MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
11.12.2007
- –Hartmut Nassauer u Joseph Daul, f'isem il-Grupp PPE-DE
- –Hannes Swoboda u Martin Schulz, f'isem il-Grupp PSE
- –Diana Wallis, Andrew Duff u Graham Watson, f'isem il-Grupp ALDE
- –Brian Crowley u Cristiana Muscardini, f'isem il-Grupp UEN
- –PPE-DE (B6‑0500/2007)
- –PSE (B6‑0502/2007)
- –ALDE (B6‑0504/2007)
- –UEN (B6‑0506/2007)
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Programm Leġiżlattiv u ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2008
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Programm Leġiżlattiv u ta’ Ħidma tagħha għall-2008 (COM(2007)0640),
– wara li kkunsidra l-kontribuzzjonijiet li ngħataw mill-kumitati tal-Parlament, li tressqu lill-Kummissjoni mill-Konferenza tal-Presidenti,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi l-programm leġiżlattiv u ta' ħidma annwali huwa għodda importanti li jippermetti lill-Unjoni Ewropea li tiffoka fuq il-ksib ta' l-objettivi strateġiċi prinċipali li jiġu promossi l-prosperità, is-solidarjetà, is-sigurtà, il-libertà u Ewropa iktar b'saħħitha fid-dinja; billi l-Kummissjoni se tkun iġġudikata fuq ir-riżultati li tkun kisbet f'dawn l-oqsma;
B. billi fl-2008 se jkun kruċjali li t-Trattat ta' Riforma jiġi rratifikat sabiex ikun jista' jidħol fis-seħħ qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
C. billi l-prijoritajiet politiċi għandhom jiġu mqabbla mar-riżorsi finanzjarji disponibbli,
Rimarki ġenerali
1. Jilqa' b'sodisfazzjon l-istruttura ffukata il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2008 u l-isforz tal-Kummissjoni biex tkompli ttejjeb il-kontenut politiku tal-programm annwali; jitlob, f'dan ir-rigward, l-inklużjoni futura ta' skeda indikattiva għall-inizjattivi tal-Kummissjoni;
2. Jappoġġja l-importanza kruċjali mogħtija fil-programm annwali ta' l-2008 għat-tkabbir u l-impjiegi, l-iżvilupp sostenibbli, il-bidla tal-klima, l-enerġija, il-migrazzjoni u l-enfasi fuq regolamentazzjoni aħjar, implimentazzjoni korretta u fuq t-tisħiħ ta' l-irwol ta' l-Ewropa bħala msieħba dinjija; jitlob lill-Kummissjoni, madankollu, biex tkun iktar ambizzjuża fl-inizjattivi tagħha bil-għan li tiżgura d-drittijiet fundamentali, il-libertà, il-ġustizzja u l-inklużjoni soċjali;
3. Jenfasizza għal darb'oħra l-importanza ta' l-implimentazzjoni vigoruża ta' l-Istrateġija ta' Liżbona, filwaqt li jenfasizza l-interdipendenza tal-progress ekonomiku, soċjali u ambjentali fil-ħolqien ta' ekonomija dinamika u innovattiva; għalhekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħti sehemha fi Programm Komunitarju ta' Liżbona għall-2008-2010 li jkun bilanċjat u mfassal biex jinkisbu r-riżultati;
4. Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni fl-appoġġ tar-ratifika tat-Trattat ta' Riforma; jemmen li l-objettivi u r-riformi mħaddna f'dan it-trattat huma essenzjali għat-tħaddim sod u għall-iżvilupp futur ta' l-Unjoni u se jagħmel l-UE aktar demokratika u se jġibha eqreb għaċ-ċittadin;
5. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, flimkien mal-Parlament Ewropew u l-Parlamenti ta' l-Istati Membri, fid-dawl ta' l-istrumenti l-ġodda offruti permezz tat-Trattat ta' Riforma pereżempju lil Parlamenti Nazzjonali, biex jaħdmu fuq kultura ġdida ta' sussidjarjetà;
