MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
27.11.2007
- –José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Michael Gahler, Árpád Duka-Zólyomi, Ria Oomen-Ruijten, Karl von Wogau, Stefano Zappalà and Elmar Brok, f'isem il-Grupp PPE-DE
- –Jan Marinus Wiersma, Hannes Swoboda and Alexandra Dobolyi, f'isem il-Grupp PSE
- –Lydie Polfer, f'isem il-Grupp ALDE
- –Adam Bielan, Konrad Szymański, Inese Vaidere, Ģirts Valdis Kristovskis, Hanna Foltyn-Kubicka and Ryszard Czarnecki, f'isem il-Grupp UEN
- –Marie Anne Isler Béguin and Cem Özdemir, f'isem il-Grupp Verts/ALE
- –André Brie, f'isem il-Grupp GUE/NGL
- –UEN (B6‑0481/2007)
- –ALDE (B6‑0482/2007)
- –PPE-DE (B6‑0485/2007)
- –GUE/NGL (B6‑0487/2007)
- –PSE (B6‑0492/2007)
- –Verts/ALE (B6‑0493/2007)
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Georgia
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Ġeorġja, b'mod partikulari r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-26 ta' Frar 2004 b'rakkomandazzjoni lill-Kunsill dwar politika ta' l-UE dwar il-Kawkasu tan-Nofsinhar[1], u dawk ta' l-14 ta' Ottubru 2004 u tas-26 ta' Ottubru 2006[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2007 dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat (ENP)[3],
– wara li kkunsidra l-Ftehima ta’ Sħubija u Koperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1999,
– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat approvata mill-Kunsill tal-Koperazzjoni bejn l-UE u l-Ġeorġja fl-14 ta' Novembru 2006,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kumitat għall-Koperazzjoni Parlamentari UE-Ġeorġja fil-25-26 ta' Ġunju 2007,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta' Novembru 2007 mill-Presidenza f'isem l-Unjoni Ewropea dwar is-sitwazzjoni attwali fil-Ġeorġja,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi l-Unjoni Ewropea tibqa’ impenjata biex tiżviluppa u ssaħħaħ aktar ir-relazzjonijiet tagħha mal-Georgia u biex tappoġġja l-pajjiż bir-riformi politiċi u ekonomiċi meħtieġa, b’miżuri li jistabbilixxu istituzzjonijiet demokratiċi effiċjenti u solidi, u bi sforzi li jindirizzaw il-korruzzjoni, sabiex b’hekk jinħoloq Ġeorgja paċifiku u b’saħħtu ekonomikament u li jista’ jikkontribwixxi għal stabilità fir-reġjun u fil-bqija ta’ l-Ewropa,
B. filwaqt li jirrikonoxxi l-progress politiku, demokratiku u ekonomiku miksub mill-President u mill-Gvern attwali tal-Ġeorġja,
C. billi fit-2 ta' Novembru, il-forzi ta' l-oppożizzjoni ġabru l-ikbar folla sa mir-Rivoluzzjoni tal-Ward ta' l-2003, b'madwar 80,000 ruħ jinġabru fil-vjal ewlieni tal-belt kapitali u jitolbu għar-riżenja tal-president, għal elezzjonijiet parlamentari bikrija, għal tibdil fil-kodiċi elettorali u għall-ħelsien tal-persuni meqjusa bħala priġunieri politiċi,
D. billi sitt ijiem ta' rallies ta' l-oppożizzjoni żbroffaw fi vjolenza meta l-forzi tas-sigurtà użaw qawwa eċċessiva biex jisfrattaw id-dimostrazzjonijiet, billi użaw kanuni ta' l-ilma, balel tal-lasktu u gass tad-dmugħ, u ħallew madwar ħames mija minn dawk li kien qed jipprotestaw imweġġa', inkluż l-Ombudsman Ġeorġjan, Sozar Subari,
E. billi, nhar is-7 ta' Novembru 2007, il-President Saakashvili ddikjara stat ta' emerġenza għal 15-il jum fi Tbilisi, li fil-fatt tneħħa fis-16 ta' Novembru 2007, li skond l-uffiċjali tal-gvern kien meħtieġ biex il-qagħda terġa' lura għal stat immedjat ta' ordni pubblika,
