Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B6-0189/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B6-0189/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA

3.5.2007

imressqa skond l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura minn
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi li ġejjin: dwar it-tisħiħ tal-leġiżlazzjoni Ewropea fil-qasam ta’ l-informazzjoni u tal-konsultazzjoni mal-ħaddiema

Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B6-0189/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tisħiħ tal-leġiżlazzjoni Ewropea fil-qasam ta’ l-informazzjoni u tal-konsultazzjoni mal-ħaddiema

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 136 tat-Trattat KE,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/14/KE tal-11 ta’ Marzu 2002[1] dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni mal-ħaddiema, id-Direttiva 98/59/KE ta’ l-20 ta’ Lulju 1998[2] dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati ma’ sitwazzjonijiet kollettivi ta’ ħaddiema żejda li jkunu f’riskju li jitkeċċew, u d-Direttiva 94/45/KE tat-22 ta’ Settembru 1994[3] dwar il-ħolqien ta’ Kunsilli tax-Xogħlijiet Ewropej u d-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat-12 ta’ Marzu 2001[4] dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri relatati mal-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-każ ta' trasferimenti ta' intrapriżi, ta' negozji, jew ta' partijiet minn intrapriżi jew negozji; billi d-direttivi msemmija hawn fuq jikkonċernaw l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ l-Istati Membri dwar l-istrumenti ta’ djalogu bejn il-maniġment u l-ħaddiema,

–  wara li kkunsidra r-rapport tiegħu (A5-0282/2001) dwar it-twaqqif ta’ kunsill tax-xogħlijiet Ewropew jew ta' proċedura fl-intrapriżi fuq skala Komunitarja bl-għan li l-impjegati jiġu infurmati u kkonsultati,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Strutturar mill-ġdid u impjieg - li tantiċipa u takkumpanja l-istrutturar mill-ġdid biex jiżviluppa l-impjieg: ir-rwol ta’ l-Unjoni Ewropea” (COM(2005)0120 finali), l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fl-14 ta’ Diċembru 2005 (CESE 1495/2005) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar “Strutturar mill-ġdid u impjieg (2005/2188(INI))”, adottata fis-16 ta’ Marzu 2005,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-istrutturar mill-ġdid u l-merġers,

–  wara li kkunsidra ż-żieda fl-intrapriżi li jaħdmu fuq livell internazzjonali minħabba l-globalizzazzjoni,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni lill-plenarja fil-25 ta' April 2007,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-proċess ta’ strutturar mill-ġdid, ta’ merġers, ta’ rilokazzjonijiet, eċċ., li jaffettwa lis-setturi kollha ta’ attività u li jwassal għal bidliet fl-istruttura ta’ kumpaniji, fil-produzzjoni u l-impjiegi, sar iktar intens;

B.  billi diversi każijiet ta’ ristrutturar u sitwazzjonijiet kollettivi ta’ ħaddiema żejda wrew biċ-ċar problemi possibbli fil-leġiżlazzjoni Ewropea dwar id-dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni,

C.  billi l-qsim kostruttiv u pożittiv ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni ġenwina ta’ l-impjegati hija importanti kemm biex tiġi antiċipata bidla industrijali; billi, barra minn hekk, it-tagħrif u l-konsultazzjoni huma komponenti importanti tal-mudell soċjali Ewropew tagħna,

1.  Jistieden lill-Kummissjoni, kif diġà mitluba mill-Parlament Ewropew f’diversi okkażjonijiet u l-iktar reċenti fir-riżoluzzjoni tas-16 ta’ Marzu 2006 (2005/2188(INI)), biex tirrevedi u timmodernizza l-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-konsultazzjoni u l-informazzjoni sabiex ikun żgurat qafas ta’ liġi koerenti u effiċjenti, tkun evitata l-inċertezza legali u tittejjeb l-artikolazzjoni tad-djalogu soċjali bejn il-livelli nazzjonali u Ewropej;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta kalendarju għar-reviżjoni u l-modernizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-konsultazzjoni u l-informazzjoni, dwar sitwazzjonijiet kollettivi ta’ ħaddiema żejda, dwar il-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-każ ta' trasferimenti ta' intrapriżi u, b’mod speċjali, dwar ir-reviżjoni li ilha ġejja għal żmien twil tad-Direttiva dwar il-Kunsilli ta’ Xogħol Ewropej (EWCs);

3.  Jistieden lill-Kummissjoni biex fil-pront tiżgura li jkun hemm implimentazzjoni xierqa fl-Istati Membri rigward l-informazzjoni u l-konsultazzjoni ta’ ħaddiema u biex tinnotifika dawk l-Istati Membri fejn id-direttivi dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni ma jkunux implimentati;

4.  B’mod partikulari jinnota li d-Direttiva 94/45/KE tat-22 ta’ Settembru 1994 dwar l-istabbiliment tal-Kunsilli tax-Xogħlijiet Ewropej jew mhix qed tiġi implimentata xejn jew hemm diskrepanzi kbar u mhux ġusti bejn il-metodi ta’ kif l-Istati Membri għażlu li jimplimentawha. Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrapporta malajr u bi sħiħ lill-Parlament Ewropew u tinnotifika lill-Istati Membri fejn meħtieġ;

5.  Ifakkar lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa għal politika industrijali koerenti fil-livell Ewropew, b’kunsiderazzjoni għall-impatt soċjali u ambjentali tagħha; iqis li l-imsieħba soċjali għandhom irwol ewlieni fl-iżvilupp ta’ tali politika;

6.  Għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni biex ittejjeb aktar il-koordinazzjoni tal-politiki tagħha fl-oqsma varji, inkluż il-qasam ta’ l-affarijiet soċjali, ta’ l-affarijiet ekonomiċi u monetarji, fl-industrija, u fil-qasam tar-riċerka u ta’ l-iżvilupp, u biex tinkoraġġixxi lill-imsieħba soċjali biex jieħdu sehem attiv fl-iżvilupp ta’ sett koerenti ta’ politiki bl-għan li tinżamm industrija Ewropea b’saħħitha, innovattiva u kompetittiva;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta’ l-Istati Membri, u lill-imsieħba soċjali fuq livell Ewropew.