MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
24.10.2007
- –Charles Tannock, Eija-Riitta Korhola, f'isem il-Grupp PPE-DE
- –Pasqualina Napoletano, Robert Evans, f'isem il-Grupp PSE
- –Sarah Ludford, Marios Matsakis, f'isem il-Grupp ALDE
- –Jan Tadeusz Masiel, Ryszard Czarnecki, Adam Bielan, f'isem il-Grupp UEN
- –Jean Lambert, f'isem il-Grupp Verts/ALE
- –Luisa Morgantini, f'isem il-Grupp GUE/NGL
- –PSE (B6‑0409/2007)
- –GUE/NGL (B6‑0414/2007)
- –Verts/ALE (B6‑0417/2007)
- –PPE-DE (B6‑0420/2007)
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Pakistan
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Pakistan, b’mod partikulari r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Lulju 2007,
– wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Koperazzjoni ta’ l-24 ta’ Novembru 2001 bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Islamika tal-Pakistan dwar Sħubija u Żvilupp,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-24 ta' Mejju 2007 dwar il-Kashmir,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi Benazir Bhutto, il-President tal-Partit tal-Poplu tal-Pakistan (PPP) irritornat fil-Pakistan fit-18 ta’ Ottubru 2007; billi r-ritorn tas-Sra Bhutto f’Karachi kien immarkat b’attakk orribbli ta' bomba fejn mietu iktar minn 130 persuna u ndarbu iktar minn 500 persuna; billi l-klima digà fraġli ta’ qabel l-elezzjoni fil-Pakistan saħnet iktar minħabba dan l-attakk,
B. billi falla attentat minn Nawaz Sharif, il-President tal-Lega Musulmana tal-Pakistan, biex jirritorna fil-Pakistan, minħabba li hu kien imġiegħel iħalli l-pajjiż immedjatament kif wasal,
C. billi hemm sinjali ċari ta’ militarizzazzjoni tal-Pakistan u rwol ikbar tas-servizzi sigrieti, li qed ikomplu jeżerċitaw influwenza kbira ħafna fil-politika, fil-gvern u fl-ekonomija tal-Pakistan,
D. billi t-terminu parlamentari jispiċċa fil-15 ta’ Novembru 2007 u l-elezzjonijiet ġenerali ġew imħabbra fil-Pakistan għal nofs Jannar 2008,
E. billi biex terġa' tiddaħħal id-demokrazija hemm bżonn li l-poter ikun trasferit lura lil gvern ċivili,
F. billi fis-17 ta’ Ottubru 2007 l-Qorti Suprema tal-Pakistan kompliet tisma’ l-kwistjoni dwar jekk il-ħatra tal-President Musharraf hijiex konformi mal-Kostituzzjoni, u mistennija tgħaddi l-ġudizzju tagħha fil-ġranet li ġejjin,
G. billi l-Unjoni Ewropea tipprovdi finanzjament sinifikanti lill-Pakistan biex jittaffa l-faqar, għas-saħħa u għall-edukazzjoni pubblika,
1. Jikkundanna bil-qawwa l-attakk suwiċida ta’ bomba kontra l-mexxej ta’ l-oppożizzjoni u n-nies ċivili; jitlob lill-gvern tal-Pakistan biex jieħu passi immedjati biex jagħmel investigazzjoni bir-reqqa u indipendenti dwar dan l-attakk sabiex dawk kollha responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja;
2. Jestendi l-ikbar simpatija tiegħu lill-poplu tal-Pakistan u speċjalment lill-familji ta' dawk kollha maqtula u midruba b’dan l-att ta’ min jistmellu;
3. Jafferma mill-ġdid is-solidarjetà tiegħu mal-poplu tal-Pakistan li jaqsam l-objettivi ta’ governanza demokratika u regoli trasparenti u ta’ responsabilità u li jaġixxi b’kuraġġ u determinazzjoni quddiem vjolenza terroristika u kriminali;
4. Iħeġġeġ lill-Pakistan biex josserva l-prinċipji mħaddna fil-Ftehima ta’ Koperazzjoni, b’mod partikulari l-klawsola tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem;
5. Jikkundanna bil-qawwa t-tluq sfurzat tal-Prim Ministru preċedenti Nawaz Sharif lejn l-Għarabja Sawdija fl-10 ta' Settembru 2007 minkejja sentenza tal-Qorti Suprema tal-Pakistan li tippermetti r-ritorn tiegħu fil-Pakistan;
6. Jitlob lill-gvern tal-Pakistan, bħala kundizzjoni minn qabel għal elezzjonijiet demokratiċi, biex jippermetti r-ritorn tal-mexxejja politiċi kollha biex jiġġieldu l-forzi estremisti fil-pajjiż u jikkontribwixxu biex jiġi stabbilit gvern leġittimu permezz ta’ elezzjonijiet ħielsa u ġusti, li jieħu post id-dittatorjat militari attwali;
7. Itenni t-talba tiegħu li l-gvern proviżorju li se jkun hemm irid ikun newtrali u jerġa’ jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-kompożizzjoni tal-gvern proviżorju hi deċiża mill-President Musharraf waħdu;
8. Jiddeplora xi proċeduri reċenti tal-Qorti Superjuri fil-Pakistan li jagħtu lok għal tħassib serju dwar in-nuqqas ta’ l-istat tad-dritt; jistieden lill-gvern tal-Pakistan biex ma jindaħalx politikament u biex jirrispetta l-indipendenza tal-ġudikatura;
