Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B6-0449/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B6-0449/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA

14.11.2007

imressqa skond l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura minn
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi li ġejjin: dwar ġrajjiet serji li jikkompromettu l-eżistenza tal-komunitajiet Kristjani u ta' komunitajiet Reliġjużi oħra

Proċedura : 2007/2659(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B6-0449/2007
Testi mressqa :
RC-B6-0449/2007
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ġrajjiet serji li jikkompromettu l-eżistenza tal-komunitajiet Kristjani u ta' komunitajiet Reliġjużi oħra

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR) ta' l-1948,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR) ta' l-1950,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) ta' l-1966,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar t-Tneħħija tal-Forom Kollha ta' Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni bbażata fuq Reliġjon u Twemmin ta' l-1981,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin u b'mod partikolari r-rapporti tat-8 ta' Marzu 2007, ta' l-20 ta' Lulju 2007 u ta' l-20 ta' Awwissu 2007,

–  wara li kkunsidra r-rapporti annwali tiegħu dwar il-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-minoranzi reliġjużi fid-dinja,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2007 dwar il-Pakistan u l-Iran,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-28 ta' April 2005 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja 2004 u l-politika ta' l-UE fuq il-kwistjoni,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-6 ta' Lulju 2005 dwar l-Unjoni Ewropea u l-Iraq - Qafas għal Impenn

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-6 ta' April 2006 dwar l-Iraq: il-komunità Assirjana; il-qagħda tal-ħabsijiet fl-Iraq,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu ta' l-10 ta' Mejju 2007 dwar l-istrateġija ta' l-UE għal riforma fid-dinja Għarbija,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fir-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja, l-Unjoni Ewropea tafferma u tmexxi 'l quddiem il-valuri tagħha u tikkontribwixxi għall-paċi, ir-rispett reċiproku bejn il-ġnus u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem,

B.   billi f'bosta okkażjonijiet esprima ruħu favur id-drittijiet ta' komunitajiet reliġjużi u l-ħarsien ta' l-identità tagħhom madwar id-dinja kollha u favur ir-rikonoxximent u l-ħarsien tal-minoranzi reliġjużi, mingħajr ebda distinzjoni,

C.   bid-dikjarazzjoni tiegħu li jinsab imħasseb ħafna f'dan ir-rigward, dwar il-proliferazzjoni ta' episodji ta' intolleranza u ta' repressjoni kontra komunitajiet Kristjani, partikolarment fil-pajjiżi ta' l-Afrika, ta' l-Ażja u tal-Lvant Nofsani,

D.  ifakkar fl-impenn tiegħu lejn il-prinċipji tal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon u l-libertà ta' l-osservanza reliġjuża fid-dinja kollha, u lejn il-prinċipju li l-Istat u l-istituzzjonijiet pubbliċi tiegħu għandhom ikunu sekulari; jenfasizza li, fid-dinja kollha, dawn l-awtoritajiet għandhom id-dmir li jiggarantixxu dawn il-libertajiet, inkluża l-libertà li tibdel ir-reliġjon,

E.  wara li kkunsidra l-importanza tad-djalogu bejn ir-reliġjonijiet biex il-paċi u l-fehim bejn il-ġnus jimxu 'l quddiem,

F.  billi l-mexxejja politiċi u reliġjużi għandhom id-dmir f'kull livell li jiġġieldu kontra l-estremiżmi u jippromwovu r-rispett reċiproku,

G.  billi, skond il-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u b'mod partikolari l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), 'kulħadd għandu d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon; dan id-dritt jinkludi l-libertà li jidbel ir-reliġjon jew it-twemmin, u l-libertà li waħdu jew f'komunità ma' oħrajn u fil-pubbliku jew fil-privat, jimmanifesta r-reliġjon jew it-twemmin tiegħu billi jadura, jgħallem, jipprattika u josserva',

H.  billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin jenfasizza sitwazzjonijiet ta' tħassib li fihom il-libertà li tadotta, tibdel jew tirrinunzja reliġjon jew twemmin ma ġietx irrispettata u jirrapporta wkoll bosta rapporti ta' diskriminazzjoni inter reliġjuża u vjolenza, qtil u detenzjoni arbitrarja għal raġunijiet ta' reliġjon jew ta' twemmin,

