MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
13.3.2007
- –José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Stefano Zappalà, Karl von Wogau, Tunne Kelam, Vytautas Landsbergis u Bogdan Klich, f'isem il-Grupp PPE-DE
- –Martin Schulz, Jan Marinus Wiersma, Ana Maria Gomes u Achille Occhetto, f’isem il-Grupp PSE
- –Annemie Neyts-Uyttebroeck u Marios Matsakis, f’isem il-Grupp ALDE
- –Ģirts Valdis Kristovskis, Ryszard Czarnecki u Hanna Foltyn-Kubicka, f'isem il-Grupp UEN
- –Angelika Beer, Jill Evans u Caroline Lucas, f'isem il-Grupp Verts/ALE
- –André Brie, Luisa Morgantini, Vittorio Agnoletto, Tobias Pflüger, Dimitrios Papadimoulis, Esko Seppänen u Jens Holm, f’isem il-Grupp GUE/NGL
- –Verts/ALE (B6‑0078/2007)
- –ALDE (B6‑0085/2007)
- –PPE-DE (B6‑0087/2007)
- –UEN (B6‑0088/2007)
- –GUE/NGL (B6‑0093/2007)
- –PSE (B6‑0095/2007)
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar in-non-proliferazzjoni u d-diżarm nukleari
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-tielet sessjoni ta' l-NPT PrepCom, li se tinżamm fi Vjenna mit-30 ta' April sal-11 ta' Mejju 2007,
– wara li kkunsidra l-konsensus fl-UE biex jingħata nifs ġdid u jissaħħaħ l-NPT minn issa sal-Konferenza ta' Reviżjoni ta' l-NPT li ġejja, li għandha ssir fl-2010,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 1540 (2004) u 1673 (2006) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-proliferazzjoni ta' armi nukleari, kimiċi u bijoloġiċi,
– wara li kkunsidra l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' Sigurtà ta' l-UE u, b'mod partikulari, l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi tal-Qerda tal-Massa (WMD), adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2003,
– wara li kkunsidra, u jerġa' jtenni, ir-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-NPT, partikularment ir-riżoluzzjoni wiesgħa tiegħu adottata fl-10 ta' Marzu 2005 dwar il-Konferenza ta' Reviżjoni tat-Trattat dwar in-Non-Proliferazzjoni Nukleari ta' Mejju 2005,
– wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni ta' l-UE ta' l-2005 dwar l-NPT,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. wara li kkunsidra l-konsensus qawwi fl-UE biex jingħata nifs ġdid u jissaħħaħ l-NPT minn issa sal-Konferenza ta' Reviżjoni ta' l-NPT li ġejja, li għandha ssir fl-2010,
B. jenfasizza li l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà, l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' l-Armi tal-Qerda tal-Massa u r-Riżoluzzjoni 1540 tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU jenfasizzaw l-importanza tan-non-proliferazzjoni nukleari u d-diżarm, u jiddeskrivu l-proliferazzjoni ta' l-armi tal-qerda tal-massa u l-mezzi ta' twassil tagħhom bħala waħda mit-theddidiet l-aktar importanti għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali,
C. ifakkar fid-dikjarazzjoni fir-rapport tal-Panel ta' Livell Għoli tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar it-Theddidiet, l-Isfidi u l-Bidla 'Dinja aktar sikura: Ir-Responsabbilità tagħna lkoll' li 'qed noqorbu lejn punt fejn it-tgħawwir tar-reġim tan-non-proliferazzjoni jista' jsir wieħed irriversibbli u jirriżulta f'żieda qawwija fil-proliferazzjoni',
D. iqis il-kunsens internazzjonali dejjem ikbar dwar l-urġenza tad-diżarm nukleari kif promossa mill-Koalizzjoni ta' l-Aġenda l-Ġdida u d-Dikjarazzjoni ta' Ruma tal-Laqgħa Għolja Dinjija tar-rebbieħa tal-Premju Nobel għall-Paċi (imlaqqa’ minn Mikhail Gorbachev u s-Sindku ta' Ruma, Walter Veltroni) tat-30 ta' Novembru, 2006,
E. jenfasizza l-irwol tal-parlamenti u tal-parlamentari biex jippromwovu n-non-proliferazzjoni nukleari u d-diżarm u, f'din il-perspettiva jilqa' l-isforzi tan-Netwerk Parlamentari dwar id-Diżarm Nukleari (PNND),
1. Jerġa jikkonferma l-pożizzjoni tiegħu li l-NPT huwa l-pedament tar-reġim globali ta' non-proliferazzjoni, is-sies essenzjali għall-promozzjoni ta' koperazzjoni fl-użi paċifiċi ta' l-enerġija nukleari u element importanti sabiex jitmexxa 'l quddiem l-għan li jintlaħaq diżarm nukleari u diżarm ġenerali skond l-Artikolu VI tat-Trattat;
