Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B6-0454/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B6-0454/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA

14.11.2007

imressqa skond l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura minn
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi li ġejjin: dwar is-Somalja

Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B6-0454/2007
Testi mressqa :
RC-B6-0454/2007
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Somalja

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fis-Somalja,

–  wara li kkunsidra l-istqarrijiet preċedenti tar-Rappreżentant Għoli għall-Politika Barranija u tas-Sigurtà u s-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' l-Unjoni, Javier Solana, u tal-Kummissarju Louis Michel,

–  wara li kkunsidra l-Istqarrija ta' Tħassib rigward il-katastrofi umanitarja li qed tinfirex fis-Somalja ffirmata minn 40 NGOs internazzjonali u nazzjonali.

–  wara li kkunsidra l-pjan tar-rikonċiljazzjoni nazzjonali mressaq fir-riżoluzzjoni 1744 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, approvata fi Frar 2007, wara r-rebħa ta' l-Etopja fuq l-Unjoni tal-Qrati Iżlmiċi,

–  wara li kkunsidra s-Samit UE-Afrika li se jseħħ fl-Liżbona fit- 8 u d-9 ta' Diċembru 2007,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi nqatlu mill-inqas 80 persuna fil-ġlied reċenti bejn ir-ribelli ta' l-Unjoni tal-Qrati Iżlamiċi u t-truppi alleati ta' l-Etjopja u tal-Gvern Federali ta' Tranżizzjoni (TFG),

B.  waqt li jfakkar li s-Somalja ilu ma jkollha gvern li jiffunzjona sa mill-waqgħa tar-reġim ta' Siad Barre u minn dak iż-żmien is-sitwazzjoni politika hija waħda ta' anarkija, ikkaratterizzata bi ġlied bejn gruppi interni u brigantaġġ,

C.  billi l-Aġenzija tar-Refuġjati tan-NU tikkalkula li mill-inqas 100,000 ruħ kienu spustati minħabba l-ġlied reċenti bejn l-Unjoni tal-Qrati Iżlamiċi u t-truppi alleati ta' l-Etjopja u t-TFG; billi dan il-ġlied ikkawża t-telf ta' ħajjiet ta' bosta nies ċivili; billi s-sigurtà tal-bqija tal-popolazzjoni qiegħda tikkawża tħassib kbir,

D.  billi l-istat tas-sigurtà fil-belt kapitali tas-Somalja, Mogadishu, li sejjer mill-ħażin għall-agħar, żamm lill-NGOs nazzjonali u internazzjonali milli jlaħħqu mal-katastrofi umanitarja li qiegħda sseħħ kif ukoll milli jirreaġixxu għall-emerġenzi,

E.  billi skond l-Unità ta' l-Analiżi tas-Sikurezza ta' l-Ikel (FSAU) madwar 38,000 tifel u tifla taħt il-ħames snin fost il-popolazzjoni rurali huma stmati li huma nieqsa mill-ikel b'mod gravi u madwar 10,000 huma stmati li huma nieqsa mill-ikel b'mod serju u jinsabu fir-riskju tal-mewt jekk ma tingħatalhomx il-kura xierqa,

F.  billi kienu kkonfermati każijiet ta' kolera fir-reġjun; u għalhekk huwa kruċjali li jkun hemm miżuri urġenti biex jiġi provdut ilma tajjeb għax-xorb u faċilitajiet ta' sanità għall-IDPs biex jitrażżan it-tixrid tal-marda,

G.  billi skond l-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni ta' l-Affarijiet Umanitarji (OCHA) fis-Somalja - madwar 450,000 ruħ ġew spustati minħabba l-ġlied fl-2007, biex b'hekk it-total tal-persuni spustati fis-Somalja huwa ta' aktar minn 850,000, fosthom madwar 400,000 minn meta bdiet il-gwerra ċivili fis-snin 90,

H.  billi minn popolazzjoni ta' 10 miljun abitant, madwar 1.5 miljun Somali għandhom bżonn l-għajnuna internazzjonali,

I.   waqt li hu mħasseb bil-gwerra ċivili fis-Somalja li qiegħda tieħu fit-tul u bl-implikazzjonijiet tagħha għall-paċi u l-proċess ta' rikonċiljazzjoni f'dak il-pajjiż, kif ukoll bis-sigurtà u bl-istabilità tal-Qarn ta' l-Afrika kollu kemm hu,