Tkabbir u impjiegi
6. Itenni t-talba tiegħu għal aġenda Ewropea li fiha jkun hemm appoġġ reċiproku veru bejn il-prosperità u s-solidarjetà;
7. Jitlob lill-Kummissjoni, wara r-reviżjoni tagħha tas-suq uniku, biex iżżid l-isforzi tagħha biex testendi u tapprofondixxi s-suq intern bħala suq b'saħħtu, innovattiv u kompetittiv; jinsisti li s-suq wieħed għandu jiġi żviluppat permezz tal-kompetizzjoni ġusta, permezz tal-koeżjoni soċjali u permezz ta' livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur;
8. Jistieden lill-Kummissjoni biex tpoġġi enfasi partikulari fuq l-implimentazzjoni fil-ħin u koerenti tad-Direttiva dwar is-Servizzi, u b'mod partikulari biex timplimenta Punti ta' Kuntatt Wieħed effettivi għall-promozzjoni ta' l-aċċess għas-Suq Wieħed; iħeġġeġ titjib fl-effettività tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku;
9. Jisħaq fuq l-importanza, għal ħarsien aħjar tal-konsumatur, li tittejjeb is-sorveljanza tas-suq, b'mod partikulari sabiex tiġi stabbilita kredibilità qawwija għat-tikketta KE u li tiġi ffaċċjata l-problema ta' l-iffalsifikar; jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni biex tibqa' tiggarantixxi d-drittijiet tal-konsumatur għas-sikurezza tal-prodotti, filwaqt li tagħmel enfasi partikulari fuq is-sikurezza tal-ġugarelli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiċċara żoni leġiżlattivi griżi, f'oqsma bħall-bejgħ bl-irkant fl-internet; jenfasizza l-bżonn li jiġi revedut l-acquis tal-konsumatur biex iwassal għal qafas legali iktar koerenti; Jappoġġja approċċ koordinat mill-Kummissjoni fix-xogħol kontinwu tagħha dwar qafas komuni ta' referenza għal liġi Ewropea tal-kuntratti;
10. Jirrakkomanda li b'koperazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri, il-komunità kummerċjali u l-konsumaturi, issir eżaminazzjoni bir-reqqa il-modi possibbli biex tissaħħaħ ir-riżoluzzjoni immedjata, effiċjenti u ġusta bejn in-negozji u l-konsumaturi minħabba li l-aċċess iżjed sempliċi għall-qrati huwa vitali għall-protezzjoni tal-konsumatur f'ambjent globalizzat; jenfasizza, madankollu, li dan il-proċess m'għandux iwassal għall-ħolqien ta' barrieri ġodda għall-moviment ħieles fis-suq intern.
11. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex ma tissagrifikax id-dimensjoni soċjali ta' l-Istrateġija ta' Liżbona billi tqis li dan hu nuqqas għall-kompetittività, imma jitlob mill-Kummissjoni biex tirrispetta l-bilanċ bejn il-pilastri differenti ta' l-Istrateġija ta' Liżbona; jemmen li investiment kif jixraq fl-għarfien joħloq ekonomija aktar prospera li tkun tista’ tiġġieled problemi bħall-faqar, l-esklużjoni soċjali, il-qgħad u li tkun tista’ tiżgura protezzjoni aħjar għall-ħaddiema;
12. Jistieden lill-Kummissjoni, fil-qafas tal-Bilanċ tar-Realtà Soċjali, biex tidentifika inizjattivi għal governanza ekonomika u soċjali; jilqa' b'sodisfazzjon ir-reviżjoni imminenti li kienet proposta tad-Direttiva dwar il-Kumitat ta' l-Intrapriżi Ewropej li għandha twassal għal kjarifika dwar l-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni, iżda jitlob bil-qawwa lill-Kummissjoni biex tikkonsulta lis-Sħab Soċjali Ewropej bil-quddiem; jitlob għal miżuri biex jiġi promoss bilanċ aħjar bejn il-ħajja professjonali u dik tal-familja u biex jiġu promossi s-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema kollha;