F. billi, wara li l-President Saakashvili impona stat ta' emerġenza, il-Prim Ministru Zurab Nogaideli ddikjara li kien sar kolp ta' l-istat fil-pajjiż u li din il-miżura kienet saret bħala reazzjoni għall-aġir tal-president; billi l-President Saakashvili f'diskors fuq it-televixin tefa' r-responsabilità għal dak li ġara fi Tbilisi fuq l-għatba tas-Servizz ta' Sigurtà Federali tar-Russja (FSB), u allega li kellu tagħrif minn qabel li kien hemm pjan biex jitwaqqa' l-gvern tal-Ġeorġja sa tmiem is-sena, għalkemm ma tax provi għall-istqarrija tiegħu,
G. billi mis-7 ta' Novembru filgħaxija, żewġ stazzjonijiet televiżivi ta' l-oppożizzjoni, Imedi u Caucasia, twaqqfu milli jxandru; billi membri mgħammda u armati ta' l-aġenziji tas-sigurtà daħlu fil-bini ta' l-istazzjon televiżiv u tar-radju Imedi qabel ma tħabbar l-istat ta' l-emerġenza u bla avviż minn qabel, li wassal għall-qerda ta' sa 90% tat-tagħmir tax-xandir ta' l-istazzjon; billi l-qorti ta' Tbilisi ssospendiet il-liċenzja tax-xandir ta' Imedi u ffriżat l-assi tagħha bl-iskuża li r-rappurtaġġ tal-ġrajjiet tas-7 ta' Novembru wassal għal tixwix biex jitwaqqa' l-gvern; billi n-notifika tal-qorti ngħatat lid-direttur ta' Imedi mhux ħlief ġimgħa wara; billi l-Kummissjoni tal-Komunikazzjoni Nazzjonali tal-Ġeorġja (GNCC) issospendiet il-liċenzja ta' l-Imedi għax-xandir televiżiv għal tliet xhur, waqt li qalet li l-istazzjon kien kiser il-liġi tax-xandir;
H. billi b'mossa ta' konċiljazzjoni, fit-8 ta' Novembru l-President Saakashvili ppropona elezzjonijiet presidenzjali bikrija għall-5 ta' Jannar flimkien ma' referendum dwar id-data għall-elezzjonijiet parlamentari li ġejjin,
I. billi fit-13 ta' Novembru, sena qabel iż-żmien ippjanat, ir-Russja għaddiet il-bażi tagħha f'Batumi fir-Repubblika Awtonoma ta' Ajara lill-Ġeorġja, wara li f'Ġunju lestiet it-tneħħija tat-truppi tagħha minn Akhalkalaki, il-bażi l-oħra tagħha fil-Ġeorġja,
J. billi l-ekonomija Ġeorġjana għadha qiegħda ssirilha ħafna ħsara mill-projbizzjoni Russa fuq l-importazzjoni ta' l-inbid u l-prodotti agrikoli tal-Ġeorġja, li kull ma jmur tidher li hi motivata politikament,
K. billi l-qagħda kemm fl-Abkhazia u kemm fl-Ossetia tan-Nofsinhar qed iżżid mat-tensjoni fir-reġjun;
1. Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar l-iżviluppi riċenti li seħħew fil-Ġeorġja, fejn l-aħħar avvenimenti serji kienu l-attakk vjolenti tal-pulizija fuq dimostrazzjonijiet paċifiċi, l-għeluq tal-mezzi ta' informazzjoni indipendenti u d-dikjarazzjoni ta' stat ta' emerġenza għal 15-il jum;
2. Jistieden lill-awtoritajiet Ġeorġjani biex jirrispettaw il-prinċipju tal-libertà ta' espressjoni, inklużi l-libertà ta' għaqda u l-libertà tal-midja; ifakkar lill-Gvern dwar l-impenn tiegħu favur id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;
3. Jistieden lill-partijiet kollha biex juru onestà u trażżin, biex jikkontrollaw it-ton tad-dikjarazzjonijiet u biex jidħlu fi djalogu kostruttiv u produttiv bil-għan li jingħata appoġġ u jiġu konsolidati l-istituzzjonijiet demokratiċi fraġli tal-Ġeorġja;
4. Iħeġġeġ lill-Kunsill, lir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni u lill-mibgħut speċjali tiegħu għall-Kawkasu t'Isfel biex jagħmlu kull sforz sabiex iħaffu d-djalogu bejn il-partijiet, biex inaqqsu t-tensjoni u jagħtu kontribut biex jerġa' jkun hemm fiduċja reċiproka;
5. Jistieden lill-awtoritarjiet tal-Ġeorġja biex iwettqu investigazzjoni fil-fond, imparzjali u indipendenti dwar il-vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem u l-liberta tal-midja, speċjalment l-allegazzjonijiet ta' użu eċċessiv ta' forza minn uffiċjali ta' l-infurzar tal-liġi, sabiex jiġu identifikati dawk kollha responsabbli, jitressqu l-qorti u jiġu applikat s-sanzjonijiet penali u/jew amministrattivi skond il-liġi;
