MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
16.1.2008
- –Ari Vatanen, Laima Liucija Andrikienė, Bernd Posselt, Eija-Riitta Korhola u Tadeusz Zwiefka, f'isem il-Grupp PPE-DE
- –Pasqualina Napoletano, Josep Borrell Fontelles, Alain Hutchinson, Marie‑Arlette Carlotti and Glenys Kinnock, f'isem il-Grupp PSE
- –Marios Matsakis, Frédérique Ries u Renate Weber, f'isem il-Grupp ALDE
- –Brian Crowley, Adam Bielan, Hanna Foltyn-Kubicka, Ryszard Czarnecki, Ewa Tomaszewska, Konrad Szymański, Mieczysław Edmund Janowski, Marcin Libicki u Ģirts Valdis Kristovskis, f'isem il-Grupp UEN
- –Marie-Hélène Aubert, Margrete Auken, Raül Romeva i Rueda, Hiltrud Breyer, Carl Schlyter u Jean Lambert, f'isem il-Grupp Verts/ALE
- –Feleknas Uca u Gabriele Zimmer, f'isem il-Grupp GUE/NGL
- –Verts/ALE (B6‑0022/2008)
- –GUE/NGL (B6‑0030/2008)
- –ALDE (B6‑0035/2008)
- –UEN (B6‑0037/2008)
- –PPE-DE (B6‑0043/2008)
- –PSE (B6‑0044/2008)
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-abbuż sesswali bħala reat tal-gwerra
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-Bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (DRC),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni ta' l-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-EU tat-22 ta' Novembru 2007,
– wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma li jwaqqaf il-Qorti Kriminali Internazzjonali adottat fl-1998, u b'mod partikolari l-Artikoli 7 u 8 tiegħu, li jiddefinixxu l-abbuż sesswali, l-iskjavitù sesswali, il-prostituzzjoni sfurzata, it-tqala sfurzata u l-isterilizzazzjoni sfurzata jew kwalunkwe forma oħra ta' vjolenza sesswali bħala reati kontra l-umanità u reati tal-gwerra u jqabbilhom ma' forma ta' tortura u ma' reat tal-gwerra serju, kemm jekk dawn l-atti jkunu mwettqa b'mod sistematiku kif ukoll jekk le, matul kunflitti internazzjonali jew interni,
– wara li kkunsidra l-24 Rapport tan-Nazzjonijiet Uniti tas-Segretarju Ġenerali dwar il-Missjoni ta' Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, ta' l-14 ta' Novembru 2007,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo tas-27 ta' Lulju 2007,
– wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-Human Rights Watch bl-isem ta' ''Kriżi Mġedda fil-Kivu tat-Tramuntana'' (Renewed Crisis in North Kivu), ta' Ottubru 2007,
– wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-Human Rights Watch bl-isem ta' ''Infittxu l-Ġustizzja - Il-Prosekuzzjoni tal-Vjolenza Sesswali fil-Gwerra tal-Kongo'' (The Prosecution of Sexual Violence in the Congo War), ta' Marzu 2005,
– wara li kkunsidra r-Rapport ta' Amnesty International għall-2007,
– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Umanitarja għall-2008 għar-Repubblika Demokratika tal-Kongo sponsorizzat min-Nazzjonijiet Uniti, tal-11 ta' Diċembru 2007,
– wara li kkunsidra l-aħbarijiet umanitarji u l-analiżi ta' l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Kwistjonijiet Umanitarji, tat-13 ta' Diċembru 2007,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 115 (5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-gwerra u l-ġlied fil-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo irriżultaw fi vjolenza sesswali fuq in-nisa fuq skala mifruxa u allarmanti min-naħa tal-gruppi ribelli armati kif ukoll mill-armata u l-forzi tal-pulizija tal-gvern,
B. billi n-nisa fil-Lvant tal-Kongo qed jiġu attakkati sistematikament fuq skala ikbar milli qatt kien hemm u billi, u skond is-Sottosegretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Kwistjonijiet Umanitarji, il-vjolenza sesswali fil-Kongo hija l-agħar fid-dinja,
