MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
25.4.2007
- –Geoffrey Van Orden u Michael Gahler, f'isem il-Grupp PPE-DE
- –Margrietus van den Berg u Glenys Kinnock, f'isem il-Grupp PSE
- –Thierry Cornillet, Marios Matsakis, Johan Van Hecke u Fiona Hall, f'isem il-Grupp ALDE
- –Ryszard Czarnecki u Eoin Ryan, f'isem il-Grupp UEN
- –Marie-Hélène Aubert u Frithjof Schmidt, f'isem il-Grupp Verts/ALE
- –PPE-DE (B6‑0162/2007)
- –UEN (B6‑0165/2007)
- –PSE (B6‑0166/2007)
- –Verts/ALE (B6‑0169/2007)
- –ALDE (B6‑0188/2007)
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar iż-Żimbabwe
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2003, tas-16 ta' Diċembru 2004, tas-7 ta' Lulju 2005 u tas-6 ta' Settembru 2006,
– wara li kkunsidra s-Samit ta' Emerġenza SADC tat-28 u d-29 ta' Marzu 2007 li sar f'Dar es Salaam, fit-Tanżanija;
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Bureau ta' l-Assemblea Konġunta ta' l-ACP-EU dwar it-trattament ħażin ta' l-MP ta' l-oppożizzjoni taż-Żimbabwe Nelso Chamisa,
– wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2007/120/CFSP tad-19 ta' Frar 2007, li ġġedded miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe sa l-20 ta' Frar 2008,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 236/2007 tat-2 ta' Marzu 2007 li jestendi l-lista ta' dawk il-persuni fiż-Żimbabwe li huma fil-mira tal-miżuri restrittivi,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar iż-Żimbabwe tal-Forum Afrikan għas-Soċjetà Ċivili 2007 ta' l-24 ta' Marzu 2007,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp Internazzjonali dwar Kriżi tal-5 ta' Marzu 2007 bl-isem 'Zimbabwe: An End to the Stalemate',
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi f'dan ix-xagħar jaħbat is-27 anniversarju ta' l-indipenenza taż-Żimbabwe imma l-poplu taż-Żimbabwe għad irid jakkwista il-ħelsien tiegħu,
B. billi membri tal-partiti ta' l-oppożizzjoni, gruppi mis-soċjetà ċivili u individwi fiż-Żimbabwe huma attakkati, arrestati b'mod arbitrarju u vittmi tal-brutalità tal-pulizija u tas-servizzi ta' sigurtà tal-gvern f'ċirkostanzi ta' vjolenza politika u sistematika mmirata biex teqred l-istrutturi ta' l-oppożizzjoni u tas-soċjetà ċivili qabel l-elezzjonijiet ta' l-2008;
C. billi, wara l-intervent vjolenti waqt il-laqgħa ta' l-oppożizzjoni tal-11 ta' Marzu 2007, li kkawżat il-mewt ta' żewġ persuni, kienu arrestati aktar minn 300 membru tal-gruppi tas-soċjetà ċivili u tal-partiti ta' l-opppożizzjoni;
D. billi l-Bureau ta' l-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-UE 'ikkundanna l-attakk brutali fuq il-kollega tiegħu Nelson Chamisa bl-aktar mod qawwi possibbli'
E. billi s'issa din hija t-tmien sena li s-sitwazzjoni politika u ekonomika fil-pajjiż marret lura u ċ-ċittadini taż-Żimbabwe qed ikomplu jaffaċċjaw nuqqasijiet ta' ikel serji, bil-Programm Dinji għall-Ikel jipprovdi għajnuna ta' ikel ta' emerġenza lil 1.5 miljun ċittadin taż-Żimbabwe fl-ewwel tliet xhur ta' l-2007 iżda bil-kalkolu li 'l fuq minn 4.5 miljun persuna tbati minn malnutrizzjoni;
