Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B6-0205/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B6-0205/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA

23.5.2007

imressqa skond l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta’ Proċedura minn
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi li ġejjin: dwar l-Estonia

Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B6-0205/2007
Testi mressqa :
RC-B6-0205/2007
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Estonja

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Presidenza ta' l-UE tat-2 ta' Mejju 2007 dwar is-sitwazzjoni quddiem l-ambaxxata Estonjana f'Moska,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-President tiegħu Hans-Gert Pöttering dwar is-sitwazzjoni fl-Estonja u d-dibattitu tad-9 ta' Mejju 2007 fis-seduta plenarja,

–  wara li kkunsidra l-bosta dikjarazzjonijiet ta' appoġġ għall-Estonja mill-Kunsill, mill-Kummissjoni u mill-gvernijiet ta' l-UE;

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fil-kapitali Estonjana, u f'partijiet ta' l-Estonja tal-Grigal, bejn is-26 u t-28 ta' April, 2007, dimostranti li kienu qed jipprotestaw kontra d-deċiżjoni tal-gvern Estonjan li jċaqlaq il-monument Sovjetiku dedikat lil-liberaturi ta' Tallinn miċ-ċentru tal-kapitali Estonjana għal-ċimiterju militari ftit kilometri l-bogħod kienu responsabbli għal żewġt iljieli ta' vjolenza, li bdew meta d-dimostranti attakkaw lill-pulizija u dan irriżulta f'vandaliżmu mifrux fiċ-ċentru ta' Tallinn,

B.  billi l-pulizija dehru li qed jużaw il-forza biss f'sitwazzjonijiet estremi, u li l-Kanċillier Legali Estonjan ma' identifikax nuqqas ta' mmaniġġjar fil-ħidma tal-pulizija,

C.  billi l-Gvern Estonjan spjega r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu bil-quddiem lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, u offra li jikkopera miegħu waqt iċ-ċaqliq tal-monument u ħeġġeġ lir-rappreżentanti Russi sabiex ikunu preżenti għall-eżumazzjonijiet, ħaġa li l-awtoritajiet Russi ma ridux jagħmlu,

D.  billi l-eżumazzjonijiet saru b'mod strett skond standards internazzjonali u normi ta' mġiba dinjituża u billi l-monument se jerġa' jinfetaħ fiċ-ċimiterju b'ċerimonja uffiċjali u bis-sehem ta' rappreżentanti tal-koalizzjoni ta' kontra Hitler,

E.  billi d-dimostrazzjonijiet vjolenti u l-attakki kontra l-liġi u l-ordni saru bl-organizzazzjoni attiva u l-koperazzjoni ta' forzi li jinsabu 'l barra mill-Estonja,

F.  billi saru diversi stqarrijiet importanti fir-Russja, inkluża stqarrija uffiċjali mid-delegazzjoni tad-Duma Statali waqt iż-żjara tagħha f'Tallinn, li talbet għar-riżenja tal-Gvern Estonjan,

G.  billi l-Prim Ministru Estonjan iddikjara li dawn l-avvenimenti jikkostitwixxu "intervent ikkoordinat sew u skandaluż fl-affarijiet interni ta' l-Estonja",

H.  billi immedjatament wara l-irvellijiet f'Tallinn, l-ambaxxata Estonjana f'Moska kienet imblukkata għal sebat ijiem minn dimostranti ostili ta' l-organizzazzjoni Russa taż-żgħażagħ favur il-gvern "Nashi", li wassal għal attakki fiżiċi kontra l-ambaxxatur Estonjan u dak Żvediż, għal theddid li jitwaqqa' l-bini ta' l-ambaxxata, għat-tqattigħ tal-bandiera Estonjana fit-territorju ta' l-ambaxxata, u għat-tlaqqim ta' l-Estonja bħala pajjiż "faxxista",

I.  billi attakki ċiberenetċi sistematiċi ġew organizzati l-aktar minn barra l-Estonja, f'attentat biex jiġu mblukkati l-linji uffiċjali ta' komunikazzjoni u l-websajts ta' l-amministrazzjoni Estonjana, u billi dawk l-attakki ġew minn indirizzi IP ta' l-amministrazzjoni Russa, u billi attakki intensivi ta' propaganda komplew permezz ta' l-Internet u ta' messaġġi bil-mowbajls li jinċitaw reżistenza bl-armi u aktar vjolenza,

J  billi ftit jiem biss wara l-avvenimenti f'Tallinn, ir-Russja introduċiet restrizzjonijiet fuq skala wiesgħa fuq esportazzjonijiet Estonjani, u kumpaniji Russi ssospendew kuntratti ma' intrapriżi Estonjani, u kien hemm theddid għall-forniment ta' enerġija lill-Estonja, u s-sospensjoni tal-ferrovija bejn l-Estonja u San Pietruburgu b'effett mill-aħħar ta' Ġunju,

K.  billi l-awtoritajiet Russi, inkluża d-delegazzjoni tad-Duma Statali, sfortunatament irrifjutaw li jidħlu fi djalogu ma' l-awtoritajiet Russi u rrifjutaw saħansitra li jipparteċipaw f'konferenza stampa konġunta fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin;

L.  billi l-Metropolita Kornelju tal-Knisja Ortodossa Russa fl-Estonja stqarr li ma hemm ebda raġuni għal konflitt bejn il-komunitajiet u li hu m'għandux għaliex jiddeskrivi l-irvellijiet attwali bħala konflitt bejn il-komunitajiet li jitkellmu bl-Estonjan u dawk li jitkellmu bir-Russu,