I.   billi gruppi oħra ta' nies bħal refuġjati, persuni mċaqalqa fi ħdan pajjjiżhom, persuni li jfittxu ażil, migranti, persuni miċħuda mil-libertà tagħhom, minoranzi etniċi, reliġjużi u lingwistiċi u tfal ta' min jemmen, kollha jaffaċċjaw għadd dejjem akbar ta' vjolazzjonijiet tad-dritt tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin; ifakkar, f'dan ir-rigward, il-prinċipju tan-non-refoulement, skond l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra,

J.   imħasseb mill-ġrajjiet vjolenti li seħħew dan l-aħħar fl-Iraq, li jinkludu l-ħatfa ta' żewġ saċerdoti Kattoliċi, Patri Pius Afas u Patri Mazen Ishoa, fl-14 ta' Ottubru 2007 f'Mosul, il-qtil ta' żewġ membri Kristjani Assirjani ta' l-organizzazzjoni Unjoni Nazzjonali ta' Bet-Nahrin, Zuhair Youssef Astavo Kermles u Luay Solomon Numan, fit-28 ta' Ġunju 2007 f'Mosul, il-qtil ta' saċerdot Kaldew, P. Ragheed Ganni, u ta' tliet dekani li kienu l-assistenti tiegħu fit-3 ta' Ġunju 2007 f'Mosul,

K.  jikkundanna l-qagħda tal-villaġġi Assirjani fiz-zoni tal-fruntiera tat-Turkija bħal fil-każ tal-villaġġ Kani Masi,

L.  imħasseb mill-ġrajjiet vjolenti li seħħew dan l-aħħar fil-Pakistan, li jinkludu l-attakk fuq knisja Kristjana fl-10 ta' Ottubru 2007 f'Godwinh fuq in-naħa ta' barra ta' Lahore; l-isplużjoni ta' bomba fil-15 ta' Settembru 2007 li għamlet ħsarat kbar fis-, skola mmexxija mill-missjunarji ta' Mill Hill fid-distrett ta' Bannu; u l-qtil ta' l-Isqof Protestant Arif Khan u l-mara tiegħu fid-29 ta' Awwissu 2007 f'Islamabad,

M.  jikkundanna l-qtil f'Gaża ta' Rami Khader Ayyad, is-sid ta' librerija Kristjana, fis-7 ta' Ottubru 2007,

N.   imdejjaq bil-qtil ta' żewġ żgħażagħ Kopti, Wasfi Sadek Ishaq u Karam Klieb Endarawis, fit-3 ta' Ottubru 2007 f'Awlad Toq Garb fl-Eġittu,

O.   ixxukkjat mill-attakki fuq dar tal-pubblikazzjoni Kristjana Zirve fit-18 ta' April 2007 f'Malatya (it-Turkija), li matulhom inqatlu tliet Kristjani, Tilmann Geske, Necati Aydin u Ugur Yuksel; wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2007 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija u l-kundanna qawwija tiegħu tal-qtil ta' Hrant Dink u tas-saċerdot Kattoliku Andrea Santoro,

P.   jikkundanna l-ħatfa tas-saċerdot Kattoliku Giancarlo Bossi fil-Filippini,

Q.  jenfasizza b'mod partikolari s-serjetà tal-qagħda ta' komunitajiet Kristjani fis-Sudan, fejn l-awtoritajiet ta' Khartoum għadhom qed iwettqu opressjoni fuq il-membri tagħhom,

R.   billi matul dawn l-aħħar snin mijiet ta' familji Kristjani Assirjani li kienu jgħixu fil-viċinat ta' Dora fin-nofsinhar ta' Baghdad telqu l-Belt minħabba intimidazzjoni, theddid u vjolenza,

S.   billi l-eżodu tal-Kristjani mill-Iraq huwa kawża ta' tħassib serju, enfasizzat mill-fatt li, fl-2006, minn total ta' 38,000 Iraqqin irregistrat mill-UNHCR fis-Sirja, madwar 24% kienu Kristjani u billi aktar minn żewġ miljun persuna ġew mċaqalqa fi ħdan pajjiżhom, l-Iraq, il-maġġoranza l-kbira tagħhom jiffurmaw parti mill-minoranzi Kristjani, li qed imorru prinċipalment lejn il-pjanura ta' Nineveh,

