MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
24.10.2007
- –Joseph Daul, Lutz Goepel, Neil Parish, Struan Stevenson, Esther De Lange, Carmen Fraga Estévez, Esther Herranz García, Elisabeth Jeggle, Mairead McGuinness, James Nicholson u Agnes Schierhuber, f'isem il-Grupp PPE-DE
- –Luis Manuel Capoulas Santos, f'isem il-Grupp PSE
- –Niels Busk, Kyösti Virrankoski, Willem Schuth, Ona Juknevičienė u Danutė Budreikaitė, f'isem il-Grupp ALDE
- –Adam Bielan, Sergio Berlato, Janusz Wojciechowski, Gintaras Didžiokas, Andrzej Tomasz Zapałowski, Liam Aylward, Zdzisław Zbigniew Podkański, Ewa Tomaszewska, Zbigniew Krzysztof Kuźmiuk, Ryszard Czarnecki u Mieczysław Edmund Janowski, f'isem il-Grupp UEN
- –Friedrich-Wilhelm Graefe zu Baringdorf, f'isem il-Grupp Verts/ALE
- –PPE-DE (B6‑0400/2007)
- –PSE (B6‑0401/2007)
- –ALDE (B6‑0403/2007)
- –UEN (B6‑0404/200)
- –Verts/ALE (B6‑0405/2007)
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar prezzijiet ta' l-għalf u ta' l-ikel li qed jogħlew
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 33 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tas-26 ta' Settembru 2007 dwar it-twarrib għas-sena 2008,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-prezzijiet globali tal-qamħ żdiedu b’mod drammatiku fl-aħħar xhur u l-ħażniet pubbliċi u privati taċ-ċereali waqgħu għall-inqas livell tagħhom f’40 sena,
B. billi l-aħħar stimi jissuġġerixxu li l-ħsad tal-qamħ ta' l-UE-27 se jkun madwar 8 miljun tunnellata inqas mis-sena l-oħra,
C. billi l-ħsad ta' l-2006 kien biss 265.5 miljun tunnellata, li jħalli biss miljun tunnellata f'intervent għal din is-sena,
D. billi l-provvista globali tal-qamħ ġiet affettwata minn kundizzjonijiet ħarxa tat-temp, notevolment in-nixfa u l-għargħar, li probabilment huma marbuta mal-bidla fil-klima,
E. billi fil-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri ta’ l-UE hu impossibbli li wieħed jiddixxerni rabta diretta u fit-tul bejn iż-żieda fil-prezzijiet ta’ ċerti prodotti u d-domanda għal bijofjuwil, iżda, xorta waħda għandu jkun enfasizzat li f’pajjiżi bħall-Istati Uniti politika attiva biex ikun promoss it-tkabbir tal-qamħirrun biex ikun prodott il-bijoetanol qed ikollha effett dirett fuq il-prezzijiet ta’ l-għalf u ta’ l-ikel u dan ġie rikonoxxut mill-OECD,
F. billi l-istudju ta' l-OECD ppubblikat f'Settembru 2007 dwar l-impatt tal-produzzjoni ta' bijofjuwil fuq is-sigurtà u l-bijodiversità ta' l-ikel fid-dinja javża li l-kompetizzjoni għall-art u r-riżorsi bejn il-produzzjoni ta' l-ikel u ta' l-għalf, min-naħa l-waħda, u l-fjuwil, min-naħa l-oħra, tista' żżid l-prezzijiet ta' l-ikel sa tali punt li l-aċċess għall-ikel għall-ifqar popli u reġjuni jkun mhedded,
G. billi d-domanda globali għall-ikel qed tikber iktar mill-provvista, mhux l-inqas minħabba li d-dħul qed jiżdied f'ekonomiji emerġenti bħall-Indja u ċ-Ċina u, flimkien ma' popolazzjonijiet li qed jikbru, dan qed jgħolli d-domanda, speċjalment għal-laħam u għall-prodotti tal-ħalib, u għaldaqstant anke għall-għalf,
H. billi n-nuqqas ta' sigurtà ta' l-ikel għadu realtà għal aktar minn 854 miljun persuna, li madwar 820 miljun minnhom qegħdin fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw,
I. billi l-prezzijiet ta' l-ikel bl-imnut ma laħħqux ma' l-għoli tal-ħajja, u l-prezzijiet tal-prodotti meta jitilqu mill-farm ma laħħqux mal-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut,
J. billi kumpaniji ewlenin tal-bejgħ bl-ingrossa u numru żgħir ta’ bejjiegħa kbar bl-imnut li qed joperaw fl-UE għandhom qawwa konsiderevoli biex jiffissaw prezzijiet għal prodotti ta' l-ikel, u billi l-konċentrazzjoni tagħhom hi tali li tammonta għal pożizzjoni dominanti vis-à-vis il-produtturi,
K. billi l-ispiża dejjem tikber ta' l-għalf kompost qed tgħolli l-ispejjeż tal-produzzjoni għas-settur tal-bhejjem,
