MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
16.1.2008
- –Jana Hybášková, Edward McMillan-Scott, Charles Tannock, Laima Liucija Andrikienė, Bernd Posselt, Eija-Riitta Korhola u Tunne Kelam, f'isem il-Grupp PPE-DE
- –Pasqualina Napoletano u Veronique De Keyser, f'isem il-Grupp PSE
- –Marios Matsakis u Frédérique Ries, f'isem il-Grupp ALDE
- –Adam Bielan, Konrad Szymański, Salvatore Tatarella, Adriana Poli Bortone, Hanna Foltyn-Kubicka, Ewa Tomaszewska u Ryszard Czarnecki, f'isem il-Grupp UEN
- –Hélène Flautre, Cem Özdemir u Alyn Smith, f'isem il-Grupp Verts/ALE
- –Luisa Morgantini, f'isem il-Grupp GUE/NGL
- –Verts/ALE (B6‑0023/2008)
- –PSE (B6‑0029/2008)
- –GUE/NGL (B6‑0032/2008)
- –ALDE (B6‑0036/2008)
- –UEN (B6‑0039/2008)
- –PPE-DE (B6‑0042/2008)
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu
Il-Parlament Ewropew,
- wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu ta' qabel dwar is-Sħubija Ewro-Mediterranja,
- | wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2007 dwar avvenimenti serji li | jikkompromettu | l-eżistenza ta' komunitajiet Kristjani u ta' komunitajiet reliġjużi oħra, |
- wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Barċellona ta' Novembru 1995,
- wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar "It-tisħiħ mill-ġdid ta' l-azzjonijiet ta' l-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokratizzazzjoni mas-sieħba tal-Mediterran - linji ta' gwida strateġiċi",
- wara li kkunsidra l-ewwel konferenza tan-Netwerk Ewro-Mediterranju dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li saret fil-Kajr fis-26 u s-27 ta' Jannar 2006,
- wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura ta' l-1984,
- war li kkunsidra l-Linji ta' Gwida ta' l-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,
- wara li kkunsidra l-Artikolu 19 tal-Ftehima Internazzjonali tan-NU dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, irratifikata fl-Eġittu fl-1982,
- wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali kontra kull xorta ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,
- wara li kkunsidra l-programm ta' ħidma adottat fis-Samit ta' Barċellona bejn il-Kapijiet ta' l-Istat u tal-Gvern f'Novembru 2005,
- wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Ħames Konferenza tal-Presidenti Ewropej tal-Parlament, adottati fis-26 ta' Novembru 2005 f'Barċellona,
- wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet adottati mill-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja (APEM) tas-27 ta' Marzu 2006 u d-dikjarazzjoni tal-President tagħha,
- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2006 dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat,
- wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Unjoni Ewropea u l-Eġittu ffirmaw pjan ta' azzjoni konġunt dwar il-Politika Ewropea ta' Viċinat f'Marzu 2007 li jfassal prijoritajiet, fosthom li għandha tingħata attenzjoni partikolari biex titjieb l-effikaċja ta' l-istituzzjonijiet fdati bit-tisħiħ tad-demokrazija, ta' l-istat tad-dritt u tal-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-aspetti kollha tagħhom,
B. billi l-promozzjoni tar-rispett għad-demokrazija, għad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet ċivili huma prinċipji u għanijiet fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea u jikkostitwixxu bażi komuni għall-iżvilupp taż-żona Ewro-Mediterranja,
C. billi jagħti importanza kbira lir-relazzjonijiet ma' l-Eġittu u li elezzjonijiet ġusti u trasparenti huma l-unika triq biex isir progress għal soċjetà aktar demokratika, filwaqt li jisħaq fuq l-importanza ta' l-Eġittu u tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Eġittu għall-istabilità u l-iżvilupp taż-żona Ewro-Mediterranja,
D. billi l-awtoritajiet Eġizzjani wiegħdu li ma jkomplux għaddejjin bit-tfigħ ta' ġurnalisti l-ħabs, imma li din il-wegħda s'issa għadha ma nżammitx,
E. billi l-kandidat presidenzjali ta' l-Oppożizzjoni Ayman Nour għadu qiegħed iservi sentenza ta' ħames snin ħabs wara ġuri inġust fl-2005 għal akkużi motivati politikament, u billi saħħtu sejra lura bħala konsegwenza ta' din is-sentenza,
F. wara li kkunsidra l-għeluq taċ-Ċentru għat-Trejd Unjins u s-Servizzi tal-Ħaddiema u l-fergħat tiegħu, l-ewwel darba li NGO li taħdem għal prinċipju ngħalqet permezz ta' deċiżjoni eżekuttiva, kif ukoll l-għeluq ta' l-Assoċjazzjoni għall-Għajnuna Legali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (AHRLA) u l-verdett segwenti dwar l-attivista tad-drittijiet tal-bniedem Kamal Abbas, il-koordinatur ġenerali taċ-ċentru, għal kitba libelluża kontra Mohammed Mostafa, wara li ppubblika esej f'Kalam Sanya,
G. billi l-Kopti, il-Baha'i, ix-Xi'iti, il-Koranisti u membri ta' minoranzi reliġjużi oħra b'xorti ħażina għadhom imxekkla mill-iżolament settarju,