13. Jitlob biex jiżdiedu l-isforzi biex titmexxa 'l quddiem id-Direttiva dwar il-Ħaddiema Temporanji, u jitlob li jkun hemm reviżjoni effettiva tad-Direttiva dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol fid-dawl tad-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar il-ħin 'on-call', biex jiġu mħarsa l-ħtiġijiet tal-ħaddiema fil-waqt li tiġi preservata l-flessibilità;
14. Jilqa' bis-sħiħ it-tħabbira tal-Kummissjoni ta' proposta leġiżlattiva dwar il-Kumpanija Privata Ewropea u jitlob li din il-proposta tiġi ppreżentata fil-bidu ta' l-2008 sabiex jiġu appoġġjati l-SMEs; jiddispjaċih li l-Kummissjoni mhux bi ħsieba tipproċedi bil-proposta leġiżlattiva rigward l-Erbatax-il Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji (it-trasferiment ta' uffiċċji rreġistrati), filwaqt li jenfasizza li din id-direttiva li ilha mistennija għal żmien twil timla l-vojt li hemm fis-suq intern għall-kumpaniji;
15. Jenfasizza l-bżonn ta' livell adegwat ta' ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u jappoġġja l-inizjattiva lejn sistema ta' privattivi bi prezz li jista' jintlaħaq, sigura u effiċjenti li tagħti inċentivi għal sforzi ta' investiment u riċerka; iħeġġeġ lit-tliet istituzzjonijiet biex jaħdmu flimkien lejn kunsens politiku dwar titjib reali tas-sistema ta' privattivi; ifakkar li l-iffalsifikar tal-prodotti, pereżempju tad-drogi, huwa problema ewlenija u urġenti li tikkonċerna l-Ewropa;
16. Jiddispjaċih li l-Kummissjoni m'għandhiex ħsieb li tipproponi inizjattiva fir-rigward tal-ħolqien ta' Bażi Komuni u Konsolidata għat-Taxxa, li tikkompleta l-kisbiet ta' suq intern b'kompetizzjoni ġusta billi twassal għal aktar trasparenza peress li l-kumpaniji jkunu jistgħu jaħdmu barra minn pajjiżhom skond l-istess regoli ta' pajjiżhom, u billi jiżdiedu l-kummerċ transkonfinali u l-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-investiment; fl-istess ħin jinsisti dwar ir-responsabilità ta' l-Istati Membri għall-iffissar tar-rati tat-taxxa fuq il-kumpaniji;
17. Jistaqsi lill-Kummissjoni biex tressaq proposti li jistgħu jtejbu b'mod effettiv is-sorveljanza prudenti Ewropea, inkluża dik tal-fondi ta' lqugħ u dik ta' l-aġenziji li jikklasifikaw id-debituri; ifakkar fil-konsegwenzi kunsiderevoli tas-'sub-prime mortgage crisis' fl-Istati Uniti għas-swieq finanzjarji Ewropej; jistenna li l-Kummissjoni tagħmel analiżi bir-reqqa ta' l-oriġini u l-konsegwenzi ta' din il-kriżi, inkluż evalwazzjoni tar-riskju għas-swieq Ewropej; jitlob evalwazzjoni tas-sistemi u l-istrumenti kurrenti tas-superviżjoni prudenti fl-Ewropa, u jinsisti fuq konsultazzjoni mill-qrib mal-Parlament, li twassal għal rakkomandazzjonijiet ċari dwar kif jistgħu jittejbu l-istabiltà tas-sistema finanzjarja u l-abiltà tagħha li tipprovdi finanzi sikuri għall-futur imbiegħed għan-negozju Ewropew;
18. Iqis ir-reviżjoni tal-'pakkett ta' telekomunikazzjoni' bħala prijorità kruċjali fis-sena li ġejja;
19. Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni għall-ħolqien ta' suq intern liberalizzat u integrat fl-enerġija; iqis ukoll li huwa importanti li ssir distinzjoni bejn l-evoluzzjoni tas-suq ta’ l-enerġija elettrika u tas-suq tal-gass.