2. Jistieden lill-Istati li l-attivitajiet tagħhom jiksru r-reġim ta' non-proliferazzjoni biex iwaqqfu l-imġiba mhux għaqlija u rresponsabbli tagħhom u biex jikkonformaw fis-sħiħ ma' l-obbligi tagħhom skond l-NPT; jerġa' jtenni s-sejħa tiegħu lill-Istati kollha li mhumiex parti mill-NPT biex jaderixxu għal dak it-Trattat;
3. Iħeġġeġ kemm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jipparteċipaw b'mod attiv fid-diskussjonijiet li qed isiru fil-laqgħa tal-PrepCom ta' l-NPT fi Vjenna u sabiex jagħtu kontribut koordinat, sostanzjali u viżibbli lejn ir-riżultat pożittiv tal-Konferenza ta' Reviżjoni ta' l-NPT ta' l-2010;
4. Jistieden kemm lill-Kunsill kif ukoll lill-Kummissjoni biex jiċċaraw liema passi qed jaħsbu li jieħdu biex isaħħu t-Trattat ta’ Non-Proliferazzjoni u biex ifittxu multilateraliżmu effettiv, kif stipulat fl-Istrateġija ta’ l-UE ta’ Diċembru 2003 kontra l-Proliferazzjoni ta' Materjali u Armi tal-Qerda tal-Massa ;
5. Jafferma li sabiex l-isforzi multilaterali jkunu effettivi, dawn għandhom ikunu bbażati f'viżjoni żviluppata sew ta' kisba ta' dinja ħielsa mill-armi nukleari fl-eqreb data possibbli;
6. Iħeġġeġ lill-Presidenza biex tipproduċi rapporti regolari ta' progress fis-snin li se jwasslu għall-Konferenza ta' Reviżjoni ta' l-2010 dwar l-implimentazzjoni ta' kull waħda mit-43 miżura adottati fil-Pożizzjoni Komuni tal-25 t'April 2005 marbuta mal-Konferenza ta’ Reviżjoni ta’ l-NPT ta' l-2005, kif ukoll lista ta' impenji ġodda li l-Kunsill jixtieq jasal għalihom fil-Konferenza ta’ Reviżjoni ta’ l-NPT ta' l-2010;
7. Iħeġġeġ lill-Presidenza biex waqt il-PrepCom tippromwovi numru ta’ inizjattivi ta’ diżarm, ibbażati fuq id-“Dikjarazzjoni tal-Prinċipji u ta’ l-Għanijiet” li sar ftehim dwarha fl-aħħar tal-Konferenza ta’ Reviżjoni ta’ l-NPT ta’ l-1995 u fuq it-“13-il Pass Prattiku” li kien sar ftehim unanimu dwarhom fil-Konferenza ta’ Reviżjoni ta’ l-NPT tas-Sena 2000, li għandhom jittejbu u jiġu implimentati sabiex isir progress (biex tkun evitata rigressjoni jew waqfien);
8. Iħeġġeġ lill-Presidenza, b'mod partikulari, biex jintrebaħ l-istaġnar dwar it-twaqqif ta' Trattat verifikabbli dwar il-Qtugħ tal-Produzzjoni ta' Materjal Fissili (Fissile Material Cut-Off Treaty), biex jitħaffef il-proċess ta' l-iffirmar u r-ratifikazzjoni tat-Trattat Komprensiv dwar il-Projbizzjoni ta' Provi (CTBT) mill-pajjiżi kollha, b'mod speċjali dawk li r-ratifika min-naħa tagħhom hi meħtieġa biex dan jidħol fis-seħħ, biex jitkellem favur it-twaqqif totali tal-provi ta' l-armi nukleari kollha sakemm is-CTBT jidħol fis-seħħ, u biex jagħti prijorità lill-importanza li jitnaqqas ir-riskju ta' terroriżmu nukleari billi jiġu żviluppati u infurzati kontrolli effettivi fuq l-esportazzjoni u t-tranżitu ta' materjali, tagħmir u/jew teknoloġiji sensittivi relatati ma’ armi ta’ qerda tal-massa;
9. Jistieden lill-komunità internazzjonali biex tippromwovi inizjattivi lejn proċess internazzjonali multilaterali ta' l-arrikkiment ta' l-uranju taħt il-kontroll ta' l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika (IAEA);
10. Jirrakkomanda li l-Parlament Ewropew jibgħat delegazzjoni fi Vjenna sabiex tipparteċipa fl-avvenimenti tal-Prepcom ta' l-NPT; jitlob lill-Presidenza sabiex tinkludi rappreżentanti tal-Parlament Ewropew fid-delegazzjoni ta' l-UE (preċedent imwaqqaf mid-delegazzjoni għall-Konferenza ta' Reviżjoni tal-Programm ta' Azzjoni tan-NU fi New York fl-2006);
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-istati membri tan-NU, lid-Direttur Ġenerali ta' l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika (IAEA), lin-Netwerk Parlamentari dwar id-Diżarm Nukleari, lis-Sindki għall-Paċi, u wkoll lill-organizatturi l-oħra tal-konferenza internazzjonali dwar id-diżarm nukleari li għandha ssir fil-PE fid-19 ta' April 2007.