J.  billi Ali Mohammed Gedi, il-Prim Ministru tas-Somalja, irriżenja wara ġlieda mal-President, Abdullahi Yusuf Ahmed; li ħarrxet l-intopp politiku fil-pajjiż,

K.  billi r-ribelli ta' l-Unjoni tal-Qrati Iżlamiċi bbojkotjaw laqgħa ta' rikonċiljazzjoni mnedija mill-gvern tranżizzjonali x-xahar li għadda; billi l-Prim Ministru ta' l-Etjopja, Meles Zenawi, qal li t-truppi ta' l-Etjopja jirtiraw meta membri ta' l-Unjoni Afrikani għaż-żamma tal-paċi jaslu f'Mogadishu,

L.  billi r-ribelli ta' l-Unjoni tal-Qrati Iżlamiċi jeskludu kull kuntatt politiku mal-gvern sakemm l-armata ta' l-Etjopja tibqa' fis-Somalja, billi t-tul ta' l-intervent ta' l-Etjopja qiegħed ikompli jikkomplika l-qagħda fir-reġjun, l-istess bħal ma qiegħed jagħmel l-appoġġ allegat ta' pajjiżi oħra għall-Unjoni tal-Qrati Iżlamiċi, jiġifieri l-Eritrea,

M.  billi dawk li wettqu l-biċċa kbira tal-qtil ta' ġurnalisti individwali fl-2007 għadhom mhux magħrufa u sa llum uffiċjali tal-gvern tas-Somalja baqgħu ma kkundannawx dan il-qtil, inqas u u inqas investigaw, arrestaw jew ipproċedew kontra xi ħadd b'rabta mal-qtil,

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-abbużi serji mil-liġijiet umanitarji internazzjonali u mil-liġijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-partijiet kollha fil-kunflitt tas-Somalja; jitlob biex ikun hemm waqfien tal-ġlied immedjat; jesiġi li l-fazzjonijiet kollha mdaħħla fil-ġlied jieqfu milli jagħmlu attakki bla distinzjoni fuq nies ċivili u jitlob biex ikun hemm bord indipendenti biex jinvestiga r-reati tal-gwerra u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

2.  Ifakkar li l-komunità internazzjonali u l-partijiet kollha fil-kunflitt attwali għandu r-responsabilità li jħarsu n-nies ċivili, li jippermettu li tingħata l-assistenza, u li jirrispettaw l-ispazju umanitarju u s-sikurezza tal-ħaddiema umanitarji; jesiġi, għalhekk, li mill-akktar fis jinħolqu l-kundizzjonijiet biex ikun hemm rispons adegwat għall-katastrofi umanitarja fis-Somalja;

3.  Iwissi li sakemm ma jittiħdux miżuri ibsin u f'waqthom mill-komunità internazzjonali bil-qagħda tistabilizza ruħha u titjieb bil-mod il-mod, hemm riskju ċar li l-kunflitt fis-Somalja jeskala għal gwerra reġjonali li teffettwa l-Qarn ta' l-Afrika kollu kemm hu;

4.  Jistieden lill-komunità internazzjonali biex iżżid u ssostni l-isforzi diplomatiċi biex tintemm il-vjolenza li għadha għaddejja u tipproponi li jitwaqqaf mekkaniżmu biex jiġi nnegozjat u mmonitorjat waqfien mill-ġlied immedjat;

5.  Jistieden lill-Gvern Federali ta' Tranżizzjoni (TFG) biex jikkomunika mal-partijiet ewlenin Somali interessati u jibda proċess konsultattiv li jwassal għall-ħatra ta' Prim Ministru ġdid; iħeġġeġ lill-partijiet Somali interessati kollha biex iġeddu l-isforzi tagħhom għal djalogu politiku u biex jibqgħu ffukati ħalli jinbeda l-proċess imfassal mill-Karta Federali ta' Tranżizzjoni; jenfasizza li djalogu u rikonċiljazzjoni li jirnexxu huma kruċjali sabiex ikun żgurat li jsiru elezzjonijiet liberi u ġusti fl-2009 biex jiġu stabbiliti paċi u stabilità dejjiema fis-Somalja;