Ewropa Sostenibbli
20. Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposti ambizzjużi tal-Kummissjoni dwar il-bidla fil-klima, u jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni biex twettaqhom kollha; jitlob lill-Kummissjoni biex issaħħaħ is-sinerġiji bejn l-iżvilupp ta' l-impjiegi u l-iżvilupp industrijali minn naħa waħda u l-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji nodfa min-naħa l-oħra, billi l-komplementarjetajiet huma b'saħħithom u sors potenzjali ta' kompetittività akbar;
21. Jistieden li jkun hemm qafas leġiżlattiv komprensiv u globali għall-promozzjoni u l-użu ta' l-enerġija rinovabbli fl-Unjoni Ewropea, inklużi miri li jorbtu, li jagħti lill-komunità tan-negozju l-istabilità għaż-żmien twil li għandha bżonn sabiex tagħmel deċiżjonijiet razzjonali ta' investiment fis-settur ta' l-enerġija renovabbli sabiex tmexxi lill-Unjoni Ewropea lejn futur enerġetiku iktar nadif, iktar sikur u iktar kompetittiv;
22. Jinnota li l-azzjonijiet tal-Kummissjoni elenkati fil-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Effiċjenza Enerġetika u fil-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Bijomassa m'humiex inklużi fil-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2008 u jinnota d-dewmien kbir biex jiġu implimentati l-azzjonijiet imwiegħda; jistieden lill-Kummissjoni biex tqis iż-żewġ pjanijiet ta' azzjoni, biex b'hekk l-UE tkun tista' tilħaq l-objettivi dwar is-sorsi ta' eneġija li jiġġeddu u l-effiċjenza enerġetika; jenfasizza l-kontribuzzjoni importanti li tista' ssir permezz tal-bijofjuwils sostenibbli f'dan ir-rigward;
23. Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni biex issib qbil politiku dwar il-'qsim tar-responsabilità' meħtieġ biex jinkiseb tnaqqis ta' 20% fil-gassijiet b'effett ta' serra sa l-2020 meta mqabbla ma' l-1990; iħeġġeġ bil-qawwa li jkun hemm sforzi msaħħa mill-UE u mill-Istati Membri u r-reġjunu tagħha biex jappoġġjaw sorsi ta' l-enerġija ħielsa mid-CO2;
24. Jilqa' b'sodisfazzjon il-pjan tal-Kummissjoni li tippubblika 'Pakkett ta' Trasport Favur l-Ambjent', filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu li għandha tiġi żgurata mobilità sostenibbli madwar l-UE b'konformità mal-ġlieda kontra l-bidla fil-klima;
25. Jappoġġja ż-żewġ inizjattivi prijoritarji dwar it-trasport marittimu u t-trasport bl-ajru; ifakkar li s-simplifikazzjoni amministrattiva għat-tbaħħir fuq distanzi qosra hija fattur preambolu essenzjali għall-iżvilupp reali ta' dan il-mezz ta' trasport li jirrappreżenta rabta fundamentali fl-istabbiliment ta' sistema ta' netwerk integrata, koerenti u sostenibbli; jinsab kuntent bid-diversi proposti li għandhom l-għan li jippromwovu effettività ikbar fl-immaniġġjar tat-trasport ta' l-arja, li għandha twassal għal tnaqqis sinifikanti fl-ispejjeż, fid-dewmien u fl-emissjonijiet tal-gass ta' l-effett serra;
26. Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattivi tal-Kummissjoni fil-qasam tas-saħħa pubblika, b'mod partikulari l-proposta leġiżlattiva prevista dwar il-kwalità u s-sikurezza tad-donazzjoni u t-trapjant ta' l-organi, kif ukoll ir-rakkomandazzjoni proposta tal-Kunsill dwar l-infezzjonijiet marbuta mal-kura tas-saħħa inkluża fil-'Pakkett għas-Saħħa', bil-għan li jiġu żgurati l-ogħla livelli possibbli ta' sikurezza tal-pazjenti u ta' kwalità tal-kura; jitlob lill-Kummissjoni biex tikkontribwixxi għar-rinfurzar tas-sikurezza tal-pazjent, l-informazzjoni tal-pazjent, id-drittijiet tal-pazjenti u s-salvagwardja tal-pazjent, u biex tindirizza l-fatturi determinanti ta’ mard rari;
