MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
23.5.2007
- –Jana Hybášková, Charles Tannock, Bernd Posselt u Eija-Riitta Korhola, f'isem il-Grupp PPE-DE
- –Véronique De Keyser u Pasqualina Napoletano, f'isem il-Grupp PSE
- –Marios Matsakis, f'isem il-Grupp ALDE
- –Cristiana Muscardini u Roberta Angelilli, f'isem il-Grupp UEN
- –Hélène Flautre u Cem Özdemir, f'isem il-Grupp Verts/ALE
- –André Brie u Vittorio Agnoletto, f'isem il-Grupp GUE/NGL
- –PSE (B6‑0212/2007)
- –GUE/NGL (B6‑0219/2007)
- –ALDE (B6‑0224/2007)
- –PPE-DE (B6‑0226/2007)
- –Verts/ALE (B6‑0229/2007)
- –UEN (B6‑0232/2007)
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Sirja
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ta' l-1948,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 11 (1) tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 177 tat-Trattat KE, li jistabbilixxi l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem bħala objettiv tal-Politika Komuni ta' l-Affarjiet Barranin u tas-Sigurtà,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja u l-Lvant Nofsani u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2006 lill-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Ftehima ta' Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranja bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naha, u r-Repubblika Għarbija tas-Sirja, fuq in-naha l-oħra,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Presidenza ta' l-UE ta' l-14 ta' Mejju 2007 dwar il-kundanna ta' Michel Kilo, intelletwali, u ta' Mahmoud Issa, attivist politiku, fis-Sirja,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li ġie rratifikat mis-Sirja fil-21 ta' April 1969,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huwa komponent essenzjali ta' l-Isħubija Ewro-Mediterranja, evidenzjat fi Ftehima ta' Koperazzjoni bejn l-UE u s-Sirja u fi Ftehima ta' Assoċjazzjoni li għad trid tiġi finalizzata,
B. billi l-Parlament Ewropew u l-President tiegħu diġà intervenew diversi drabi biex jiksbu l-ħelsien ta' attivisti għad-drittijiet tal-bniedem, politiċi u parlamentari miżmuma f'ħabsijiet Sirjani,
C. billi Michel Kilo, kittieb militanti favur id-demokraziji, li ġie arrestat fl-14 ta' Mejju 2006, prinċipalment minħabba l-pożizzjoni tiegħu rigward id-Dikjarazzjoni ta' Bejrut-Damasku, u Mahmoud Issa ġew ikkundannati fit-13 ta' Mejju 2007 għal tliet snin ħabs,
D. billi Suleiman Al-Shamar, membru mexxej tal-Komunità Nazzjonali Demokratika, u Khalil Hussein, il-President ta' l-Uffiċju għar-Relazzjonijiet Pubbliċi tal-Kurd Future Trend, ġew ikkundannati għal għaxar snin habs talli 'dgħajfu l-etika nazzjonali' u 'kkonfoffaw ma' pajjiż barrani',
E. billi Faek El Mir u Aref Dalila, membri ta' organizzazzjonijiet varji għad-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja, issa ġew miżmuma ssegregati f'ċelel waħedhom għal sitt snin,
F. billi l-forzi tas-sigurtà Sirjani arrestaw lil Kamal al-Labwani, tabib u wieħed mill-fundaturi tad-Democratic Liberal Gathering, fit-8 ta' Novembru fuq il-wasla tiegħu lura minn vjaġġ lejn l-Ewropa, l-Istati Uniti u l-Eġittu, u issa kkundannawh għal 12-il sena ħabs b'xogħol iebes fuq akkużi motivati b'mod politiku,
G. billi Anwar Al Bunni, membru fundatur ta' l-Organizzazzjoni Sirjana għad-Drittijiet tal-Bniedem u avukat speċjalizzat fi kwistjonijiet ta' drittijiet tal-bniedem, ġie arrestat fit-toroq ta' Damasku fiż-żmien meta kien kważi nħatar bħala direttur ta' ċentru għad-drittijiet tal-bniedem iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea fl-2006 u issa ġie kkundannat għal ħames snin ħabs talli 'xerred informazzjoni falza ta' ħsara għall-istat',
1. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar is-sentenzi reċenti kontra priġunieri politiċi u attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja li jaffettwaw kull element politiku ta' l-oppożizzjoni;
2. Huwa mħasseb ħafna dwar ir-restrizzjonijiet imposti fuq Mahmoud Issa, Fayek El Mir, Aref Dalila, Kamal al Labwani, Anwar Al Bunni, Michel Kilo, Suleiman Al-Shamar u Khalil Hussein, u l-akkużi kontihom, talli eżerċitaw id-drittijiet demokratiċi tagħhom u ħadu sehem f'attivitajiet paċifiċi;
3. Iħeġġeġ lill-Awtoritajiet Sirjani biex jikkonformaw b'mod strett mal-liġi internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem u, b'mod partikulari, mal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, u kif ukoll mal-Konvenzjoni kontra t-Tortura u t-Trattamenti jew il-Kastigi Krudili, Inumani jew Degradanti, irratifikati rispettivament mis-Sirja fl-1969 u fl-2004;
4. Jistieden lis-Sirja biex tirrispetta l-libertà ta' l-opinjoni u d-dritt għal proċess ġuridiku ġust;
5. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Sirjani biex jieħdu nota tat-tħassib tal-Kumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u biex:
- (a)jiżguraw li dawk miżmuma jiġu trattati tajjeb u ma jkunux suġġetti għal tortura jew trattament ħażin ieħor,
- (b)jiżguraw li l-persuni miżmuma jew mibgħuta l-ħabs jingħataw aċċess fil-pront u regolari għall-avukati, it-tobba u l-familji tagħhom;
6. Iħeġġeġ lill-korpi Sirjani relevanti biex ireġġgħu lura, iwaqqgħu l-akkużi li għadhom pendenti fil-Qorti Militari ta' Damasku u jeħilsu lill-priġunieri tal-kuxjenza u l-priġunieri politiċi kollha msemmija hawn fuq;
7. Jistieden b'mod partikulari lill-UE biex tipprovdi l-appoġġ kollu neċessarju lill-attivisti tas-soċjetà ċivili Sirjani permezz ta' l-Istrument Ewropew tal-Viċinat u Sħubija (ENPI) u l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) li għadu kif ġie adottat, inkluż permezz ta' l-implimentazzjoni mingħajr dawmien ta' l-hekk imsejħa miżuri ad hoc dedikati għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;
8. Jitlob lis-Sirja, li jista' jkolla rwol importanti fil-promozzjoni tal-paċi fir-reġjun, biex ittejjeb u tappoġġja d-drittijiet tal-bniedem u l-libertà ta' l-espressjoni fil-pajjiż;
9. Jistieden lis-Sirja biex tappoġġja t-twaqqif ta' tribunal penali b'xejra internazzjonali wara l-inkjesta ta' l-Imħallef Brammertz fil-Libanu;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Gvern Sirjan u lill-Parlament Sirjan.