C. billi l-abbuż sesswali qed jitwettaq ukoll f'kampijiet ta' persuni mċaqalqa, fejn ħafna persuni ċivili jkunu ġew ifittxu li jaħarbu mill-ġlied li ċaqlaq iktar minn 400,000 persuna lil hinn minn darhom u mill-villaġġi tagħhom fl-2007,
D. billi skond ir-Rappreżentanza Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti, l-atroċitajiet kontra n-nisa huma strutturati madwar l-abbuż sesswali, l-abbuż sesswali minn gruppi sħaħ, l-iskjavitù sesswali u l-qtil, li għandhom konsegwenzi vasti ħafna, inkluża l-qirda fiżika u psikoloġika tal-nisa,
E. billi skond il-Pjan ta' Azzjoni Umanitarja għar-Repubblika Demokratika tal-Kongo għall-2008 kien hemm irrappurtati 32353 każ ta' abbuż sesswali matul l-2007, u din hija probabbilment parti biss mill-ammont totali ta' abbużi sesswali reali,
F. billi r-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill għas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tenfasizza r-responsabiltà ta' l-istati kollha li jtemmu l-impunità u jwettqu prosekuzzjonijiet kontra l-persuni responsabbli minn reati kontra l-umanità u minn reati tal-gwerra inklużi dawk relatati ma' vjolenza sesswali u ta' tip ieħor fuq in-nisa u t-tfajliet,
G. billi jidher li l-abbuż sesswali qed jintuża bħala mezz biex jiġu umiljati n-nisa quddiem il-familji tagħhom u quddiem il-komunitajiet u għalhekk biex jinqerdu l-integrità, il-moral u l-koeżjoni ta' dawk il-komunitajiet;
H. b'inkwiet dwar il-fatt li n-nisa u t-tfajliet li jisfaw vittmi ta' abbuż sesswali jgħaddu minn diskriminazzjoni soċjali u rifjut mifruxa mill-familji u mill-komunitajiet tagħhom filwaqt li l-kriminali ma jiġux kastigati, peress li din hija raġuni ulterjuri għaliex biss parti mill-abbużi sesswali tiġi rrappurtata mill-vittmi,
I. b'inkwiet kbir minħabba l-isforzi inadegwati biex isiru investigazzjonijiet fil-fond ta' reati bħal dawn, min-nuqqas ta' miżuri ta' protezzjoni tax-xhieda, tal-vittmi u tal-familji tagħhom, min-nuqqas ta' informazzjoni rigward każijiet ta' nuqqas ta' kura medika adegwata għall-vittmi,
J. billi l-liġi l-ġdida dwar l-abbużi sesswali adottata mill-Parlament tad-DRC fl-2006 u maħsuba biex tgħaġġel il-prosekuzzjoni ta' każijiet ta' abbużi sesswali u biex timponi kastigi iktar qawwija, ma tantx kellha effett,
K. billi d-Dikjarazzjoni Konġunta mir-Rwanda u mid-DRC ġiet iffirmata f'Nairobi fl-10 ta' Diċembru 2007 favur soluzzjoni komprensiva fir-rigward tal-preżenza ta' gruppi armati fil-Kivus, li huma responsabbli minn vjolenza sesswali u minn ksur ieħor tad-drittijiet tal-Bniedem,
L. billi bosta snin ta' kunflitti armati rriżultaw direttament u indirettament f'4 miljun vittma diretta u indiretta u kkawżaw iċ-ċaqliq ta' mill-inqas 1.5 miljun persuna, li l-maġġorparti tagħhom huma nisa u tfal, kif ukoll il-qirda ta' l-infrastrutturi soċjoekonomiċi tad-DRC,
1. Jikkundanna bis-saħħa l-użu ta' l-abbuż sesswali bħala arma tal-gwerra u jfakkar li l-Qorti Kriminali Internazzjonali għandha l-ġurisdizzjoni fuq dawn l-atti, kif għandha wkoll ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo;
2. Iħeġġeġ b'mod partikolari li min iwettaq dawn l-atti ta' vjolenza sesswali fuq in-nisa għandu jkun irrappurtat, jiġi identifikat, jidher quddiem qorti u jiġi kkastigat skond il-liġi kriminali nazzjonali u internazzjonali;
3. Jistieden lill-Gvern tad-DRC biex itemm l-impunità u jimplimenta l-liġi l-ġdida adottata mill-Parlament tiegħu li tagħmel illegali l-vjolenza sesswali, u li tipprevedi kastigi ikbar għal min iwettaq tali reati;
4. Iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex tieħu l-passi neċessarji kollha possibbli biex tappoġġa l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti biex jiġu investigati dawn l-atti u ssir prosekuzzjoni ta' min huwa responsabbli tagħhom;
5. Jistieden lill-UE biex talloka fondi sostanzjali għall-provvista ta' appoġġ mediku, legali u soċjali għall vittmi ta' l-abbużi sesswali u biex tagħti in-nisa u t-tfajliet jingħataw il-poter bħala mezz għall-prevenzjoni ta' abbużi sesswali ulterjuri;
6. Jistieden lill-forzi kollha li jipparteċipaw fil-kunflitti fil-Lvant tad-DRC sabiex jirrispettaw id-drittijiet tal-Bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali, biex itemmu l-attakki kollha fuq in-nisa u persuni ċivili oħra u biex jippermettu lill-aġenziji umanitarji biex jiġu jassistu lill-vittmi;
7. Jistieden lill-UE u lin-Nazzjonijiet Uniti biex jirikonoxxu formalment lill-abbuż sesswali, it-tqala sfurzata, l-iskjavitù sesswali u kull forma oħra ta' vjolenza sesswali bħala reat kontra l-umanità u reat tal-gwerra serju u forma ta' tortura, kemm jekk iseħħu b'mod sistematiku u kemm jekk le;
8. Jistieden lill-Istati Membri tan-Nazzjonijiet Uniti li jibgħatu staff fuq missjonijiet ta' żamma tal-paċi tal-MONUC biex jagħtu segwitu għall-ilmenti kollha relatati ma' abbużi sesswali u sfruttament, partikolarment dawk li jikkonċernaw minorenni, u biex il-persuni responsabbli mill-abbużi sesswali jinġiebu quddiem il-Qorti mill-aktar fis; jitlob għalhekk biex il-mandat tal-MONUC fir-rigward tal-protezzjoni tal-persuni ċivili kontra l-vjolenza sesswali jissaħħaħ;
9. Jistieden lin-Nazzjonijiet Uniti, lill-AU u lill-UE u imsieħba oħra tad-DRC biex jagħmlu dak kollu li hu possibbli biex jitwaqqaf mekkaniżmu effettiv ta' monitoraġġ u ta' dokumentazzjoni dwar il-vjolenza sesswali fid-DRC u biex tiġi pprovduta għajnuna u protezzjoni effiċenti u adegwata għan-nisa, b'mod partikolari fil-Lvant tad-DRC;
10. Jesprimi t-tħassib qawwi tiegħu rigward il-fatt li l-vjolenza sesswali qed tikkawża esodu rurali ta' proporzjonijiet kbar ħafna u jenfasizza li l-vjolenza sesswali sistematika, flimkien ma' ''kultura ta' vjolenza sesswali'' ġenerali, jeqirdu n-netwerks soċjali kollha u jirrappreżentaw theddida nazzjonali reali;
11. Jilqa' l-ftuħ tal-konferenza dwar il-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp f'Goma (Tramuntana ta' Kivu) u jittama li l-fatt li waqfu l-ostilitajiet matul il-konferenza jkun l-ewwel pass fil-ħolqien ta' fiduċja bejn il-ġellieda; iħeġġeġ lill-parteċipanti biex jindirizzaw il-kwistjoni tal-vjolenza sesswali fuq in-nisa u t-tfajliet u jieħdu l-impenn li jġibu lil min iwettaqha quddiem il-qrati;
12. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tipprovdi appoġġ, inkluża għajnuna finanzjarja, għall-organizzazzjoni tal-konferenza għall-paċi f'Kivu, bil-għan li l-poplu jkun jista' jipparteċipa fit-tfittxija ta' soluzzjonijiet dewwiema;
13. Jistieden lill-Gvern tad-DRC u lill-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (MONUC) biex jiggarantixxu livell adegwat ta' sigurtà għall-membri ta' l-organizzazzjonijiet umanitarji;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet ta' l-Istati Membri ta' l-UE, lill-Gvernijiet tad-DRC u lill-pajjiżi ta' Great Lakes, lill-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Afrikana, lis-Segretarju Generali tan-Nazzjonijiet Uniti.