27. Jistieden lill-Kummissjoni biex tintensifika l-isforzi tagħha biex tinħadem politika koerenti fir-rigward ta' emerġenzi fis-settur tas-saħħa, persuni b'diżabilitajiet jew b'mard kroniku u informazzjoni għall-pazjenti; jitlob lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni partikulari lill-kwistjoni ta' preparazzjoni pandemika;
28. Jilqa' b'sodisfazzjon il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-'Verifika tas-Saħħa' tal-CAP, speċjalment fid-dawl ta' l-importanza li s-settur agrikolu jkun kompetittiv u sostenibbli u l-ħtieġa li z-zoni rurali jibqgħu ħajjin u li jiġi żgurat l-aċċess tal-konsumatur għall-provvista ta' l-ikel, iżda jenfasizza li n-natura preċiża tagħhom m'għandhiex tiġi definiti qabel ma l-Parlament, il-Kummissjoni u l-Kunsill ikunu kkonkludew dibattitu bir-reqqa dwar il-Komunikazzjoni inizjali tal-Kummissjoni dwar il-'Verifika tas-Saħħa';
29. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi proposti speċifiċi dwar l-implikazzjonijiet u r-regoli dettaljati tal-mudell ta' l-MSY (l-Akbar Qabda Sostenibbli), biex tipproponi proposti leġiżlattivi konkreti dwar l-iskema ta' eko-tikkettjar u biex tressaq, kemm jista' jkun malajr, proposta għas-simplifikazzjoni ta' l-Artikolu 850/98 dwar miżuri tekniċi fis-settur tas-sajd u lejn tfassil mill-ġdid u ta' tisħiħ tal-qafas ta' kontroll tal-Politika Komuni għas-Sajd;
30. Jappoġġja bil-qawwa l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tippreżanta Green Paper dwar il-koeżjoni territorjali Ewropea, kif mitlub mill-Parlament Ewropew; jemmen li l-kunċett ta' koeżjoni territorjali, li ġie approvata reċentement bit-Trattat ta' Liżbona, se jkun ċentrali għall-iżvilupp ta' din il-politika Komunitarja;
31. Jenfasizza l-bżonn għal Strateġija ta' l-UE għal-Baħar Baltiku u jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta Strateġija ta' l-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku matul l-2008;
Approċċ integrat għall-immigrazzjoni
32. Huwa tal-fehma li politika komuni dwar il-migrazzjoni, il-viżi u l-kenn, u kif ukoll l-integrazzjoni effettiva ekonomika, soċjali u politika ta' l-immigranti fuq il-bażi ta' prinċipji komuni għandhom l-istess għanijiet u jirrappreżentaw sfidi importanti, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ, b'mod partikulari fir-rigward ta' l-integrazzjoni, il-qsim tar-responsabilitajiet bejn l-Istati Membri u l-UE;
33. Jistieden lill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-miżuri li jittrattaw it-traffikar tal-bnedmin u l-immigrazzjoni illegali, u b'mod partikulari biex teżamina l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni f'dan il-qasam għall-2005 tal-Kunsill; jistenna mill-Kummissjoni, l-evalwazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva dwar il-moviment ħieles mistennija fl-2008 u jitlob iktar miżuri biex tiġi żgurata l-applikazzjoni sħiħa ta' dan id-dritt fl-UE;
34. Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn imġedded tal-Kummissjoni għal politika komuni dwar il-migrazzjoni, għal għodda komuni għall-ħarsien tal-fruntieri esterni, u għal Politika Komuni dwar il-Kenn; jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli ttejjeb il-politiki ta' l-edukazzjoni u ta' l-integrazzjoni sabiex jinħoloq qafas ċar u sikur għall-immigranti ekonomiċi, b'mod partikulari għall-ħaddiema b'ħiliet, li jiċċara l-obbligi u d-drittijiet tagħhom;
35. Iqis li mill-1 ta' Jannar 2009, it-Trattat il-ġdid se jimmodifika sostanzjalment il-qafas istituzzjonali dwar iż-Żona ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja u jfakkar li s-sena 2008 se tkun importanti ħafna għall-implimentazzjoni ta' l-aquis ta' Schengen u għall-espansjoni tiegħu għall-Istati Membri ġodda ta' l-UE; jenfasizza li għandhom jittieħdu miżuri rigorużi biex jiġi żgurat it-tħaddim mingħajr intoppi tas-sistema u l-integrità tal-fruntieri esterni ta' l-UE; jistieden lill-Kummissjoni biex tinvolvi bil-qawwi lill-PE u lill-parlamenti nazzjonali fl-iżvilupp ta' dawn id-dipożizzjonijiet;
