Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B6-0024/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B6-0024/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA

15.1.2008

imressqa skond l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura minn
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi li ġejjin: dwar il-Kenja

Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B6-0024/2008
Testi mressqa :
RC-B6-0024/2008
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Kenja

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Preliminari tal-Missjoni ta' l-Unjoni Ewropea għall-Osservazzjoni ta' l-Elezzjoni (EUEOM) fil-Kenja ta' l-1 ta' Jannar 2008,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni mill-Presidenza ta' l-Unjoni Ewropea f'isem l-Unjoni Ewropea rigward l-Elezzjonijiet Presidenzjali fil-Kenja tat-8 ta' Jannar 2008,

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli dwar kif għandhom isiru elezzjonijiet demokratiċi,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' l-Unjoni Afrikana dwar il-Prinċipji li Jirregolaw l-Elezzjonijiet Demokratiċi fl-Afrika (2002),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Prinċipji għal Missjonijiet Internazzjonali ta' Osservazzjoni Elettorali u l-l-Kodiċi ta' Kondotta għall-Osservaturi Elettorali Internazzjonali, imfakkra fin-Nazzjonijiet Uniti fis-27 ta' Ottubru 2005,

–  wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Sħubija bejn fuq naħa l-membri tal-Grupp ta' Stati ta' l-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku, u fuq oħra l-Komunita Ewropea u l-Istati Membri tagħha, iffirmata f''Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (il-'Ftehima ta' Cotonou') u emendata fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005, u b'mod partikulari l-Artikoli 8 u 9 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fis-27 ta' Diċembru 2007 saru elezzjonijiet presidenzjali u leġiżlattivi fil-Kenja, li fihom disa' partiti ressqu kandidati presidenzjali, inklużi l-President Kibaki mill-Partit għall-Unità Nazzjonali (Party of National Unity (PNU)) u Ralia Odinga għall-Moviment Demokratiku Oranġjo (Orange Democratic Movement (ODM)),

B.  Billi ż-żewġ partiti ewlenin, il-Moviment Demokratiku Oranġjo tas-Sur Odinga u l-Partit għall-Unità Nazzjonali tas-Sur Kibaki kisbu, rispettivament, 99 u 43 siġġu mill-210 fil-parlament nazzjonali,

C.  billi l-elezzjonijiet presidenzjali ta' l-2007 fil-Kenja ma laħqux l-istandards bażiċi internazzjonali u reġjonali għal elezzjonijiet demokratiċi, u kienu segwiti minn irvellijiet li wasslu għall-mewt ta' aktar minn 600 persuna,

D.  billi l-vjolenza politika wasslet biex 250 000 ruħ ġew spustati u affettwat bejn 400 000 u 500 000 Kenjan, speċifikament mill-bliet ta' Eldoret, Kericho u Kisumu, skond l-Ufiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Kwistjonijiet Umanitarji (OGHA),

E.  billi l-kriżi politika attwali oriġinat prinċipalment mill-Koalizzjoni Nazzjonali tal-Qawsalla (National Rainbow Coalition (NARC)) preċedenti, li kienet rebħet l-elezzjoni tas-sena 2000, meta s-Sur Kibaki u s-Sur Odinga ftiehmu li jaqsmu l-poter, ftehim li ma kienx ġie onorat,

F.  billi r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-EOM ta' l-UE ta' l-2002 ma ġewx meqjusa biżżejjed, inklużi dawk dwar id-daqs u l-konfini tal-kostitwenzi għall-elezzjonijiet ġenerali u r-rakkomandazzjoni li t-tul ta' żmien tal-mandat tal-Kummissarji ta' l-ECK jibqa' sejjer sa sitt xhur wara l-elezzjonijiet ġenerali, sabiex jissaħħu l-indipendenza u l-professjonaliżmu ta' l-awtorità elettorali,

G.  filwaqt li jinnota li l-atmosfera tal-kampanja ta' l-2007 kienet ikkaratterizzata minn polarizzazzjoni politika qawwija bejn il-partitarji ta' Kibaki u ta' Odinga, li wassal għal atmosfera mimlija tensjoni fil-komunitajiet etniċi rispettivi tagħhom,

H.  billi l-elezzjonijiet presidenzjali ma ssodisfawx it-tamiet u l-istennijiet tal-poplu Kenjan, li ħa sehem bil-ħerqa fil-proċess elettorali billi vvota f'numri kbar ta' nies b'mod paċifiku u paċenzjuż,

I.  billi l-isforzi diplomatiċi intensivi, inkluża l-missjoni ta' medjazzjoni miċ-chairperson ta' l-Unjoni Afrikana, John Kufuor, u sforzi min-naħa ta' erba' ex presidenti, ma rnexxielhomx isolvu l-kriżi politika,

J.  billi fit-8 ta' Jannar Mwai Kibaki unilateralment ħatar 17-il membru tal-kabinet tiegħu, qabel ma l-medjazzjoni internazzjonali kien għadda ż-żmien tagħha, biex b'hekk effettivament eskluda minn qabel negozjati tripartiċi, u ġiegħel lill-ODM biex terġa' tibda protesti tal-massa,