F. billi t-tul ta' żmien li persuna mistennija li tgħix fiż-Żimbabwe fil-preżent huwa wieħed mill-aktar baxxi fid-dinja - sa 37 sena għall-irġiel u 34 sena għan-nisa, 20 fil-mija ta' l-adulti għandhom l-HIV, b'aktar minn 3,200 mewt fil-ġimgħa kkawżati minn din il-marda, li qed toħloq l-ogħla rata ta' orfni fid-dinja;
G. billi 80% tal-popolazzjoni qed tgħix taħt il-livell tal-faqar, il-pajjiż għandu rata ta' qgħad ta' 80% fis-settur formali u dawk il-ftit ċittadini impjegati taż-Żimbabwe m'għandhomx dħul biżżejjed biex ilaħħqu mal-ħtiġijiet bażiċi tagħhom, isofru minn telf qawwi ta' ħiliet, korruzzjoni, miżati projbitivi għall-iskejjel u sistema tas-saħħa u servizzi vitali diżastrużi;
H. billi terz mill-popolazzjoni taż-Żimbabwe jgħixu fi ħdan il-fruntieri ta' pajjiżi ġirien, miljuni ta' ċittadini taż-Żimbabwe diġà ħarbu mill-pajjiż u attwalment 50,000 ċittadin taż-Żimbabwe qed jaħarbu mill-pajjiż kull xahar,
I. billi l-biża' qed tiżdied madwar ir-reġjun dwar ir-riperkussjonijiet tad-diżastru ekonomiku taż-Żimbabwe fuq il-pajjiżi ġirien,
J. billi l-forom kollha ta' laqgħat ta' aktar minn tliet persuni issa huma suġġetti għal permess minn qabel tal-pulizija skond l-Att Pubbliku ta' Ordni u Sigurtà b'riżultat ta' l-emendi mwettqa minn Mugabe fil-Kostituzzjoni qabel Frar, il-liġijiet tal-midja huma ripressivi u l-Att Elettorali m'huwiex demokratiku;
K. billi bosta persuni miż-Żimbabwe ma jirċivux informazzjoni dwar il-vjolenza li l-forzi tas-sigurtà wettqu fuq l-oppożizzjoni u l-attivisti tas-soċjetà ċivili minħabba n-nuqqas ta' stampa u midja ta' kuljum indipendenti, iżda l-istejjer tal-vittmi ta' vjolenza qed jinfirxu fuq medda wiesgħa,
L. billi, skond l-IMF, kull pajjiż Afrikan se jgawdi minn tkabbir ekonomiku pożittiv fl-2007, bl-eċċezzjoni taż-Żimbabwe, li f'dawn l-aħħar għaxar snin l-ekonomija tiegħu naqset b'40% u se tonqos b'5.7% oħra din is-sena; billi ż-Żimbabwe resaq lejn definizzjoni teknika ta' 'iperinflazzjoni' meta r-rata annwali ta' inflazzjoni tiegħu telgħet għal 2.200% f'Marzu u billi, skond l-IMF, din ir-rata tista' titla' sa 5000% sa l-aħħar tas-sena,
M. billi skond il-Kamra tal-Mini taż-Żimbabwe, is-settur tal-mini tad-deheb, li huwa l-akbar esportatur tal-pajjiż u jikkonsisti f'52% tal-produzzjoni tal-minerali tiegħu, qed jiffaċċja kollass; billi l-industrija tat-tabakk taż-Żimbabwe li tikkontribwixxi għal madwar 50% tal-kambju (ta' flus barranin) tal-pajjiż qed taffaċċja pożizzjoni simili bil-bidu ta' l-istaġun tal-bejgħ tat-tabakk għall-2007 li qed ikun pospost; u billi l-produttività ta' l-agrikoltura niżlet bi 80% mill-1998,
N. billi l-iżvilupp ta' l-Afrika huwa prijorità għad-demokraziji tal-Punent, l-għajnuna waħida ma tistax tikseb wisq suċċess u l-gvernijiet ta' l-Afrika mistennija li jimpenjaw favur id-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem,
O. billi l-Unjoni Afrikana (UA), il-Komunità għall-Iżvilupp ta' l-Afrika t'Isfel (SADC) u b'mod partikolari l-Afrika t'Isfel kollha għandhom irwoli vitali x'jilagħbu fis-soluzzjoni tal-kriżi u billi, l-laqgħa ta' l-SADC tad-29 ta' Marzu kienet pass sinifikanti f'din id-direzzjoni;