6.  Jitlob il-waqfa ta' kull intervent militari barrani fis-Somalja;

7.  Jitlob tisħiħ ta' l-irwol tas-soċjetà ċivili - partikolarment tan-nisa - fil-proċess tar-rikonċiljazzjoni nazzjonali;

8.  Jilqa' l-isforzi ta' l-Unjoni Afrikana biex tgħaqqad forża għaż-żamma tal-paċi sabiex tgħin fil-proċess tar-rikonċiljazzjoni nazzjonali iżda jiddeplora l-fatt li s'issa ntbagħtu 1600 biss mit-8000 suldat li l-UA kienet ftiehmet li tibgħat; għaldaqstant jistieden lill-Unjoni Afrikana sabiex tħeġġeġ il-membri tagħha ħalli jżommu l-impenji li ħadu fil-kontribuzzjoni tal-forza għaż-żamma tal-paċi; f'dan ir-rigward jistieden lill-UE sabiex iżżid l-isforzi tagħha biex tipprovdi l-appoġġ politiku, finanzjarju u loġistiku neċessarju għat-tqassim tat-truppi taż-żamma tal-paċi ta' l-Unjoni Afrikana, kif ukoll biex tieħu l-passi kollha l-oħra li jwasslu għall-iffaċilitar tal-proċess ta' paċi;

9.  Jistieden lill-komunità internazzjonali sabiex issaħħaħ l-isforzi diplomatiċi tagħha lejn il-paċi u l-istabilità fis-Somalja u biex tevita perċezzjonijiet simpliċistiċi tad-theddid terroristiku fil-Qarn ta' l-Afrika, li ġieli ntużaw sabiex titwarrab l-attenzjoni mill-problemi interni u biex titwitta t-triq għall-intervent militari barrani;

10.  Itenni t-talba tiegħu lill-Grupp ta’ Kuntatt Internazzjonali għas-Somalja, li tikkonsisti fl-Unjoni Afrikana, in-Nazzjonijiet Uniti, l-Unjoni Ewropea, l-Istati Uniti, l-Iżvezja, in-Norveġja, l-Italja, it-Tanzanija u oħra, sabiex iħeġġeġ żviluppi politiċi pożittivi u parteċipazzjoni ma' dawk interessati li jinsabu fis-Somalja, bil-għan li tiġi appoġġjata l-implimentazzjoni tal-Karta Federali ta’ Tranżizzjoni u l-Istituzzjonijiet, biex tiġi stabbilita governanza effettiva i stabbli u biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet internazzjonali tal-komunità fir-rigward tat-terroriżmu;

11.  Jitlob lill-komunità internazzjonali, u b'mod partikolari lill-UE sabiex iżidu d-dispożizzjoni ta' l-għajnuna umanitarja għall-persuni internament spustjati u dawk fil-bżonn;

12.  Iħeġġeġ l-applikazzjoni stretta u mġedda u l-monitoraġġ ta' l-embargo fuq l-armi kontra s-Somalja, impost min-NU fl-1992, u li ftit li xejn jiġi rispettat; jitlob li dawk li jiksru l-embargo ta' l-armi fis-Somalja jibdew jitqiesu responsabbli;

13.  Jenfasizza b'mod partikolari l-bżonn urġenti li jiġu protetti l-ġurnalisti u jikkundanna t-tkasbir sistematiku tal-Gvern tas-Somalja fir-rigward tal-ġurnalisti, l-għeluq tal-positjiet tal-midja tiegħu u l-falliment tiegħu fir-rigward ta' l-investigazzjonijiet tal-qtil tal-ġurnalisti, li kollha kemm huma għamlu ħsara kbira lir-rappurtaġġ indipendenti fis-Somalja; jistieden lill-Gvern Tranżitorju tas-Somalja biex jinvestiga dawn l-attakki kif ukoll biex iwaqqaf it-tkasbir li qed jagħti hu stess lill-midja;

14.  Jistieden lis-Sammit UE-Afrika biex jagħti konsiderazzjoni urġenti lis-sitwazzjoni gravi li ddominat fis-Somalja;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Segretarji Ġenerali ta' l-Unjoni Afrikana, lin-NU u lill-IGAD, lill-President tal-Gvern Federali Tranżitorju tas-Somalja, lill-gvern ta' l-Etopja u lill-Parlament Pan-Afrikan.