L. billi matul dawn l-aħħar 15-il sena l-Politika Agrikola Komuni diġà kellha bidla drammatika bħala reazzjoni għal pressjoni mis-soċjetà Ewropea u l-ekonomija tagħha li qed tevolvi, u billi s-separazzjoni qed tipprovdi l-opportunità lill-bdiewa biex jirrispondu għas-sinjali tas-suq,
M. billi l-Artikolu 33 tat-Trattat KE jistipula li l-objettivi tal-Politika Agrikola Komuni jinkludu li tiġi żgurata d-disponibilità tal-provvisti u li jiġi żgurat li l-provvisti jaslu għand il-konsumaturi bi prezzijiet raġjonevoli,
Twarrib
1. Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni reċenti tal-Ministri ta' l-Agrikoltura ta' l-UE li jadottaw il-proposta tal-Kummissjoni li jiġu sospiżi l-obbligi tat-twarrib għall-2008;
2. Jinnota l-istimi tal-Kummissjoni li din il-miżura se tillibera madwar 2.9 miljun ettaru għall-produzzjoni tal-qamħ u żżid il-ħsad tas-sena d-dieħla b'madwar 10 miljun tunnellata;
3. Jiddispjaċih għall-fatt li l-Kunsill m'adottax l-emendi tal-Parlament li ppruvaw jissospendu t-twarrib għas-sena 2009 wkoll, u jistenna li din il-kwistjoni tiġi indirizzata fil-Verifika imminenti ta' l-Istat tal-politika agrikola komuni;
Il-produzzjoni u l-bejgħ bl-imnut ta' l-ikel
4. Jinnota l-kumment riċenti tal-Kummissarju Fischer Boel li l-prezzijiet tal-laħam u tal-prodotti tal-laħam jistgħu jogħlew b'massimu ta' 30% fl-2008 minħabba spejjeż ogħla ta' l-għalf;
5. Jinnota li l-prezzijiet ogħla tal-ħalib fl-2007 jirrappreżentaw żieda żgħira iżda li kienet meħtieġa b'mod urġenti għall-bdiewa li jrabbu bhejjem għall-ħalib, iżda li dawn il-prezzijiet huma problematiċi għall-konsumaturi u jagħmluha aktar diffiċli li tinkiseb il-provvista ta' prodotti tal-ħalib li hi meħtieġa, pereżempju mill-iskejjel u l-isptarijiet;
6. Jinnota bi tħassib li l-produtturi Ewropej tat-tjur qed ikollhom iħallsu bejn 40% u 60% iktar għall-għalf minn dak li kienu jħallsu sena ilu, speċjalment minħabba li l-għalf huwa responsabbli għal madwar 60% ta' l-ispejjeż totali tagħhom;
7. Jenfasizza bl-aktar mod qawwi possibbli li l-ispiża tal-materja prima hija komponent relattivament żgħir fl-ispiża totali ta' ħafna prodotti ta' l-ikel, speċjalment l-ikel proċessat, u li, anke wara ż-żidiet riċenti fil-prezzijiet tal-qamħ, l-ispiża tal-qamħ hija responsabbli għal inqas minn 10% tal-prezz ta' ħobża mibjugħa bl-imnut fir-Renju Unit u inqas minn 5% ta' dak ta' 'baguette' fi Franza;
8. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex janalizzaw id-diskrepanzi bejn il-prezzijiet tal-prodotti meta jitilqu mill-farm u l-prezzijiet mitluba mill-bejjiegħa ewlenin tal-prodotti bl-imnut; jirrimarka, b’mod partikulari, li l-Kummissjoni għandha tinvestiga l-effetti ta’ konċentrazzjoni fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, l-iktar bi żvantaġġ għal produtturi żgħar, intrapriżi żgħar u l-konsumaturi, u tuża l-miżuri legali kollha li għandha disponibbli jekk jiġu identifikati abbużi ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq;
9. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tawtorizza pagamenti diretti bil-quddiem lill-bdiewa li jrabbu l-bhejjem, speċjalment lil dawk affettwati minn epidemiji (e.g. bluetongue), minħabba li huma jistgħu iħabbtu wiċċhom ma’ problemi serji ta’ likwidità bħala riżultat ta’ prezzijiet ogħla ta’ l-għalf;
Bijofjuwils
10. Jenfasizza li huwa biss proporzjon żgħir ħafna tal-produzzjoni taċ-ċereali ta' l-UE li qiegħed attwalment jintuża għall-produzzjoni tal-bijofjuwil, u li biex jintlaħqu l-miri tal-bijofjuwil ta' l-UE fl-2020 , xorta jkun hemm bżonn li tintuża biss 15% tar-raba' ta' l-UE;
11. Jinnota li l-erja ta’ l-art ta’ l-UE għall-uċuħ tar-raba’ għall-enerġija żdiedet għaxar darbiet, għal 2.84 miljun ettaru, mill-2004;
12. Jenfasizza li l-bijofjuwils huma fil-preżent l-uniku sostitut għall-fjuwils fossili li hu disponibbli fis-suq fuq skala kbira u, għall-kuntrarju tal-fjuwils fossili, jista’ jiġġedded u jista’ jwassal għal tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra;