1. Jikkundanna bil-qawwa d-dittatorjat ta' Mugabe għall-oppressjoni bla waqfien tal-poplu ta' Żimbabwe, tal-partiti ta' l-oppożizzjoni u tal-gruppi tas-soċjetà ċivili u għall-qerda tiegħu ta' l-ekonomija ta' Żimbabwe, li kabbret il-miżerja ta' miljuni ta' Żimbabwani;
2. Jilqa' l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' April, li juru tħassib serju dwar is-sitwazzjoni li qed teħżien b'mod mgħaġġel ħafna fiż-Żimbabwe u dwar l-abbuż qawwi tad-Drittijiet tal-Bniedem li għadu qed iseħħ fil-pajjiż u jħeġġeġ lill-gvern Żimbabwan jonora l-obbligi tiegħu bħala firmatarju tat-trattat u l-protokoll tal- SADC, l-Att Kostituttiv ta' l-Unjoni Afrikana u l-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, Is-sħubija l-Ġdida għall-prinċipji ta' l-iżvilupp, għall-prinċipji demokratiċi, għad-drittijiet tal-bniedem u għall-Istat tad-dritt ta' l-Afrika (NEPAD);
3. Jiddeplora li minkejja l-kundizzjoni tal-pajjiż l-kritika reġjonali u internazzjonali u tmexxija ta' 27 sena, is-Sur Mugabe, kien għal darb'oħra aċċettat mill-kumitat ċentrali tal-partit Zanu-PF bħala l-kandidat tiegħu għal president fl-2008 u li kampanja ta' intimidazzjoni diġà qed iseħħ biex teqred l-istrutturi ta' l-oppożizzjoni u tas-soċjetà ċivili u biex tiżgura r-riżultat ta' l-elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali;
4. Jistieden mill-ġdid lill-Robert Mugabe biex iżomm kellmtu u jirreżenja, malajr kemm jista' jkun, u dan ikun l-akbar pass uniku possibbli lejn it-tiġdid tas-soċjetà, tal-politika u ta' l-ekonomija taż-Żimbabwe;
5. Jikkundanna bil-qawwi l-intervent vjolenti kontra l-laqgħa ta' talb tal-Kampanja għas-Salvazzjoni taż-Żimbabwe organizzata fil-11 ta' Marzu 2007 mill-avversarji ta' Mugabe; jikkundanna b'mod partikulari l-qtil u jesprimi niket profond għall-imwiet ta' Gift Tandare, attivist ta' l-oppożizzjoni, li sparawlu u ġismu kien maħtuf u midfun b'mod sigriet mingħajr l-għarfien tal-familja tiegħu, ta' Itai Manyeruke li miet ġurnata wara li kien imsawwat b'mod serju mill-pulizija u tal-ġurnalist Edmore Chikomba fit-30 ta' Marzu;
6. Jikkundanna bil-qawwi l-attakki fuq mexxejja ta' l-oppożizzjoni u l-arrest sussegwenti ta' Morgan Tsvangirai, Chairman tal-MDC ('Moviment għal Bidla Demokratika'), Nelson Chamisa, Grace Kwinjeh, Lovemore Madhuku, William Bango, Sekai Holland, Tendai Biti, Arthur Mutambara u ħafna oħrajn, it-trattament brutali tagħhom mill-forzi tal-pulizija u l-projbizzjoni li jfittxu trattament mediku barra ż-Żimbabwe; jiddeplora b'mod qawwi l-fatt li bosta parteċipanti oħrajn fil-laqgħa kienu attakkati b'mod selvaġġ mill-Pulizija ta' Żimbabwe; jesprimi tħassib qawwi bil-fatt li fl-istess okkażjoni l-Ministru ta' l-Informazzjoni taż-Żimbabwe, is-Sur Ndlovu, irrifjuta r-rapporti ta' brutalità u tortura mill-pulizija, u minflok akkuża l-oppożizzjoni b'attakk fuq il-pulizija;
