MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
26.9.2007
- –Geoffrey Van Orden, Hartmut Nassauer, Nirj Deva, Bernd Posselt u Colm Burke, f'isem il-Grupp PPE-DE
- –Pasqualina Napoletano, Elena Valenciano Martínez-Orozco, Glenys Kinnock u Barbara Weiler, f'isem il-Grupp PSE
- –Jules Maaten, Marco Cappato, Marco Pannella u Annemie Neyts-Uyttebroeck, f'isem il-Grupp ALDE
- –Ryszard Czarnecki, Gintaras Didžiokas, Adam Bielan, Wojciech Roszkowski, Konrad Szymański, Hanna Foltyn-Kubicka, Mieczysław Edmund Janowski and Marcin Libicki, f'isem il-Grupp UEN
- –Raül Romeva i Rueda, Frithjof Schmidt u Cem Özdemir f'isem il-Grupp Verts/ALE
- –Vittorio Agnoletto, f'isem il-Grupp GUE/NGL
- –UEN (B6‑0363/2007)
- –GUE/NGL (B6‑0368/2007)
- –ALDE (B6‑0369/2007)
- –PSE (B6‑0370/2007)
- –PPE-DE (B6‑0371/2007)
- –Verts/ALE (B6‑0372/2007)
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Burma
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu preċedenti dwar il-Burma, b'mod partikulari dik tas-6 ta' Settembru 2007[1],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103 (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi l-Alleanza tar-Reliġjużi Buddisti Kollha tal-Burma mexxiet mewġa kbira ta' dimostrazzjonijiet paċifiċi kontra l-ġunta militari ripressiva fil-Burma u talbet il-ħelsien ta' Aung San Suu Kyi u ta' priġunieri politiċi oħra,
B. billi d-dimostrazzjonijiet komplew jikbru minkejja l-arresti u l-biża' ta' reazzjoni vjolenti mill-forzi tal-gvern,
C. wara li kkunsidra l-appell tat-23 ta' Settembru 2007 mid-Dalai Lama, li fih ħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Burma sabiex jevitaw li jwettqu vjolenza fuq ir-reliġjużi Buddisti u dimostranti oħra,
D. billi, fl-20 ta' Settembru, is-sitwazzjoni fil-Burma kienet biss diskussa fil-qosor waqt il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,
1. Japprova l-azzjoni kuraġġuża tar-reliġjużi tal-Burma u ta' għaxriet ta' eluf ta' dimostranti paċifiċi oħra meta kkonfrontaw lir-reġim antidemokratiku u ripressiv tal-Burma;
2. Itenni s-sejħa tiegħu għall-ħelsien minnufih u għal-libertà sħiħa ta' moviment u ta' espressjoni għal Aung San Suu Kyi;
3. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Burma sabiex jevitaw kull reazzjoni vjolenti għad-dimostrazzjonijiet, sabiex jiżguraw li ma jerġax ikun hemm ripetizzjoni tax-xeni tal-biża' tal-qtil ta' ħafna nies li d-dinja kienet xhud tagħhom fl-1988, iżda minflok sabiex jirrikonoxxu l-leġittimità tat-talbiet li qed isirulhom u biex jeħilsu lid-dimostranti arrestati u priġunieri politiċi oħra;
4. Jappella għall-waqfien tal-proċess kostituzzjonali illeġittimu attwali, u għas-sostituzzjoni tiegħu minn Konvenzjoni Nazzjonali li tkun rappreżentattiva għall-aħħar u li tinkludi lill-Għaqda Nazzjonali għad-Demokrazija (NLD) u partiti u gruppi politiċi oħra;
5. Jistieden lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU sabiex jittratta b'urġenza s-sitwazzjoni fil-Burma u sabiex jagħti s-setgħa lis-Segretarju Ġenerali tan-NU biex jieħu azzjoni li tħaffef ir-rikonċiljazzjoni nazzjonali u t-tranżizzjoni għad-demokrazija fil-Burma, u sabiex l-Assemblea Ġenerali tan-NU wkoll tieħu l-azzjoni xierqa;
6. Jistieden lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jiżgura li l-Mibgħut Speċjali tan-NU, Ibrahim Gambari, iżur il-Burma kif ippjanat b'urġenza u sabiex tingħatalu l-libertà tal-moviment u ta' l-aċċess bla xkiel ta' xejn;
7. Jistieden lill-Kunsill ta' l-UE, biex jaħdem mill-qrib b'urġenza ma' l-Istati Uniti, ma' l-ASEAN u ma' membri oħra tal-komunità internazzjonali sabiex jipprepara sensiela koordinata ta' miżuri oħrajn, inklużi sanzjonijiet ekonomiċi mmirati li jistgħu jittieħdu kontra r-reġim tal-Burma jekk dan jagħtiha għall-vjolenza u ma jirrispondix għat-talba ta' ritorn għad-demokrazija;
8. Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel il-mezz xieraq disponibbli fil-qafas ta' l-Istrument għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem sabiex jingħata appoġġ b'mod attiv lill-moviment favur id-demokrazija u lill-NGOs li qegħdin jaħdmu sabiex jerġa' jkun hemm l-iggvernar tajjeb fil-Burma;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri, lill-gvernijiet tal-pajjiżi ta' l-ASEAN, lill-Għaqda Nazzjonali għad-Demokrazija (NLD), lill-Kunsill għall-Paċi u l-Iżvilupp ta' l-Istat u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.
- [1] Testi adottati, P6_TA-PROV(2007)0384