36. Jinnota li l-Programm ta' Ħidma ma jsemmiex is-sistema PNR futura ta' l-UE u jitlob koperazzjoni operazzjonali ikbar fuq livell Ewropew fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u, fejn xieraq, għal żieda fl-involviment tal-PE; jisħaq li strumenti effettivi u li jistgħu jiġu nfurzati għall-protezzjoni tad-data m'għandhomx jidhru bħala ostakli fil-ġlieda kontra t-terroriżmu jew kontra kwalunkwe tip ta' fondamentaliżmu iżda bħala mekkaniżmi indispensabbli li jtejbu l-fiduċja fl-iskambju ta' informazzjoni bejn l-aġenziji li jinforzaw il-liġi;
Iċ-ċittadin l-ewwel
37. Iqis li l-Kummissjoni għandha tkompli tiffoka l-attenzjoni taċ-ċittadini fuq l-importanza tad-diversità kulturali u għaldaqstant fuq l-importanza tad-djalogu bejn il-kulturi f’Unjoni li kibret; iqis li d-djalogu interkulturali għandu jissaħħaħ barra l-fruntieri ta' l-Ewropa u jsir pont li jkun jista’ jiffavorixxi l-fehim reċiproku u għaldaqstant jgħin fil-prevenzjoni jew fir-riżoluzzjoni ta’ kunflitti soċjali u umani;
38. Jinnota li l-prijoritajiet tal-Kummissjoni għall-2008 jenfasizzaw il-kontribut potenzjali tat-tagħlim matul il-ħajja (LLL) biex jiżdiedu r-rati ta' impjieg u biex tiġi żviluppata soċjetà bbażata fuq l-għerf skond l-objettivi ta' Liżbona; jiddispjaċih li dan ma jidhirx fi proposta konkreta waħda; iqis li l-minorenni għandhom ikunu mħarsa mill-kontenut speċjali ta’ xi programmi meta jużaw l-internet u t-teknoloġiji ġodda permezz ta' sistemi ta' filtrazzjoni speċifiċi u xierqa;
39. Jissuġġerixxi l-ħolqien ta' forza Ewropea li tkun tista' tirreaġixxi minnufih fil-każ ta' emerġenzi, kif propost fir-rapport Barnier; jitlob lill-Kummissjoni biex tifformula proposta konkreta għal dan il-għan;
40. Jenfasizza l-bżonn li jissaħħu d-drittijiet tal-passiġġieri, b'mod partikulari l-passiġġieri ta' karozzi tal-linja f'distanza twila;
41. Jistenna b'ħerqa l-proposta tal-Kummissjoni biex tressaq direttiva sinifikanti li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali barra mill-impjieg, biex b'hekk jitlesta l-qafas legali ta' nondiskriminazzjoni filwaqt li jiġi enfasizzat li l-kompetenzi ta' l-Istati Membri f'dan il-qasam għandhom jiġu rispettati;
L-Ewropa bħala msieħba dinjija
42. Jikkunsidra li l-irwol ta' l-UE fil-promozzjoni tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-governanza tajba għandu jitqies bħala parti integrali tal-politiki u l-programmi kollha ta' l-UE;
43. Jilqa' l-fatt li l-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni jenfasizza l-bżonn li jitkompla l-proċess ta' tkabbir u jqis lill-Balkani Tal-Punent bħala zona ta' prijorità;
44. Jinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tagħti attenzjoni partikolari lill-ġejjieni tal-Kosovo u jistenna li l-Kummissjoni tippreżenta iktar evalwazzjonijiet u proposti dwar l-għajnuna ta' l-UE lill-Kosovo ma' l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni;
45. Iqis li s-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed tikkostitwixxi l-ewwel pass importanti fl-elaborazzjoni ta' strateġija komprensiva fir-rigward tar-reġjun u jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżviluppa ulterjorment proposti speċifiċi, inkluż pjan ta' azzjoni b'objettivi u standards speċifiċi, biex tittejjeb il-koperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed;
46. Jikkunsidra li r-rabta transatlantika hija fondamentali kemm għall-promozzjoni tal-valuri komuni u kif ukoll għall-ħarsien ta' l-interessi komuni;