7. Jipprotesta dwar l-arrest mill-ġdid tal-membri tal-MDC, inkluż Morgan Tsvangirai u oħrajn fit-28 ta' Marzu, it-tkomplija tad-detenzjoni ta' ħafna attivisti ta' l-oppożizzjoni, inkluż Ian Makone, u l-attakki rinnovati kontra l-membri tal-MDC, il-proċessi fil-Qorti bbażati fuq akkużi mhux sostenibbli li qed jiffaċċjaw, kif ukoll l-arresti kontinwi u l-ħtif ta' suspettati Membri ta' l-oppożizzjoni;
8. Iħoss mhux aċċettabbli l-attakk fuq Nelson Chamisa, magħmul meta kien fi triqtu lejn l-ajruport Harare, fejn kellu jieħu titjira biex jattendi għal-laqgħat ta' l-ACP-EU JPA;
9. Jinsab imħasseb ħafna bl-aħbarijiet li 56 mara mill-NGO ta' Żimbabwe "Women of Zimbabwe Arise" (WOZA) kienu arrestati fit-23 ta' April u li għaxra mit-trabi tagħhom intefgħu il-ħabs magħhom ;
10. Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza indiskriminata kontra n-nies ċivili mill-pulizija u l-armata, kif ġara lejliet il-vaganza ta' l-Għid meta pulizija armati ħafna attakkaw persuni li kienu qed jistennew it-trasport lejn id-destinazzjoni tal-vaganza tagħhom, li saru bil-għan ċar li tinħoloq il-biża';
11. Jistieden lill-Gvern taż-Żimbabwe sabiex jerġa jdaħħal l-istat tad-dritt u sabiex iwaqqaf immedjatament l-attakki vjolenti fuq il-gruppi u l-individwi ta' l-oppożizzjoni u tas-soċjetà ċivili,
12. Jistieden lill-Gvern taż-Żimbabwe sabiex jibda immedjatament il-proċess biex tintemm il-kriżi tal-pajjiż billi jsir qbil dwar pjan kredibbli għal tranżizzjoni demokratika, id-dħul mill-ġdid ta' l-istat tad-dritt, il-qafas għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti taħt superviżjoni internazzjonali u garanziji tranżizzjonali ta' kontroll mhux partiġġjan ta' istituzzjonijiet ewlenin bħall-armata u l-pulizija;
13. Jistieden ukoll biex isir it-tibdil kostituzzjonali meħtieġ u li l-Kummissjoni Elettorali tingħata setgħa xierqa bħala korp verament indipendenti li kapaċi jissorvelja l-andament ta' elezzjonijiet ħielsa u ġusti, permezz ta' sistema trasparenti, u jqis li parti essenzjali minn dan il-proċess tkun il-kontroll sħiħ tal-karti tal-voti, verifikati kif suppost mill-bidu sat-tmiem, tittieħed nota ta' kemm karti tal-voti jkunu ġew stampati, kemm minnhom tqassmu f'kull distrett u kemm minnhom intużaw b'mod validu;
14. Joffri, f'dan ir-rigward, l-għajnuna tiegħu fl-implimentazzjoni ta' kull proċess miftiehem li jistabilixxi l-bażi għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti, inkluż it-twaqqif ta' Missjoni ta' l-UE għall-Osservanza ta' l-Elezzjoni, u jispera li organizzazzjonijiet oħra, bħal Commonwealth, ikunu wkoll mistiedna biex jibagħtu osservaturi ta' l-elezzjoni;
15. Jilqa' l-għan milħuq mill-ġdid għall-unità fost il-partiti u l-gruppi ta' l-oppożizzjoni fiż-Żimbabwe, inkluż l-elementi kollha ta' l-MDC, il-Knejjes u l-Kungress tat-Trejdjunjins, u d-determinazzjoni tagħhom biex jaħdmu flimkien bi sfida għall-oppressjoni tal-gvern biex ikunu jistgħu iġibu d-demokrazija u l-ħelsien lill-poplu;