K.  billi, matul il-kampanja elettorali, il-libertà ta' l-assoċjazzjoni, ta' l-espressjoni u ta' l-assemblea kienu fil-biċċa l-kbira rrispettati; madankollu, billi l-kampanja kienet karatterizzata wkoll minn firdiet etnopolitiċi li kkontribwew għas-sitwazzjoni instabbli fiż-żmien ta' tħejjija għall-elezzjonijiet,

L.  billi l-komunità internazzjonali ma tatx kas biżżejjed ta' dawn it-tensjonijiet etniċi li huma fil-bażi ta' dak li ġara u minn issa 'l quddiem trid tqis din il-kwistjoni fi kwalunkwe sforzi ta' medjazzjoni li jsiru fil-ġejjieni fil-kriżi Kenjana attwali,

M.  billi l-Kummissjoni Elettorali tal-Kenja (ECK) ħadet ħsieb l-aspett loġistiku u tekniku ta' l-elezzjonijiet, tejbet l-aċċess għaċ-ċentri ta' reġistrazzjoni tal-votanti u ħarrġet lill-istaff elettorali,

N.  billi, madankollu, l-ECK ma wrietx l-imparzjalita, it-trasparenza u l-kunfidenzjalita li huma prerekwiżiti f'elezzjoni demokratika, u billi dan hu rifless fil-proċeduri difettużi biex jinħatru l-Kummissarji ta' l-ECK,

O.  billi l-osservaturi ta' l-EUEOM intlaqgħu mill-awtoritajiet relevanti fil-postijiet tal-votazzjoni fejn il-votazzjoni saret b'mod ordnat,

P.  billi, madankollu, l-osservaturi ta' l-EOM ta' l-UE ma ġewx mogħtija l-istess aċċess għall-istazzjonijiet ta' l-għadd u kkonkludew li n-nuqqas ta' trasparenza u ta' proċeduri adegwati ta' sigurta dgħajfu ħafna l-kredibilita tar-riżultati ta' l-elezzjoni presidenzjali,

Q.  billi f'xi postijiet tal-votazzjoni kienu rreġistrati ċifri ta' nies li marru jivvutaw li kienu aktar minn 90%, u billi l-ECK esprimiet dubji dwar dawn il-figuri li huma għolja b'mod li mhumiex realistiċi,

R.  billi l-EOM ta' l-UE kkonkludiet li globalment il-proċess elettorali qabel it-tabulazzjoni kien immexxi sew u li l-elezzjonijiet parlamentari kienu meqjusa b'mod ġenerali bħala suċċess,

S.  billi madankollu l-EOM ta' l-UE kkonkludiet li l-proċess ta' l-għadd tal-voti fl-elezzjoni presidenzjali kien nieqes mill-kredibilità u għalhekk esprimiet dubji rigward il-preċiżjoni tar-riżultati,

T.  billi, skond l-Osservatorju għall-Ħarsien tad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, sar theddid kontra membri ta' l-Inizjattiva tal-Kenjani għall-Paċi mal-Verità u l-Ġustizzja (KPTJ), koalizzjoni ta' NGOs indipendenti, li kienet iffurmata fis-segwitu ta' l-elezzjonijiet biex tiddenunzja l-frodi elettorali u biex tappoġġja l-libertà ta' l-espressjoni u ta' l-assoċjazzjoni fil-pajjiż,

U.  billi l-Kenja daħlet għal impenji biex tirrispetta d-drittijiet ċivili fundamentali, id-demokrazija bbażata fuq l-istat tad-dritt u t-tmexxija trasparenti u responsabbli fil-qafas tal-Ftehima ta' Sħubija ta' l-ACP-UE (il-Ftehima ta' Cotonou),

1.  Jikkundanna t-telf traġiku tal-ħajja umana u s-sitwazzjoni umanitarja kritika, u jistieden urġentement lill-awtoritajiet u lill-partijiet interessati rilevanti biex jagħmlu l-aħjar li jistgħu sabiex iġibu l-paċi fir-Repubblika tal-Kenja u biex jiżguraw li d-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt jiġu rrispettati;

2.  Jaqbel mal-konklużjonijiet ippreżentati mill-EOM ta' l-UE fid-Dikjarazzjoni Preliminari tagħha;

3.  Jiddispjaċih li, minkejja l-elezzjonijiet parlamentari li ġeneralment kellhom suċċess, ir-riżultati ta' l-elezzjonijiet presidenzjali ma jistgħux jitqiesu bħala kredibbli minħabba rapporti mifruxa ta' irregolaritajiet elettorali;

4.  Jiddeplora l-fatt li l-president fil-kariga, Mwai Kibaki, ħatar il-kabinett tiegħu unilateralment, xi ħaġa li dgħajfet ħafna l-isforzi ta' medjazzjoni;