47. Fir-rigward tal-Lvant Nofsani, huwa tal-fehma li - minbarra li tipprovdi fondi għas-sopravivenza ekonomika u għar-rikostruzzjoni, speċjalment fil-Libanu u fil-Palestina - l-UE għandha tkompli tiżviluppa l-inizjattivi politiki sabiex iżżid ulterjorment l-irwol diplomatiku tagħha fir-reġjun;
48. Jemmen li għandhom jittieħdu passi ulterjuri lejn politika komuni esterna dwar l-enerġija sabiex jiġi żgurat aċċess għal enerġija sostenibbli, sigura u kompetittiva għall-Istati Membri kollha u jitlob lill-Kummissjoni biex tagħżel approċċ ċar u kostruttiv fid-djalogu mar-Russja;
49. Jitlob lill-Kummissjoni biex issaħħaħ is-sħubija strateġika bireġjonali bejn l-Unjoni Ewropea, l-Amerika Latina u l-Karibew u jilqa' l-inklużjoni ta' l-istrateġija bejn l-UE u l-Afrika bħala prijorità għall-Kummissjoni filwaqt li jenfasizza l-bżonn għall-involviment tal-parlamenti u tas-soċjetà ċivili;
50. Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' koerenza politika dwar il-politika ta' l-UE dwar l-iżvilupp; jenfasizza jeħtieġ li l-kwistjonijiet relatati ma' l-iżvilupp jittieħed kont tagħhom fil-qafas ta' politiki oħra Ewropej; Jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li jiġu eżaminati toroq ġodda biex jiġu implimentati l-Objettivi tal-Millennju għall-Iżvilupp; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-politiki tagħha għall-iżvilupp ikollhom impatt pożittiv fuq il-bini tal-paċi;
51. Jenfasizza l-bżonn għal konklużjoni b'suċċess tar-Round ta' DOHA; jenfasizza li l-UE għandha bżonn ukoll li ssaħħaħ l-impenn tagħha ma' l-ekonomiji emerġenti prinċipali, partikolarment fl-Asja, permezz ta' ftehimiet kummerċjali bilaterali jew reġjonali, meqjusa bħala għodda kumplimentari għall-approċċ multilaterali, filwaqt li jitlob li jiġu inklużi dispożizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni ta' l-istandards prinċipali tax-xogħol; iqis li strateġija ġdida komprensiva ir-rigward taċ-Ċina hija importanti bl-istess mod; huwa ta' l-opinjoni li l-kummerċ ħandu jkun ħieles u ġust; jitlob lill-Kummissjoni biex tiġi provduta protezzjoni mtejba tad-Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali (IPRs) u biex tagħmel mill-aħjar li tista' fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar;
Kwistjonijiet Orizzontali
52. Jilqa' għalhekk id-determinazzjoni tal-Kummissjoni biex jintlaqħaq l-għan ta' tnaqqis ta' 25% tal-piżijiet amministrattivi fuq in-negozji li joriġinaw fuq il-livell ta' l-UE u ta' l-Istati Membri sa l-1012; iqis dan bħala prijorità kruċjali, partikolarment għall-iSMEs, għax-xhur li ġejjin u bħala kontribuzzjoni essenzjali biex jintlaħqu l-miri ta' Liżbona; jenfasizza li l-proposti leġiżlattivi se jiġu eżaminati f'dan il-kuntest; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippreżenta rendikont dettaljat dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni tagħha li jkun fih informazzjoni ċara u konċiża dwar il-miri li ntlaħqu, l-indikaturi żviluppati, ir-riżultati ta' kejl ta' bażi u proposti konkreti għal żoni sussegwenti li jkunu l-iktar xierqa għal iktar tnaqqis rapidu, sostenibbli u tanġibbli ta' l-ispejjeż ammiinistrattivi;
53. Jappoġġja lill-Kummissjoni fl-isforzi kontinwi taħha biex ittejjeb il-kwalità tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE; jenfasizza l-bżonn li jitħaffu s-simplifikazzjoni u l-konsolidazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE u li jsir sforz ikbar biex ikun hemm regolamentazzjoni aħjar, it-traspożizzjoni immedjata u l-implimentazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE fir-rispett sħiħ tal-prerogattivi tal-PE; jitlob li jkun hemm mekkaniżmu iktar qawwi ta' sorveljanza u infurzar għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea fl-Istati Membri;