16. Jilqa’ bi pjaċir ir-rikonoxximent mill-SADC li teżisti kriżi fiż-Zimbabwe, u l-ħatra tal-President Thabo Mbeki ta’ l-Afrika t’Isfel sabiex jiffaċilita djalogu bejn iż-Zanu PF u l- MDC fl-oppożizzjoni; jappoġġja l-evalwazzjonijiet onesti tas-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe mill-President taż-Żambja Levy Mwanawasa, il-President tal-Ghana John Kuffour, l-Arċisqof Desmond Tutu u l-Arċisqof Pius Ncube ta’ Bulawayo; jenfasizza li m’hemm ebda sanzjonijiet ekonomiċi kontra ż-Żimbabwe, iżda biss miżuri restrittivi mmirati lejn ir-Reġim Mugabe; jilqa’ bi pjaċir l-inizjattiva ta’ l-SADC sabiex tinstab soluzzjoni li tkun ta’ benefiċċju kemm għaċ-ċittadini taż-Żimbabwe, kif ukoll għar-reġjun kollha kemm hu; U jħeġġeġ lill-komunità internazzjonali kollha, u b’mod partikulari n-nazzjonijiet Afrikani, sabiex jaħtfu din l-opportunità;
17. Jemmen li l-medjazzjoni tal-President Mbeki ser twassal fit-tmiemu ċ-ċiklu attwali ta’ vjolenza u intimidazzjoni, li mingħajru, il-mandat tiegħu għall-faċilitazzjoni tad-djalogu bejn l-oppożizzjoni u l-gvern taż-Żimbabwe u djalogu nazzjonali wiesa’ lil hinn miż-Zanu PF u l-MDC u li jinkludi l-mexxejja tal-Knisja, in-negozju, it-trejdjunjins u parteċipanti oħra tas-soċjetà ċivili, ma jkunx issodisfat b’mod adegwat;
18. Jappoġġa l-moviment ta' l-istudenti fiż-Żimbabwe, li l-mexxejja u l-attivisti tiegħu qed ikunu kontinwament arrestati, msawwta u ffastidjati, u l-kampanja kontinwa ta’ l-Inizjattiva tal-Kungress tat-Trejdunjins taż-Żimbabwe (ZCTU), u jfaħħar il-qlubija tagħhom fit-tħejjija ta' 'national stay away' li damet jumejn, fejn tkellmu kontra n-nuqqas ta’ ħila ta' Mugabe li jwaqqaf il-kollass ekonomiku tal-pajjiż, minkejja l-fatt li kien hemm rapporti ta' brutalità min-naħa tal-pulizija u li l-mexxejja taz-ZCTU kienu attakkati b’mod qawwi mill-pulizija wara l-aħħar dimostrazzjoni tagħhom fl-2006; jiddispjaċih li ma’ gvern vjolenti, m'hemm ebda possibilità ta' involviment kostruttiv;
19. Jiddeplora t-tiġdid tad-dikjarazzjoni ta' ħsieb mġedda tal-Gvern taż-Żimbabwe li l-NGOs li huma meqjusa li qed jappoġġaw l-oppożizzjoni u l-bidla politika jiġu fastidjati u mġegħla jagħlqu, u jħares lejn din it-theddida bħala indikazzjoni serja ta' nuqqas ta' intenzjoni tajba min-naħa tal-gvern li tinstab triq 'il quddiem għall-pajjiż;
20. Jistieden lill-Kunsill sabiex jiżgura li l-Istati Membri kollha japplikaw b’mod rigoruż il-miżuri ristrettivi eżistenti, inkluż l-embargo fuq l-armi u l-projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar, filwaqt li jenfasizza li ż-Żimbabwe ma jistax jiġi trattat bħala kwistjoni separata mir-relazzjonijiet usa’ ta’ l-UE ma’ l-Afrika; jistieden, għaldaqstant, lill-Kunsill, sabiex jiżgura li l-ebda persuna pprojbita ma tiġi mistiedna, jew tattendi, is-Samit maħsub bejn l-UE u l-Afrika, f’Liżbona f’Diċembru ta’ din is-sena; jikkonsidra li d-dgħjufija fl-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet immirati ddgħajjef sew lill-politika ta' l-UE fir-rigward taż-Żimbabwe, u tiddiżappunta ħafna lill-persuni fiż-Żimbabwe li qed ifittxu l-appoġġ tal-komunità internazzjonali;
21. Jistieden lill-Kunsill sabiex ikabbar iktar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri restrittivi mmirati u jkabbar il-lista ta’ individwi pprojbiti sabiex din tinkludi dejjem aktar minn dawk il-persuni li jagħmlu parti mill-istruttura tas-setgħa ta’ Mugabe, inklużi l-ministri tal-gvern, deputati u gvernaturi, persunal militari, persunal tac-CIO u tal-pulizija, u l-Gvernatur tal-Bank ta’ Riżerva taż-Żimbabwe;