M.  billi l-ġrajjiet ġew aggravati permezz ta' informazzjoni ħażina maħruġa mill-istazzjonijiet tal-midja Russi, li pprovokat aktar protesti,

N.  billi parti ċkejkna biss mill-popolazzjoni Russa etnika ħadet sehem fid-dimostrazzjonijiet u fis-sakkeġġi, għadd konsiderevoli ta' pulizija minn familji Russi qdew dmirhom bl-ogħla kapaċità, kif l-maġġoranza l-kbira ta' kull min wieġeb mistoqsijiet approvat l-imġiba tal-Gvern Estonjan,

O.  billi l-Estonja, bħala Stat Membru indipendenti ta' l-UE u tan-NATO, għandha d-dritt sovran li tivvaluta l-passat reċenti traġiku tagħha, li beda bit-telf ta' l-indipendenza bħala riżultat tal-Patt bejn Hitler u Stalin fl-1939, u li ntemm biss fl-1991,

P.  billi l-okkupazzjoni Sovjetika u l-annessjoni ta' l-istati Baltiċi qatt ma' ġiet rikonoxxuta bħala legali mid-demokraziji tal-Punent,

Q.  billi l-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2005, ikkonkluda li "għal xi nazzjonijiet it-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija kien ifisser tirannija ġdida taħt l-Unjoni Sovjetika Stalinista" u feraħ lill-pajjiżi ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant fl-okkażjoni tal-ħelsien tagħhom "wara tant għexieren ta' snin taħt il-ħakma jew l-okkupazzjoni Sovjetika...",

R.  billi huwa biss is-suċċessur legali ta' l-Unjoni Sovjetika, il-Federazzjoni Russa, li għadha tiċħad il-fatt ta' l-inkorporazzjoni illegali ta' l-istati Baltiċi fl-Unjoni Sovjetika,

1.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu u s-solidarjetà mal-Gvern Estonjan elett demokratikament fl-isforzi tiegħu biex jiggarantixxi l-ordni u l-istabilità kif ukoll l-istat tad-dritt għar-residenti kollha ta' l-Estonja;

2.  Iqis l-attakki kontra wieħed mill-iċken Stati Membri ta' l-UE bħala każ ta' test għas-solidarjetà ta' l-Unjoni Ewropea;

3.  Jikkonsidra bħala mhux ammissibbli l-varji attentati min-naħa ta' l-awtoritajiet Russi sabiex jinterferixxu fl-affarijiet interni ta' l-Estonja;

4.  Jinsab allarmat bin-nuqqas ta' ħarsien xieraq mill-awtoritajiet Russi għall-ambaxxata Estonjana f'Moska u bl-attakki fiżiċi kontra l-ambaxxatur Estonjan mid-dimostranti "Nashi"; jistieden lill-Gvern Russu sabiex jirrispetta l-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar il-ħarsien tad-diplomatiċi mingħajr eċċezzjoni;

5.  Jikkundanna l-attentati mir-Russja sabiex teżerċita pressjoni ekonomika fuq l-Estonja bħala strument ta' politika barranija u jistieden lill-Gvern Russu sabiex ireġġa' għan-normal ir-relazzjonijiet ekonomiċi bejn iż-żewġ stati;

6.  Ifakkar lill-awtoritajiet Russi li r-retorika bla distinzjoni u ostili b'mod miftuħ użata mill-awtoritajiet Russi fil-konfront ta' l-Estonja tikkuntrasta bil-qawwi mal-prinċipji ta' l-imġiba internazzjonali u ser ikollu impatt fuq ir-relazzjonijiet bejn ir-Russja u l-UE b'mod ġenerali;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri kollha sabeix jgħinu fl-analiżi ta' l-attakki ċibernetiċi fuq websajts Estonjani u sabiex jippreżentaw studju dwar kif attakki u theddidiet simili jistgħu jiġu indirizzati fuq il-livell ta' l-UE, u jistieden lir-Russja sabiex tgħin bis-sħiħ f'dawn l-investigazzjonijiet;

8.  Jistieden lill-Gvern Russu sabiex jinvolvi ruħu fi djalogu miftuħ u mhux żbilanċjat mad-demokraziji ta' l-Ewropa tal-Lvant u dik Ċentrali dwar l-istorja ta' l-20 seklu, kif ukoll dwar ir-reati kontra l-umanità, inklużi dawk li l-Komuniżmu totalitarju wettaq dak iż-żmien;

9.  Jilqa' s-sejħa magħmula mill-President Estonjan Toomas Hendrik Ilves, li enfasizza li l-persuni li daħlu fl-Estonja fiż-żminijiet Sovjetiċi u li issa jgħixu fir-Repubblika ta' l-Estonja, kif ukoll it-tfal tagħhom u t-tfal tat-tfal, huma kollha Estonjani, u li l-Estonjani kollha ta' kwalunkwe oriġini għandhom l-esperjenza tagħhom, mimlija niket, ta' għajxien taħt tliet poteri konsekuttivi li okkupaw il-pajjiż f'dan l-aħħar seklu, u li jeħtieġ li wieħed ikun jista' jara u jifhem it-traġedji ta' l-oħrajn, u fakkar lill-partijiet kollha involuti li, għal dan l-iskop, id-djalogu intern Estonjan għandu jittejjeb sabiex jimla l-vojt ta' bejn il-komunitajiet differenti u li jinħolqu opportunitajiet ġodda sabiex jiġu integrati l-Estonjani li l-lingwa tagħhom hija r-Russu b'mod partikulari;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvern u lill-Parlament ta' l-Estonja u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.