13. Jinnota li meta tintuża tunnellata ta' ċereali fl-UE għall-produzzjoni tal-bijoetanol, sa 40% tagħha terġa' lura fis-settur ta' l-għalf tal-bhejjem fil-forma ta' prodotti sekondarji;
14. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, madankollu, biex jagħmlu iktar biex jippromwovu l-użu u l-produzzjoni ta' bijoenerġija tat-tieni ġenerazzjoni, li tinvolvi l-ipproċessar tad-demel u tal-materjali ta' l-iskart agrikolu, minflok prodotti agrikoli primarji;
15. Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq evalwazzjoni ta' l-impatt ambjentali u tas-sigurtà ta' l-ikel li tqis il-kompetizzjoni eżistenti għall-art u r-riżorsi bejn il-produzzjoni ta' l-ikel u dik tal-fjuwil ibbażat fuq il-pjanti, inkluż l-impatt tal-bidla fil-klima u miżuri possibbli biex jiġi evitat it-tnaqqir ulterjuri tar-riżorsi għall-produzzjoni ta' l-ikel;
Importazzjonijiet u esportazzjonijiet
16. Jinnota bi tħassib serju li l-ispiża ta' l-għalf kompost żdiedet b'€75 għal kull tunnellata u qed tkompli tiżdied minħabba nuqqas akut ta' qamħ għall-għalf, u li dan jirrappreżenta spiża addizzjonali ta' €10 biljun għall-industrija tal-bhejjem ta' l-UE;
17. Jinnota t-tħabbira fl-aħħar laqgħa tal-Kunsill ta' l-Agrikoltura ta' l-intenzjoni li tiġi fformulata proposta biex jitneħħew id-dazji fuq l-importazzjoni ta' ċereali għall-2008, bħala mezz biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni diffiċli fis-settur tal-bhejjem, speċjalment f'dak tal-laħam tal-majjal;
18. Jirrimarka li tali deċiżjonijiet jistgħu fil-fatt idgħajfu l-pożizzjoni tan-negozjar ta' l-UE fir-rigward ta' l-aċċess għas-suq fin-negozjati tad-WTO;
19. Jenfasizza li din id-deċiżjoni m'għandix isservi ta' preċedent għal setturi oħra, bħal dak tar-ross;
20. Jiċħad kwalunkwe ċaqliq biex jiġu imposti kwoti u tariffi fuq l-esportazzjoni tal-produzzjoni agrikola ta' l-UE;
21. Jitlob li l-operaturi ta' pajjiżi terzi jiġu soġġetti għall-istess kontrolli stretti bħall-produtturi ta' l-UE;
22. Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq eżeċizzju ta' evalwazzjoni tal-possibilità ta' miżuri dwar l-immaniġġjar tal-provvista u s-sigurtà ta' l-ikel li jistgħu jevitaw instabilità estrema ulterjuri tal-prezzijiet ta' l-għalf u l-ikel u l-kompetizzjoni mhux sostenibbli bejn il-produzzjoni ta' l-ikel u tal-fjuwil;
Nuqqas ta' sigurtà globali ta' l-ikel
23. Hu konxju mill-fatt li t-tnaqqis fil-ħażniet globali ta' l-ikel ikollu impatt serju u partikolari fuq pajjiżi bi dħul baxx u b'defiċit ta' ikel f'dawk il-partijiet tad-dinja li qed jiżviluppaw, b'kont totali ta' l-importazzjonijiet taċ-ċereali għal dawn il-pajjiżi li hu previst li jiżdied b'mod kunsiderevoli – għall-ogħla ammont li qatt ġie rreġistrat, ta' $28 biljun fl-2007/08, jew żieda ta' bejn wieħed u ieħor 14 fil-mija fuq il-livell diġà għoli tas-sena l-oħra;
24. Jinnota li, b'mod ġenerali, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw se jonfqu rekord ta' $52 biljun fuq l-importazzjonijiet taċ-ċereali;
25. Jistieden lill-Kummissjoni biex tanalizza sew l-effetti tan-nuqqas ta' provvista ta' ċereali u żrieragħ taż-żejt fuq l-aktar produtturi u konsumaturi ta' l-ikel vulnerabbli fl-UE u fil-pajjiżi terzi inklużi l-proposti għal strumenti u miżuri li jevitaw tfixkil tal-provvista ta' l-ikel u l-effetti inflazzjonarji fuq żidiet ulterjuri tal-prezz;
26. Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq analiżi dettaljata tax-xejriet globali tas-suq, inkluża d-domanda akbar għall-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, sabiex jiġi kkunsidrat, bħala parti mill-Verifika ta' l-Istat tal-politika agrikola komuni, il-ħolqien ta' mekkaniżmi permanenti biex tiġi garantita provvista adegwata tas-suq fil-ġejjieni;
27. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.