22. Josserva li l-UE hija l-aktar donatur importanti taż-Żimbabwe, b’finanzjament totali ta’ € 193 miljun fl-2006, li minnhom, il-finanzjament totali mill-Istati Membri ta’ l-UE jammonta għal € 106.9 miljun u l-finanzjament totali mill-Kummissjoni jammonta għal € 86.1 miljun, u li € 94.7 miljun imorru għall-ikel u għall-għajuna umanitarja u ta’ emerġenza, filwaqt li € 49.9 miljun imorru għall-iżvilupp uman u soċjali; Jiddispaċih ħafna, madankollu, li r-reġim ta’ Mugabe jimmanipula dan it-tip ta' appoġġ, b’mod partikulari, l-għajnuna f’ikel, billi jużah bħala arma politika li biha jikkastiga lil dawn li jsemmgħu leħinhom u jopponu r-reġim;
23. Jinsisti li l-għajnuna kollha għaż-Żimbabwe trid tingħata permezz ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi ġenwini u għandha tilħaq lin-nies li hi maħsuba għalihom, mingħajr ma tiġi interċettata b'xi mod minn aġenti tar-reġim ta' Mugabe;
24. Jistieden lir-Renju Unit, li se jieħu f’idejh il-Presidenza tal-Kunsill tas-Sigurtà dan ix-xahar, biex iqiegħed liż-Żimbabwe fuq l-agenda tal-Kunsill tas-Sigurtà, u jantiċipa li l-Afrika ta' Isfel ser ikollha rwol kostruttiv bħala membru mhux permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti;
25. Itenni t-talba tiegħu sabiex ir-reġim ta' Mugabe ma jieħu ebda benefiċċju finanzjarju jew propaganda mit-tħejjija għat-Tazza tad-Dinja ta’ l-2010 jew mit-turnew innifsu; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Afrika ta' Isfel, li se tospita t-Tazza tad-Dinja 2010, u lill-FIFA, biex jeskludu liż-Żimbabwe milli tieħu sehem fil-logħbiet ta’ qabel it-Tazza tad-Dinja, u milli tilgħab logħbiet ta' ħbiberija internazzjonali jew tospita timijiet nazzjonali involuti fl-avveniment;
26. Jilqa' bi pjaċir l-inizjattiva ta' l-Assemblea Parlamentari Konġunta ta' l-UE u l-ACP li tintbagħat delegazzjoni konġunta fiż-Żimbabwe sabiex taċċerta s-sitwazzjoni fil-post, jistieden lill-Assemblea Parlamentari Konġunta sabiex tagħmel din l-investigazzjoni mill-aktar fis possibbli u jistieden lill-Gvern taż-Żimbabwe sabiex jagħti aċċess għaż-Żimbabwe lill-membri kollha ta' tali delegazzjoni; jenfasizza li d-delegazzjoni għandha jkollha aċċess għall-oqsma kollha tas-soċjetà ċivili u m'għandhiex tkun ristretta għal laqgħat ma' gruppi organizzati mill-gvern; jitlob lill-Kummissjoni sabiex żżur iż-Żimbabwe u jħeġġeġ lill-awtoritajiet fiż-Żimbabwe sabiex jikkoperaw ma' l-idea ta’ żjara;
27. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament taż-Żimbabwe, lill-Gvern u lill-Parlament ta' l-Afrika ta' Isfel, lis-Segretarju Ġenerali tal-Komunità għall-Iżvilupp ta' l-Afrika t'Isfel, lill-Ko-Presidenti ta’ l-Assemblea Parlamentari Konġunta ta’ l-UE u l-ACP, liċ-Chairmen tal-Kummissjoni u tal-Kunsill Eżekuttiv ta' l-Unjoni Afrikana, lis-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-gvernijiet tal-pajjiżi tal-G8 u lill-President tal-FIFA;