54. Jenfasizza li l-prinċipju ta' sussidjarjetà kif imħaddan fit-Trattat KE jiddikjara b'mod ċar li fl-oqsma li ma jaqgħux fi ħdan il-Kompetenza esklussiva tagħha, il-Komunità tista' taġixxi biss sakemm l-objettivi ta' l-azzjoni proposta ma jkunux jistgħu jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri; jenfasizza li n-nuqqas ta' azzjoni mill-Istati membri minnu nnifsu ma joħloqx kompetenza ta' l-UE;
55. Jinsisti dwar evalwazzjonijiet indipendenti tal-konsegwenzi ta' leġiżlazzjoni; iqis li għandhom jitwettqu b'mod sistematiku fil-kuntest tal-proċess leġiżlattiv u anki fil-proċess ta' l-issimplifikar tal-leġiżlazzjoni;
56. Jinnota li l-fajls li hemm fil-lista tal-Kummissjoni ta' proposti pendenti li għandhom jiġu irtirati m'għadhiex tgħodd;
57. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jagħtu lill-Parlament iż-żmien meħtieġ sabiex joħroġ l-opinjoni tiegħu fir-rigward ta' tkabbir futur taz-zona Euro;
58. Jinsisti dwar l-implimentazzjoni tajba tal-proċedura ġdida ta' komitoloġija u s-salvagwardja tad-drittijiet tal-Parlament f'dan ir-rigward; jagħti importanza partikolari lill-proċeduri ta' komitoloġija fil-qasam tas-servizzi finanzjarji (il-proċedura Lamfalussy) peress li numru ta' miżuri importanti għaddejjin minn irfinar; huwa ta' l-opinjoni li l-applikazzjoni korretta tal-qafas hija essenzjali għat-tħaddim mingħajr intoppi tas-sistema finanzjarja u sabiex jiġu evitati kriżijiet finanzjarji; jitlob li d-drittijiet tal-Parlament hekk kif ġie mitiehem jiġu rispettati bis-sħiħ u li jiġu implimentati l-ftehimiet preżenti;
59. Jistenna b'interess ir-riżultati tal-proċess ta' konsultazzjoni mibdi mill-Kummissjoni dwar 'Ir-Riforma tal-Baġit, il-Bidla ta' l-Ewropa' (SEC(2007)1188); jesiġi l-assoċjazzjoni sħiħa tal-Parlament kemm għar-reviżjoni ta' l-infiq ta' l-UE u kif ukoll għal dik tas-sistema tar-riżorsi proprja ta' l-UE kif previst bid-Dikjarazzjoni Nru 3 dwar ir-Reviżjoni tal-Qafas Finanzjarju tat-IIA (Ftehima Interistituzzjonali dwar dixxiplina baġitarja u mmaniġġjar finanzjarju sod);
60. Biex tinkiseb Dikjarazzjoni Pożittiva ta' Assikurazzjoni mill-ECA, il-Kummissjoni għandha tibda preparazzjonijiet tekniċi u tħeġġeġ lill-Istati Membri biex joħorġu dikjarazzjonijiet nazzjonali hekk kif suġġerit fir-Riżoluzzjonijiet ta' Kwittanza tal-Parlament għall-2003, l-2004 u l-2005, iqis li s-sommarji tal-verifiki skond il-paragrafu 44 tal-Ftehima Interistituzzjonali għall-2007-2013 huma biss l-ewwel pass f'din id-direzzjoni; jippretendi li jkun hemm approċċ iktar proattiv mill-Kummissarju responsabbli għall-qasam tat-trasparenza u ta' l-iggvernar sod; barra minn hekk, jinnota li l-Kummissjoni tħossha marbuta bl-ogħla standards ta' mmaniġġjar finanzjarju sod u timpenja ruħha li tħarishom;
Inxandru 'l-Ewropa
61. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tqiegħed liċ-ċittadin fiċ-ċentru tal-proġett Ewropew, li tista' biss ikollha suċċess fih jekk taħti każ il-preaokkupazzjonijiet ta' l-Ewropej, u biex tintensifika l-isforzi tagħha biex tiżviluppa politika ta' komunikazzjoni iktar effettiva biex jinkiseb fehim aħjar miċ-ċittadini fir-rigward ta' l-azzjoni ta' l-UE u tal-kontribut tagħha biex tindirizza l-preokkupazzjonijiet tagħhom, sabiex wieħed jipprepara għar-ratifikazzjoni tat-Trattat ta' Riforma u għall-elezzjonijiet Ewropej ta' l-2009;
62. Jistieden lill-Kummissjoni biex turi b'mod ċar kif bi ħsiebha tqiegħed fil-prattika l-kontenut tal-prijoritajiet ta' komunikazzjoni tagħha, partikolarment il-prijorità dwar it-Trattat ta' Riforma;
63. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Parlamenti ta' l-Istati Membri.