5.  Jistieden lill-president fil-kariga, Mwai Kibaki, biex jirrispetta l-impenji demokratiċi ta' pajjiżu kif imfissrin fil-Kostituzzjoni Nazzjonali tal-pajjiż u fil-linji gwida tal-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli rigward elezzjonijiet ħielsa u ġusti, u sabiex jaqbel li ssir eżaminazzjoni indipendenti tal-vot presidenzjali; iheġġeġ lill-awtoritajiet Kenjani, barra minn hekk, biex jiffaċilitaw din l-investigazzjoni sabiex titranġa s-sitwazzjoni u sabiex min hu responsabbli għal dawn l-irregolaritajiet jinżamm responsabbli għal għemilu;

6.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Kenjani biex jiggarantixxu fiċ-ċirkostanzi kollha l-integrità fiżika u psikoloġika tal-membri tal-KPTJ u tad-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż u biex itemmu l-atti kollha ta' fastidju mwettqa fil-konfront tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kenja;

7.  Jistieden liż-żewġ naħat biex b'mod urġenti jieħdu azzjoni tanġibbli ta' rimedju permezz tan-negozjar; jappoġġja, f'dan ir-rigward, aktar sforzi ta' medjazzjoni minn grupp ta' anzjani Afrikani mmexxija minn Kofi Annan, l-ex Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti;

8.  Jistieden lill-Presidenza ta' l-Unjoni Ewropea u lill-Kummissjoni Ewropea biex jimmoniterjaw mill-qrib il-missjoni ta' medjazzjoni mmexxija mis-Sur Annan u, jekk ikun hemm il-ħtieġa, jiżguraw kontinwazzjoni immedjata ta' dawn l-isforzi ta' medjazzjoni minn delegazzjoni ta' livell għoli ta' l-Unjoni Ewropea, possibilment f'inizjattiva konġunta bejn l-UE u l-AU; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex toffri lill-awtoritajiet Kenjani l-għajnuna teknika u finanzjarja kollha meħtieġa fil-proċess ta' l-eżaminazzjoni indipendenti ta' l-elezzjonijiet presidenzjali, kif ukoll rigward il-passi meqjusa meħtieġa sabiex titranġa s-sitwazzjoni;

9.  Jitlob miżuri konkreti sabiex titwaqqaf Kummissjoni Elettorali verament imparzjali li fil-futur tkun tista' tmexxi elezzjonijiet ħielsa u ġusti b'mod aħjar;

10.  Jiġbed l-attenzjoni għad-dikjarazzjoni ta' Samuel Kivuitu, il-kap tal-Kummissjoni Elettorali Kenjana, li ma rrikonoxxiex ir-riżultati ta' l-elezzjoni presidenzjali li ġew ippubblikati fil-midja u talab li ssir inkjesta indipendenti dwar l-allegazzjonijiet ta' frodi;

11.  Jitlob li jerġgħu jsiru elezzjonijiet presidenzjali jekk ma jkunx possibbli li l-għadd mill-ġdid tal-voti ta' l-elezzjoni presidenzjali jerġa' jsir b'mod kredibbli u ġust minn korp indipendenti;

12.  Jiddispjaċih li ntilfet l-opportunita ppreżentata mill-elezzjonijiet presidenzjali ta' l-2007 biex jiġi kkonsolidat u żviluppat aktar il-proċess elettorali u dak demokratiku b'mod aktar ġenerali;

13.  Jistieden lill-mexxejja tal-partiti politiċi biex jieħdu r-responsabilità biex jipprevjenu iktar vjolenza fil-pajjiż, biex juru impenn għall-istat tad-dritt u biex jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

14.  Huwa ppreokkupat ħafna minħabba r-riperkussjonijiet soċjali tal-kriżi ekonomika attwali, minħabba l-effett negattiv fuq l-iżvilupp soċjoekonomiku tal-pajjiż, u kif ukoll minħabba l-konsegwenzi ekonomiċi għall-pajjiżi ġirien, li fil-biċċa l-kbira jiddependu mill-infrastrutturi tal-Kenja u li s-sitwazzjoni umanitarja tagħhom qed tiddgħajjef minħabba din il-kriżi;

15.  Jistieden lill-Gvern Kenjan u lill-Kummissjoni biex iħejju assistenza umanitarja ta' malajr għall-persuni spustati internament u biex jipprovdu l-ħaddiema kollha meħtieġa għal għajnuna umanitarja;

16.  Jistieden lill-awtoritajiet rilevanti biex jiżguraw rappurtaġġ ħieles u indipendenti mill-istampa u biex jerġgħu jippermettu x-xandir dirett minnufih;

17.  Jiddispjaċih li l-għajnuna tal-baġit ta' l-EDF inħarġet lill-gvern ta' Kibaki direttament wara l-elezzjonijiet, fatt li jista' jiġi interpretat li hu mxaqleb politikament, u jitlob li jiġi ffriżat l-appoġġ baġitarju ulterjuri kollu lill-gvern tal-Kenja sakemm tinstab soluzzjoni politika għall-kriżi attwali;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri, lill-gvern tal-Kenja, lill-Ko-Presidenti ta' l-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-UE u liċ-Chairmen tal-Kummissjoni u l-Kunsill Eżekuttiv ta' l-Unjoni Afrikana.