti fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għal moratorju dinji għall-eżekuzzjonijiet bil-għan li l-piena tal-mewt tiġi abolita kompletament,

G.   billi fis-27 ta' Lulju 2006 l-Kamra tad-Deputati Taljani adottat unanimament riżoluzzjoni li titlob lill-Gvern Taljan : ''illi, fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li jmiss, u wara li jiġu kkonsultati l-imsieħba tiegħu ta' l-UE, mingħajr madankolu ma jkollha tgħaddi mill-proċedura ta' l-unanimità, jippreżenta mozzjoni għal riżoluzzjoni dwar moratorju universali għall-piena tal-mewt sabiex tiġi abolita kompletament il-piena tal-mewt fid-dinja''; billi fit-22 ta' Jannar 2007 l-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea qabel li l-Presidenza Ġermaniża ta' l-UE se tivverifika fi New York il-possibiltajiet u l-modalitajiet sabiex jerġa' jinfetaħ id-dibattitu u sabiex tiġi diskussa l-proposta tal-moratorju universali għall-piena tal-mewt,

H.  filwaqt li jikkundanna l-eżekuzzjoni ta' Saddam Husseim u l-esplojtazzjoni mill-midja tat-tgħalliq tiegħu,

1.   Itenni l-pożizzjoni tiegħu, kostanti għal bosta żmien, kontra l-piena tal-mewt fi kwalunkwe każ u ċirkustanza, u jesprimi għal darba oħra l-konvinzjoni tiegħu li l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt tikkontribwixxi għas-sedqa tad-dinjità umana u għall-iżvilupp progressiv tad-drittijiet tal-bniedem;

2.   Jitlob sabiex jiġi stabbilit immedjatament u bla ebda kundizzjoni moratorju internazzjonali fuq l-eżekuzzjonijiet kapitali bil-ħsieb li dawn jiġu aboliti permezz ta' dikjarazzjoni għal dan l-iskop ta' l-Assemblea Ġenerali attwali tan-Nazzjonijiet Uniti, u li l-implimentazzjoni effettiva tagħha tkun tista' tiġi mmoniterjata mis-Segretarju Ġenerali tan-NU;

3.   Jappoġġja bis-sħiħ l-inizjattiva tal-Kamra tad-Deputati u tal-Gvern Taljan li hija appoġġjata mill-Kunsill ta' l-Unjoni, mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Kunsill ta' l-Ewropa;

       

4.   Jitlob lill-Presidenza ta' l-UE sabiex tieħu b'urġenza azzjoni xierqa sabiex tiżgura li din ir-riżoluzzjoni tiġi sottomessa b'urġenza lill-Assemblea Ġenerali tan-NU; jitlob lill-Presidenza ta' l-UE u lill-Kummissjoni sabiex iżommu l-Parlament Ewropew infurmat dwar ir-riżultati li jintlaħqu fl-Assemblea Ġenerali attwali tan-NU dwar moratorju universali għall-piena tal-mewt;

5.   Jitlob lill-istituzzjonijiet ta' l-UE u lill-Istati Membri sabiex jagħmlu l-ħiliet tagħhom kollha, kemm politiċu u kemm diplomatiċi, sabiex jiżguraw is-suċċess ta' din ir-riżoluzzjoni fi ħdan l-Assemblea Ġenerali attwali tan-Nazzjonijiet Uniti;

6.   Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri kollha ta' l-UE biex jirratifikaw bla dewmien it-Tieni Protokoll Fakultattiv tal-Patt ta' l-ICCPR, bil-għan li l-piena tal-mewt titneħħa kompletament;

7.   Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, liċ-'Chairperson' ta' l-Assemblea Ġenerali tan-NU u lill-Istati Membri tan-NU kollha.