9. Jiddeplora l-falliment tal-President Musharraf biex iħalli postu bħala kap ta’ l-armata qabel ma joħroġ bħala kandidat u jkun elett president, kif kien qabel li jagħmel f’wegħda lill-UE; itenni t-talba tiegħu li għandu jagħmel hekk qabel ma jieħu l-kariga; jinnota li n-nuqqas tiegħu li jaġixxi kellu effett negattiv fuq il-kredibilità tal-Presidenza fil-Pakistan;
10. Jikkundanna l-arrest arbitrarju ta’ membri ta’ l-oppożizzjoni meta huma kkritikaw lill-President Musharraf u jħeġġeġ lill-gvern biex jaċċetta u jimplimenta d-direttiva tal-Qorti Suprema biex jieqaf l-għejbien ta’ avversarji politiċi;
11. Iħeġġeġ li l-Pakistan jirritorna għal gvern demokratiku billi jkun hemm elezzjonijiet ħielsa, ġusti u trasparenti f’Jannar 2008 u jwissi kontra l-impożizzjoni ta' l-istat ta' emerġenza jew ta' miżuri oħra biex titrażżan il-libertà tal-kelma, ta' assoċjazzjoni, ta' assemblea jew ta' moviment; iħeġġeġ lill-gvern tal-Pakistan biex jipprovdi lill-partijiet kollha aċċess ugwali għall-midja;
12. Iħeġġeġ lill-Pakistan biex jieħu azzjoni immedjata biex jirrestrinġi l-influwenza ta’ l-armata fis-soċjetà kollha kemm hi; jistieden lill-Gvern Pakistan biex jirrispetta tranżizzjoni għal stat ċivili u biex isaħħaħ l-istituzzjonijiet demokratiċi bħala l-uniku mod possibbli biex ikun hemm risposta għall-isfidi fis-soċjetà tal-Pakistan; jerġa’ jħeġġeġ lill-gvern biex jillimita l-irwol u l-influwenza ta’ l-armata u ta’ gruppi oħra armati u biex jirritorna s-setgħa lill-istituzzjonijiet demokratiċi;
13. Hu mħasseb dwar ir-rapporti ta’ oppressjoni kontinwa ta’ minoritajiet reliġjużi bħal Kristjani, Buddisti, Hindus, Sikhs u Ahmadis u l-użu ta’ liġijiet dwar id-dagħa kontrihom;
14. Jistieden lill-gvern tal-Pakistan biex jieħu azzjoni immedjata biex iwaqqaf tali repressjonijiet ibbażati fuq ir-reliġjon u biex jiżgura l-integrità u s-sikurezza tal-minoritajiet kollha billi jingħataw protezzjoni legali u politika ġenwina u effettiva; jistieden lill-Pakistan biex jirriforma l-liġijiet dwar id-dagħa, li huma użati ħażin b’mod wiesa’; iħeġġeġ lill-gvern tal-Pakistan biex jipprovdi protezzjoni xierqa għall-avukati u għal dawk li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem li jiffaċċjaw theddid minħabba li jkunu qed jiddefendu lil dawk akkużati b’dagħa; iħeġġeġ lill-gvern tal-Pakistan biex jipprovdi protezzjoni xierqa lill-komunitajiet reliġjużi vulnerabbli u komunitajiet oħra f'minoranza li jiffaċċjaw theddid ta’ konverżjoni sfurzata u intimidazzjoni vjolenti minn estremisti;
15. Jistieden lill-awtoritajiet Pakistani biex jirrevokaw il-Hudood Ordinances, li wasslu għall-priġunerija ta’ mijiet ta’ nisa;
16. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-UE se tagħmel monitoraġġ ta’ l-elezzjonijiet parlamentari fil-Pakistan u li l-Parlament Ewropew se jipparteċipa fil-missjoni ta’ osservatur; hu mħasseb dwar il-possibilità li n-nisa Pakistani ma jkunux jistgħu jipparteċipaw b'mod sħiħ fil-proċess demokratiku minħabba li tkun meħtieġa kwalifika akkademika bħala kundizzjoni minn qabel biex wieħed joħroġ għall-elezzjoni, li se teskludi 70% tan-nisa Pakistani; jitlob li titneħħa din ir-restrizzjoni;
17. Jirrikonoxxi l-isforzi li l-Pakistan qed jagħmel biex jirreżisti l-qawmien ta’ gruppi terroristiċi; juri dispjaċir li l-ftehima li ntlaħqet biex ikun evitat iktar konflitt fit-Tramuntana ta’ Waziristan ma kinitx suċċess; jistieden lill-gvern biex jiġġieled il-vjolenza mill-ġdid relatata mar-ribelljoni permezz ta’ miżuri proporzjonati u biex jimponi l-istat tad-dritt u jestendi drittijiet ċivili u politiċi għal din iz-zona;
18. Jitlob, b’attenzjoni partikulari għar-ribelljoni kontinwa f’Balochistan, li l-armata ma tappoġġjax partiti Islamiċi sabiex jiġu miġġielda l-forzi Baloch sekulari u Pashtun moderati; jitlob ukoll għar-rilaxx tal-priġunieri politiċi kollha, inklużi dawk taħt il-kustodja ta’ aġenziji ta’ intelliġenza li tmur kontra l-liġi;
19. Jenfasizza l-importanza ta’ aċċess universali għall-edukazzjoni pubblika u monitoraġġ effettiv tal-madrassas biex ikun evitat il-kontroll minn estremisti; jistieden lill-gvern tal-Pakistan biex jimplimenta l-wegħda preċedenti tiegħu fir-rigward ta’ attendenza ta’ studenti barranin fil-madrassas;
20. Jitlob lill-Istati Membri ta’ l-UE biex jirrispettaw il-Kodiċi ta’ Kondotta ta’ l-UE dwar l-Esportazzjonijiet ta’ Armi;
21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvern tal-Pakistan.