T.   wara li kkunsidra s-serjetà tal-qagħda rigward il-libertà reliġjuża fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, fejn l-awtoritajiet għadhom qed iwettqu oppressjoni fuq kull espressjoni reliġjuża, partikolarment mill-Knisja Kattolika, bosta mill-membri u isqfijiet tagħha ġew arrestati għal għadd ta' snin u wħud minhom mietu fil-ħabs,

U.   billi anki fil-Vjetnam, l-attivitajiet tal-Knisja Kattolika u ta' reliġjonijiet oħra ġew repressi b'mod qawwi, kif muri bil-qagħda serja li qed jaffrontaw il-komunitajiet ta' 'montagnards' Vjetnamiżi,

V.  billi f'xi każijiet il-qagħda li qed jaffrontaw il-komunitajiet Kristjani tqiegħed fil-periklu l-eżistenza tagħhom fil-ġejjieni, u jekk kellhom jisparixxu, dan jimplika t-telf ta' parti sinifikanti mill-wirt reliġjuż ta' dawn il-pajjiżi,

1.  Jikkundanna bis-sħiħ kull att vjolenti kontra komunitajiet Kristjani, huma fejn huma, u jħeġġeġ lill-gvernijiet ikkonċernati biex iressqu quddiem il-ġustizzja lil dawk li wettqu dawn il-krimini;

2.   Jikkundanna bis-sħiħ kull forma ta' diskriminazzjoni u intolleranza bbażata fuq reliġjon u twemmin u atti ta' vjolenza kontra kull komunità reliġjuża; iħeġġeġ lill-pajjiżi kkonċernati biex jiżguraw li s-sistemi kostituzzjonali u leġiżlattivi tagħhom jipprovdu garanziji adegwati u effettivi għal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin kif ukoll rimedji legali effettivi għall-vittmi fejn id-dritt tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin ma ġietx irrispettata;

3.   Jinnota li d-dritt tal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon hija dritt fundamentali tal-bniedem li huwa garantit minn bosta għodda legali internazzjonali; ifakkar, fl-istess ħin, l-impenn tiegħu għall-kunċett fundamentali ta' l-interdipendenza tad-drittijiet tal-bniedem;

4.   Iħeġġeġ bis-sħiħ kull inizjattiva li tippromwovi d-djalogu u r-rispett reċiproku bejn ir-reliġjonijiet; jistieden l-awtoritajiet reliġjużi kollha biex jippromwovu t-tolleranza u biex jieħdu inizjattivi kontra l-mibegħda u r-radikalizzazzjoni vjolenta u estremista;

5.   Iħeġġeġ lill-gvernijiet tal-pajjiżi kkonċernati biex itejbu l-qagħda tas-sigurtà tal-komunitajiet Kristjani; jenfasizza għalhekk li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom id-dmir li jħarsu kull kumunità reliġjuża, inklużi l-komunitajiet Kristjani, mid-diskriminazzjoni u r-repressjoni;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex iqajmu s-suġġett tal-qagħda tal-komunitajiet Kristjani fil-qafas tad-djalogu politiku, mal-pajjiżi fejn huma mhedda, permezz tal-promozzjoni ta' impenn strateġiku mill-pajjiżi kkonċernati fuq il-bażi tat-trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jagħmlu kontribuzzjonijiet ulterjuri għat-tisħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt bl-użu ta' kull għodda ta' politika barranija ta' l-UE;

8.   Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jagħtu attenzjoni partikolari lill-qagħda tal-komunitajiet reliġjużi, inklużi l-komunitajiet Kristjani, f'dawk il-pajjiżi fejn huma mhedda, waqt it-tfassil u l-implimentazzjoni ta' koperazzjoni ta' żvilupp u ta' programmi ta' għajnuna ma' dawn l-istess pajjiżi;

9.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jallokaw aktar fondi għall-attivitajiet tal-UNHCR u għall-għajnuna umanitarja mmexxija minn din l-organizzazzjoni;

10.  Jirrakkomanda li l-kumitati rilevanti tiegħu jqisu l-qagħda tal-komunitajiet Kristjani, prinċipalment fil-Lvant Nofsani;

11.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.