6. Jisħaq ma' l-awtoritajiet fuq it-tħassib li qed jinħass mill-komunità internazzjonali dwar l-avvenimenti li seħħew dan l-aħħar fil-Ġeorġja, li jmorru kontra l-valuri Ewroatlantiċi; ifakkar lill-Ġeorġja li d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt huma prerekwiżiti għall-integrazzjoni Ewroatalantika;
7. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri ta' l-UE, lill-OSCE, lill-Kunsill ta' l-Ewropa, lin-NATO u lill-Istati Uniti biex isiru aktar attivi fl-enfasi tagħhom ta' l-inġustizzji u n-nuqqasijiet politiċi fil-Ġeorġja u fil-madwar, inkluża l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni ta' l-ENP; josserva li ħafna allegazzjonijiet ta' ksur ta' proċeduri demokratiċi u ta' drittijiet tal-bniedem fil-Ġeorġja ma ġewx investigati tul dawn l-aħħar ftit snin; għalhekk huwa tal-fehma li dibattitu internazzjonali aktar miftuħ jista' jsaħħaħ id-diskors pluralistiku pubbliku u l-iżvilupp demokratiku fil-Ġeorġja;
8. Jinnota d-deċiżjoni li jsiru elezzjonijiet presidenzjali bikrin u jitlob lill-Gvern sabiex jiżgura li l-kandidati kollha jkollhom aċċess ugwali u imparzjali għall-midja waqt il-kampanja elettorali;
9. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Ġeorġja biex jiżguraw elezzjonijiet ħielsa u ġusti b'konformita sħiħa ma' standards internazzjonali; jistieden lill-Gvern biex jirrispetta d-diviżjoni tal-poteri fis-sistema politika tal-Ġeorġja, biex jibqa' lura milli juża 'riżorsi amministrattivi' waqt il-kampanja elettorali u biex jiggarantixxi l-liberta ta' l-espressjoni lill-kandidati kollha; jilqa' l-prontezza ta' l-awtoritajiet tal-Ġeorġja biex jippermettu lil osservaturi internazzjonali jimmoniterjaw l-elezzjonijiet;
10. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Ġeorġja biex jiżguraw li l-midja kollha topera b'mod oġġettiv u b'konformità ma' standards internazzjonali tal-ġurnaliżmu, u li l-partiti u l-kandidati kollha jkollhom aċċess ġust u bbilanċjat għall-midja pubbliċi u privati; jitlob lill-awtoritajiet tal-Ġeorġja, b'mod partikulari, biex iħallu lill-kumpanija tat-televiżjoni u tar-radju Imedi tkompli xxandar mingħajr dewmien u biex jiżguraw li din il-kumpanija tingħata rimbors u tiġi kumpensata għall-ħsara li saret fil-fergħat tagħha u għall-qerda tat-tagħmir tagħha;
11. Jilqa' b'sodisfazzjon l-emendi lill-kodiċi elettorali adottati mill-Parlament tal-Ġeorġja li jippermettu li l-partiti ta' l-oppożizzjoni jaħtru sitt rappreżentanti fuq il-Kummissjoni Elettorali Ċentrali u fuq kull waħda mill-kummissjonijiet elettorali lokali u biex jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq il-monitoraġġ ta' l-elezzjonijiet minn osservaturi internazzjonali;
12. Jistieden lill-forzi politiċi kollha fil-Ġeorġja biex jikkolaboraw fl-abbozzar ta' liġi biex tiġi regolata l-attivita awdjo-viżiva sabiex bl-għajnuna ta' esperti Ewropej jiġi żgurat li r-regolamenti eżistenti li jiggarantixxu l-liberta ta' l-espressjoni u dibattitu pubbliku ġust jiġu mtejba u armonizzati aktar ma' prinċipji Ewropej;
13. Iħeġġeġ lill-forzi politiċi tal-Ġeorġja, flimkien mas-soċjeta ċivili, biex jimpenjaw ruħhom f'dibattitu dwar is-separazzjoni tal-poteri fis-sistema politika li tista' twassal għal skrutinju aktar effiċjenti ta' l-azzjonijiet ta' l-eżekuttiv u l-pluralizzazzjoni tad-dibattitu pubbliku dwar bosta kwistjonijiet kruċjali, li jibdew mill-implikazzjonijiet soċjali tar-riforma ekonomika u l-'fattur Russu' fil-politika domestika tal-Ġeorġja u jkomplu sa approċċi differenti lejn kunflitti ffriżati;
17. Jitlob lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-kk.
- [1] ĠU C 098 E, 23.4.2004, p. 193.
- [2] Testi adottati: P6_TA(2006)0456.
- [3] Testi adottati: P6_TA-PROV(2007)0538.