1. Jirrikonoxxi s-sehem ta' l-Eġittu fil-proċess tal-paċi fil-Lvant Nofsani u l-importanza li għandhom ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Eġittu għaż-żona Ewro-Mediterranja kollha kemm hi, imma jiġbed l-attenzjoni li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huwa valur fundamentali tal-Ftehima ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Eġittu u jirrijafferma l-importanza tas-Sħubija Ewro-Mediterranja għall-promozzjoni ta' l-istat tad-dritt u tal-libertajiet fundamentali;
2. Jikkunsidra li l-arresti u l-azzjonijiet ta' dan l-aħħar kontra NGOs u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem imorru kontra l-impenji li daħal għalihom il-gvern Eġizzjan dwar id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u dwar il-proċess demokratiku fil-pajjiż; jagħti appoġġ lill-"kampanja ta' organizzazzjonijiet li m'humiex tal-gvern għal-libertà ta' l-assoċjazzjoni" imnedija fit-13 ta' Mejju 2007 minn 34 NGO bħala segwitu għall-ewwel rapport kollettiv dwar "il-fastidju għall-amminstrazzjoni u għas-sigurtà";
3. Jistieden lill-Gvern Eġizzjan biex itemm kull xorta ta' fastidju, inklużi miżuri ġudizzjarji, id-detenzjoni ta' professjonisti tal-midja u, b'mod iżjed ġenerali, ta' difensuri u attivisti tad-drittijiet tal-bniedem li jridu riformi, u biex jirrispetta bis-sħiħ il-libertà ta' l-espressjoni, b'konformità ma' l-Artikolu 19 tal-Ftehima Internazzjonali tan-NU dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li ġiet iffirmata u ratifikata mill-Eġittu;
4. Jinkoraġġixxi lill-Gvern Eġizzjan biex jonora l-wegħda tiegħu li jneħħi l-istat ta' emerġenza fil-31 ta' Mejju 2008; jitlob lill-awtoritajiet Eġizzjani biex jemendaw il-liġi Nru 25 ta' l-1966 dwar il-qrati marzjali, li hija wieħed mill-ostakli ewlenin għat-tgawdija sħiħa tal-libertajiet fundamentali, u biex jiżguraw li l-miżuri u l-leġiżlazzjoni kollha adottati fil-ġlieda kontra t-terroriżmu jkunu jaqblu bis-sħiħ mal-liġijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;
5. Jagħti appoġġ sħiħ għal miżuri li jiggarantixxu l-libertà akkademika, il-libertà tal-midja u l-libertà tat-twemmin reliġjuż privat; għal dak il-għan, jitlob biex jiġu revokati l-miżuri amministrattivi arbitrarji, bħal dawk li ttieħdu kontra ċ-Ċentru għat-Trejd Unjins u s-Servizzi tal-Ħaddiema u kontra l-Assoċjazzjoni għall-Għajnuna Legali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; jitlob għall-ħelsien ta' Kamel Abbas u ta' attivisti oħra; iħeġġeġ li l-liġi dwar l-assoċjazzjonijiet m'għandhiex timponi restrizzjonijiet arbitrarji fuq l-attivitajiet paċifiċi ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;
6. Jitlob għall-ħelsien immedjat ta' Ayman Nour, fid-dawl tar-rapporti dwar l-istat ħażin ta' saħħtu, u jitlob li minnufih issirlu żjara soċjali u viżta minn staff mediku kwalifikat;
7. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu implimentati bis-sħiħ il-prinċipji tal-Konvenzjoni OAU ta' l-1969 u l-Konvenzjoni Internazzjonali ta' l-1993 dwar id-drittijiet u l-ħarsien tal-ħaddiema emigranti u l-familji tagħhom; jagħti appoġġ lill-osservazzjonijiet konklużivi tal-Kumitat tan-NU dwar il-Ħaddiema Emigranti ta' Mejju 2007 li talbu biex jerġgħu jinfetħu l-investigazzjonijiet dwar il-qtil ta' 27 refuġjat Sudaniż f'Diċembru 2005;
8. Jitlob biex tintemm kull xorta ta' tortura u trattament ħażin u jitlob biex isiru investigazzjonijiet fejn ikun hemm suspett raġonevoli li jkunu saru atti ta' tortura; jistieden lill-Gvern Eġizzjan biex jippermetti li ssir żjara mir-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-tortura u trattamenti jew kastigi oħra krudili, inumani u degradanti;
9. Jisħaq fuq l-importanza li jiġu żgurati u jissaħħew l-indipendenza tal-ġudikatura permezz ta' emendi jew revoka tad-dispożizzjonijiet legali kollha li jmorru kontra l-liġi jew li ma jiggarantux biżżejjed l-indipendenza tagħha; jisħaq fuq il-ħtieġa għar-rispett u l-ħarsien tal-libertajiet ta' l-assoċjazzjoni u ta' l-espressjoni ta' l-imħallfin, b'konformità ma' l-Artikoli 8 u 9 tal-prinċipji bażiċi tan-NU dwar l-Indipendenza tal-Ġudikatura;
10. Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi ta' l-Eġittu biex il-fruntiera ma' Gaża ssir aktar sigura u jinkoraġġixxi lill-partijiet kollha konċernati biex iħarrxu l-ġlieda kontra l-kuntrabandu permezz ta' mini għall-Medda ta' Gaża;
11. Iħeġġeġ lill-UE biex iżżomm l-iżviluppi dwar id-drittijiet tal-bniedem fost l-ogħla prijoritajiet ta' l-aġenda tagħha waqt il-laqgħa li jmiss tas-Sottokumitat bejn l-UE u l-Eġittu dwar Kwistjonijiet Politiċi; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jibagħtu rapport lill-Parlament u biex jinvolvu lill-Parlament mill-qrib fil-proċess ta' l-evalwazzjoni;
12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern u lill-Parlament Eġizzjan, lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri u lill-pajjiżi tal-Mediterran li huma firmatarji tad-Dikjarazzjoni ta' Barċellona u lill-President ta' l-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja.