Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B6-0046/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B6-0046/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA

28.1.2008

imressqa skond l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura minn
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi li ġejjin: dwar l-Iran

Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B6-0046/2008
Testi mressqa :
RC-B6-0046/2008
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Iran

Il-Parlament Ewropew,

-   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iran, b'mod partikulari dawk dwar il-kwistjoni nukleari u d-drittijiet tal-bniedem, u b'mod partikulari dawk ir-riżoluzzjonijiet adottati fit-13 ta' Ottubru 2005, fis-17 ta' Novembru 2005, fil-15 ta' Frar 2006 u fil-25 ta' Ottubru 2007,

-   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, b'mod partikulari dawk ta' l-14 ta’ Diċembru 2007,

-   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 1696/31.07.2006, 1737/27.12.06 and 1747/24.03.07 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-programm nukleari Iranjan,

-   wara li kkunsidra l-Pjan ta' Ħidma miftiehem bejn l-Iran u l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika (AIEA), immirat biex jiġu ċċarati l-kwistjonijiet marbuta mal-programm nukleari ta' l-Iran (Implimentazzjoni tal-Ftehima dwar is-Salvagwardji tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni Nukleari fir-Repubblika Islamika ta' l-Iran COV/2007/48/30.08.2007, u d-dokument mehmuż INFCIRC/711),

-   wara li kkunsidra r-rapporti tal-Bord tal-Gvernaturi ta' l-AIEA, u b'mod partikulari dak (GOV/207/58) tal-15 ta' Novembru 2007 dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehima dwar is-Salvagwardji tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni Nukleari u d-dispożizzjonijiet relevanti tar-riżoluzzjonijiet 1737 u 1747 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fir-Repubblika Islamika ta' l-Iran,

-   wara li kkunsidra r-Rapport dwar l-Estimi tas-Servizzi ta' Intelliġenza (National Intelligence Estimate) ta' l-Istati Uniti dwar l-Intenzjonijiet u l-Kapaċitajiet Nukleari ta' l-Iran, li ġie ppubblikat fit-3 ta' Diċembru 2007 u l-istqarrija (stqarrija għall-istampa 2007/22) mid-Direttur Ġenerali ta' l-AIEA dwar din il-kwistjoni,

-   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 61/176 tad-19 ta' Diċembru 2006 ta' l-Assemblea Ġenerali tan-NU u, b'mod partikulari, ir-Riżoluzzjoni 62/168 ta' l-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar il-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Islamika ta' l-Iran, adottata fit-18 ta' Diċembru 2007,

-   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni ta' l-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar moratorju fuq il-piena tal-mewt, adottata fit-18 ta' Diċembru 2007,

-   wara li kkunsidra t-Tieni laqgħa interparlamentari bejn il-PE u l-Iran li saret f'Teheran mis-7 sad-9 ta' Diċembru 2007,

-  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  A.   billi l-Artikolu IV tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni Nukleari jiddikjara "li xejn f'dan it-Trattat m'għandu jiġi interpretat li jaffetwa lid-dritt inaljenabbli tal-Partijiet kollha għat-Trattat li jiżviluppaw riċerka, produzzjoni u użu ta' enerġija nukleari għal skopijiet paċifiċi bla diskriminazzjoni u bi qbil ma' l-Artikoli I u II ta' dan it-Trattat",

B.  billi l-Iran s'issa għadu ma ssospendiex l-attivitajiet kollha relatati ma' l-arrikkiment u mar-riproċessar u għadu ma implimentax il-Protokolli Addizzjonali tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni Nukleari, kif intalab mir-Riżoluzzjonijiet 16967/2006, 1737/2006 u 1747/2007 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU sabiex jerġa' jagħti kunfidenza fin-natura kompletament paċifika tal-programm tiegħu,

C.   billi d-Direttur Ġenerali ta' l-AIEA, is-Sur ElBaradei, fl-aħħar rapport (GOV/207/58) tal-15 ta' Novembru 2007, innota li sar progress fl-implimentazzjoni tas-salvagwardji ta' l-AIEA fl-Iran u li l-Iran ipprovda aktar informazzjoni dwar l-aspetti ta’ l-imgħoddi tal-programm nukleari tiegħu; billi, madankollu, enfasizza li hemm bżonn ta' aktar koperazzjoni biex tiġi spjegata l-attività attwali, inklużi t-traċċi ta' uranju arrikkit ħafna li sabu l-ispetturi fis-siti nukleari, u billi ħeġġeġ lill-Iran biex jimplimenta l-protokoll addizzjonali malajr kemm jista' jkun,

D. D.  billi f'taħditiet mal-kap ta' l-AIEA, Mohamed El Baradei, f'Teheran fit-12 ta' Jannar 2008, il-mexxejja Iranjani qablu li fi żmien erba' ġimgħat iwieġbu għall-bqija tal-mistoqsijiet dwar l-attivitajiet nukleari tal-pajjiż fl-imgħoddi,

E.  billi fl-Estimi tas-Servizzi ta' Intelliġenza ta' l-Istati Uniti (US NIE), publikati fit-3 ta' Diċembru 2007, ġie stabbilit li l-Iran, wara li waqqaf il-programm tiegħu għall-armi nukleari fl-2003, kien għadu ma reġax bdieh sa nofs l-2007, minkejja l-preokkupazzjonijiet li jirrigwardaw l-arrikkiment ta' l-uranju u l-użu potenzjali tiegħu fil-ġejjieni għall-armi nukleari; billi, wara l-pubblikazzjoni ta' dan l-NIE, l-azzjoni militari prevenetiva kontra l-Iran qabel tmiem it-terminu ta' Bush bħala President ta' l-Istati Uniti ma baqgħetx titqies bħala possibilità,

F.  billi l-mexxejja tal-G8, fis-samit annwali tagħhom li sar mis-6 sat-8 ta' Ġunju 2007, enfasizzaw l-importanza li jiġi żviluppat u implimentat mekkaniżmu ta' approċċi multilaterali għaċ-ċiklu tal-fjuwil nukleari bħala alternattiva għall-attivitajiet nazzjonali ta' arrikkiment u riproċessar,

Dwar id-drittijiet tal-bniedem:

G.  billi s-sitwazzjoni fir-Repubblika Islamika ta' l-Iran rigward l-eżerċizzju tad-drittijiet ċivili u l-libertajiet politiċi marret għall-agħar f'dawn l-aħħar sentejn, b'mod partikolari mill-elezzjonijiet presidenzjali ta' Ġunju 2005 'l hawn, minkejja l-fatt li l-Iran impenja ruħu biex jippromwovi u jħares id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali skond l-istrumenti internazzjonali varji f'dan il-qasam,

H.  billi l-għadd ta' eżekuzzjonijiet fl-Iran, inklużi dawk ta' minorenni, u spiss billi jiġu mgħallqa pubblikament, żdied b'mod drammariku f'dawn l-aħħar snin u b'mod partikulari f’dawn l-aħħar xhur,

I.  billi kien hemm każijiet konfermati ta' eżekuzzjonijiet li sikwit saru fil-pubbliku permezz ta' tgħalliq jew tħaġġir, ta' tortura u trattament ħażin ta' ħabsin, ta' użu sistematiku u arbitrarju ta' l-iżolament fit-tul ta' ħabsin, ta' detenzjoni klandestina, ta' applikazzjoni ta' trattament jew ta' kastigi krudili, diżumani u degradanti, fosthom is-swat bil-frosta u l-amputazzjoni, u ta' impunità għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem,

J.  billi żdiedet ir-ripressjoni vjolenti ta’ l-oppożizzjoni politika, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-ġurnalisti, ta’ dawk li jużaw l-internet, ta’ l-għalliema, ta’ l-intellettwali, tan-nisa, ta’ l-istudenti, tat-trejdunjonisti u tal-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi reliġjużi, etniċi, lingwistiċi jew oħrajn,

K.  billi dejjem qed tiżdied id-diskriminazzjoni kontra l-minoranzi bħal ma huma l-Azeri, is-Sufi u s-Sunni, minħabba l-isfond reliġjuż jew etniku tagħhom, u billi dawn il-gruppi jibqgħu jiffaċċjaw ripressjoni tad-drittijiet kulturali u ċivili tagħhom; billi membri ta’ ċerti minoranzi bħall-Ahwasi, il-Kurdi u l-Baluċi jiffaċċjaw saħansitra t-tortura u l-eżekuzzjoni,

L.  billi l-membri tal-komunitajiet reliġjużi tal-Baha'i ma jistgħux jeżerċitaw il-fidi, huma esposti għal persekuzzjoni iebsa u huma mċaħħda minn kważi kull dritt ċivili (eż. dritt għall-propjetà, aċċess għall-edukazzjoni ogħla) u s-siti reliġjużi tagħhom qed ikunu vvandalizzati,

M.  billi bosta attivisti li jiffurmaw parti mill-moviment għad-drittijiet tan-nisa qed ikunu, jew kienu, imħarrka għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-kampanja 'miljun firma' , li għandha l-għan li tikseb ir-revoka ta' liġijiet li jiddiskriminaw kontra n-nisa u li l-pjan tagħha huwa li l-firem jitressqu quddiem il-Parlament Nazzjonali (Majlis), billi l-Iran għadu mhux stat kontraenti tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta’ kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,

N.  billi mijiet ta' professuri tneħħew mill-pożizzjonijiet tagħhom ta' għalliema bl-akkuża li kienu wisq sekolari, u billi numru kbir ta' studenti ġew arrestati wara protesti, bħal dawk li pparteċipaw f'dimostrazzjonijiet fil-Jum Nazzjonali ta' l-Istudenti Universitarji fis-7 ta' Diċembru 2007,

O.  billi r-reġistrazzjoni ta' kandidati għall-elezzjonijiet parlamentari tal-Majlis f'Marzu 2008 għalqet fl-10 ta' Jannar, il-Minsteru ta' l-intern se jħabbar id-deċiżjonijiet mit-22 ta' Jannar, u l-Kunsill Gwardjan, li jissorvelja l-validità ta' l-elezzjonijiet skond il-Kostituzzjoni, għandu d-dritt li jiskwalifika l-kandidati,

Dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Iran:

P.  billi d-Djalogu Komprensiv bejn l-UE u l-Iran ġie sospiż mill-Iran f'Diċembru 2003 u ma saret l-ebda laqgħa fil-qafas tad-Djalogu bejn l-UE u l-Iran dwar id-Drittijiet tal-Bniedem minn Ġunju 2004,

Q.  billi r-relazzjonijiet ta' l-UE ma' l-Iran f'dawn l-aħħar snin ġew ibbażati fuq approċċ minn tliet naħat, ikkaratterizzat minn negozjati dwar Ftehima ta' Kummerċ u Koperazzjoni, djalogu politiku u djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem, u billi dawn it-tliet aspetti ma jistgħux jinfirdu,

Fuq il-kwistjoni nukleari:

1.  Jafferma mill-ġdid li r-riskji tal-proliferazzjoni tal-programm nukleari Iranjan jibqgħu għajn ta’ tħassib serju għall-UE u għall-komunità internazzjonali, kif espress b’mod ċar ħafna fir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1696, 1737, u 1747; għalhekk jiddispjaċih li l-Iran għadu ma kkonformax ruħu ma’ l-obbligi internazzjonali tiegħu li jissospendi l-attivitajiet kollha marbuta ma’ l-arrikkiment u dawk kollha ta’ pproċessar mill-ġdid;

2.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-isforzi ta’l-UE biex issib soluzzjoni negozjata dewwiema dwar il-kwistjoni nukleari ma’ l-Iran u jissottolinja l-irwol essenzjali li jrid jintlagħab mill-Aġenzija Internazzjonali ta’ l-Enerġija Atomika (AIEA);

3.  Jinnota l-progress li sar dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ħidma bejn l-AIEA u l-Iran, u jtenni t-talbiet tiegħu lill-Iran biex ireġġa’ għal li kienet it-trasparenza tal-programm nukleari tiegħu billi jipprovdi tweġibiet kompluti, ċari u kredibbli lill-AIEA, biex jirriżolvi l-kwistjonijiet u l-punti ta’ importanza li għadhom ma ġewx indirizzati dwar dan il-programm, inklużi suġġetti li jista’ jkollhom dimensjoni militari, biex jimplimenta għal kollox id-dispożizzjonijiet tal-Ftehima Komprensiva ta’ Salvagwardja inklużi l-arranġamenti sussidjarji tagħha, u biex jirratifika u jimplimenta l-Protokoll Addizzjonali;

4.  Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għar-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU adottat skond l-Artikolu 41, Kapitolu VII tal-Karta tan-NU; japprova l-konklużjonijiet tal-Kusnill Ewropew ta’ l-14 ta’ Diċembru 2007; jilqa’ b’sodisfazzjon il-ftehima li ntlaħqed fil-laqgħa tal-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin tal-membri permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u tal-Ġermanja, kif ukoll ir-Rappreżentant Għoli ta’ l-UE għall-politika barranija u ta’ sigurtà komuni (CFSP), waqt il-laqgħa tagħhom f'Berlin fit-22 ta’ Jannar 2008 dwar abbozz ta’ riżoluzzjoni ġdid fuq l-Iran li tipprevedi aktar miżuri u l-fatt li l-komunità internazzjonali ssostni approċċ komuni lejn il-kwistjoni;

5.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu li soluzzjoni għall-eskalazzjoni nuklear preżenti hija possibbli u li l-ebda azzjoni militari m’għandha tiġi kkunsidrata; jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-isforzi tad-Direttur Ġenerali ta’l-AIEA Moħammad El-Baradej biex sa Marzu jsolvi ma’ l-Iran il-kwistjonijiet kollha li għadhom ma ġewx solvuti; jistieden lill-Amministrazzjoni ta’ l-Istati Uniti u lill-atturi l-oħra kollha li huma involuti biex jirrinunzjaw għal kull rettorika fuq għażliet militari u politiki ta’ bidla ta’ reġim kontra l-Iran;

6.  Jinnota s-sejbiet riċenti ta’ l-Istima Nazzjonali ta’ l-Intelliġenza (NIE) ta’ l-Istati Uniti dwar il-programm nuklear militari u ċivili ta’ l-Iran; jidhirlu li dawn is-sejbiet jikkonfermaw il-politika ta’ l-UE ta’ approċċ fuq żewġ linji biex tikkonvinċi lill-Iran b’mod diplomatiku biex jikkonforma b’mod sħiħ mat-talbiet ta' l-AIEA biex jabbanduna l-użu militari potenzjali tal-programm ċivili b'manjiera kredibbli u kontrollabbli;

7.  Iħeġġeġ lill-Iran, għalhekk, biex jidħol, mingħajr dewmien, f’serje ġdida ta’ negozjati dwar id-direzzjoni futura tal-programm nukleari tiegħu u biex jissospendi kull attività marbuta ma’ l-arrikkiment; jistieden lill-Istati Uniti, wara s-suċċess diplomatiku tagħha fin-negozjati mal-Korea ta’ Fuq, biex tipparteċipa b’mod dirett fin-negozjati ma’ l-Iran flimkien ma’ l-UE, peress li l-Istati Uniti tinsab f’pożizzjoni li toffri garanziji ta’ sigurtà addizzjonali, b’mod notevoli f’qafas multilaterali taħt l-awspiċi ta’ l-AIEA fi Vjenna;

8.  Jitlob li passi ta’ diżarmament nukleari multilaterali kredibbli billi jiġi msaħħaħ it-Trattat fuq in-Non-Proliferazzjoni ta’ l-Armi Nukleari (NPT), u jistieden lill-UE biex tieħu f’idejha r-responsabilità biex toħroġ in-negozjati dwar id-diżamrmamenti nuklear mill-istaġnar li bħalissa jinsabu fih;

9.  Jisħaq fuq l-importanza li jkun hemm koperazzjoni ma’ l-Istati Uniti, ir-Russja, iċ-Ċina u l-pajjiżi mhux allineati sabiex jiġu meqjusa kunċetti kumplementari bit-tama li tintlaħaq ftehima komprensiva ma’ l-Iran dwar il-faċilitajiet nukleari tiegħu u l-użu tagħhom li tkun tqis il-preokkupazzjonijiet ta’ l-Iran dwar is-sigurtà;

10.  Jidhirlu li ftehima komprensiva bħal din għandha tgħin biex tinkiseb sistena sostenibbli ta’ sigurtà reġjonali li tkun tinkludi lill-Indja, lill-Pakistan u lil potenzi oħra nukleari, u jemmen li l-Iran għandu jassumi r-responsabilitajiet tiegħu bħala attur reġjonali;

11.  Jistieden lill-komunità internazzjonali biex taħseb b’mod serju dwar il-ħolqien ta’ qafas multilaterali ġdid għall-utilizzazzjoni ta’ l-enerġija nukleari u biex tieħu azzjoni b’mod urġenti dwar dan il-qafas li jkun jiggarantixxi provvisti ta’ fjuwil nukleari filwaqt li jkun iċekken kemm jista' jkun ir-riskju tal-proliferazzjoni, kif propost mill-AIEA;

Fuq id-drittijiet tal-bniedem:

12.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu minħabba d-deterjorament tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran matul dawn l-aħħar snin; jappella lill-awtoritajiet Iranjani biex jonoraw l-obbligi tagħhom skond l-istandards u l-istrumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem irratifikati mill-Iran, billi jippromwovu valuri universali u billi jagħtu lill-persuni kollha d-dritt li jeżerċitaw id-drittijiet ċivil u l-libertajiet politiċi tagħhom, u jfakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu fuq il-kwistjoni li ġiet adottata fil-25 ta’ Ottubru 2007;

13.  Jikkundanna bil-qawwa s-sentenzi tal-mewt u l-eżekuzzjonijiet fl-Iran, b’mod partikulari dawk imposti u/jew imwettqa fuq delinkwenti taħt l-età u fuq minorenni, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani biex jirrispettaw is-salvagwardji legali li huma rrikonoxxuti b’mod internazzjonali rigward il-minorenni, bħal m’hi l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

14.  Jinsab imħasseb b’mod profond dwar iż-żjieda drammatika fir-ripressjoni tal-movimenti tas-soċjetà ċivili fl-Iran matul is-sena li għaddiet; jistieden lill-awtoritajiet Iranjani biex iwaqqfu għal kollox ir-ripressjoni ħarxa kontra d-difensuri tad-drittijiet tan-nisa, l-attivisti tal-kampanja tal-‘miljun firma’, il-movimenti ta’ l-istudenti, id-difensuri tad-drittijiet tal-minoranzi, l-intellettwali, l-għalliema, il-ġurnalisti, il-bloggers u t-trejdjunjonisti;

15.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani biex jeliminaw, fil-liġi u fil-prattika, kull forma ta’ tortura u trattament jew kastig krudil, inuman u degradanti, u biex isostni l-proċess xieraq tal-liġi u jġib fi tmiemha l-impunità għall-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-awtoritajiet Iranjani biex jemendaw b’urġenza l-kodiċi penali sabiex jittrasformaw il-moratorju dwar it-tħaġġir għal projbizzjoni definittiva;

16.  Jilqa’ r-riżoluzzjoni ta’ l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottata fit-18 ta’ Diċembru 2007 dwar moratorju fuq il-piena tal-mewt li titlob li jiddaħħal moratorju mad-dinja kollha bħala pass lejn l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt; jistieden lill-Iran biex japplika r-riżoluzzjoni dwar moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet li ġiet adottata dan l-aħħar;

17.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani biex jirrispettaw is-salvagwardji legali li huma rrikonoxxuti b’mod internazzjonali fir-rigward ta’ persuni li jappartienu lil minoranzi reliġjużi, etniċi, lingwistiċi jew xi minoranzi oħra, rikonoxxuti jew mod ieħor; jikkundanna bil-qawwa in-nuqqas ta’ rispett għad-dritttijiet tal-minoranzi u jitlob li l-minoranzi jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet kollha mogħtija mill-Kostituzzjoni Iranjana u mil-liġi internazzjonalip; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani biex jeliminaw, fil-liġi u fil-prattika, kull forma ta’ diskriminazzjoni u vjolazzjonijiet oħra tad-drittijiet tal-bniedem kontra persuni li jappartienu lil minoranzi reliġjużi, etniċi, lingwistiċi jew minoranzi oħra, inklużi, inter alia, Għarab, Azerin, Baluċin, Kurdi, Baħa'in, Insara, Lhud, Sufijin u l-Musulmani Sunniti; jitlob b’mod partikulari li l-projbizzjoni de facto fuq il-prattika tal-fidi Baħa'i titneħħa;

18.  Jikkundanna r-ripressjoni kontra l-opponenti politiċi, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti, il-bloggers, l-għalliema, l-intellettwali, in-nisa, l-istudenti, it-trejdjunjonisti, u persuni li jappartienu lil minoranzi reliġjużi, etniċi, lingwistiċi u minoranzi oħra; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani biex iġibu iwaqqfu milli jkomplu l-fastidju, l-intimidazzjoni u l-persekuzzjoni ta’ dawn iċ-ċittadini, u biex mingħajr kundizzjonijiet jeħilsu lill-priġunieri tal-kuxjenza;

19.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ikomplu bl-eżami tagħhom tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran u biex iressqu quddiem il-Parlament fl-ewwel nofs ta’ l-2008 rapport komprensiv fuq is-sitwazzjoni, inklużi proposti għal proġetti li jistgħu jkunu ffinanzjati fil-qafas ta' l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem;

20.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-forzi politiċi demokratiċi kollha u għas-soċjetà ċivili, b’mod speċjali għall-assoċjazzjonijiet tan-nisa u ta’ l-istudenti li qed jagħmlu kampanji non-vjolenti fl-Iran, minkejja r-ripressjoni dejjem akbar, għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem;

21.  Jistenna li l-awtoritajiet Iranjani jeżerċitaw ir-responsabilità tagħhom għall-proċedura ta’ skrining tal-kandidati għall-elezzjonijiet nazzjonali li se jsiru dalwaqt b’tali mod li jkun iggarantit li jkunu ħielsa u ġusti;

Fuq ir-relazzjoni bejn l-UE u l-Iran:

22.  Jissottolinja li l-konklużjoni ġejjiena possibbli ta’ Ftehima ta’ Koperazzjoni u Kummerċ bejn l-Iran u l-UE tiddependi minn titjib sostanzjali fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem ta’ l-Iran kif ukoll mill-koperazzjoni sħiħa ta’ l-Iran ma’ l-AIEA u minn garanziji objettivi rigward in-natura paċifika tal-programm nukleari tiegħu;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq komunikazzjoni fuq is-sitwazzjoni u l-perspettivi tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Iran u jħeġġeġ liż-żewġ naħat biex jibdew mill-ġdid id-djalogu fuq id-drittijiet tal-bniedem, b'mod parallel man-nagozjati għal-Ftehima ta' Koperazzjoni u Kummerċ, li jistgħu jiġu konklużi jekk l-Iran tagħmel il-progress meħtieġ fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u dwar il-kwistjoni nukleari;

24. Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi delegazzjoni fl-Iran sabiex tippromwovi d-djalogu ma’ l-awtoritajiet u mas-soċjetà ċivili u biex tintensifika l-kuntatti li jikkonċernaw, b’mod notevoli, l-għajnuna lir-rifuġjati u l-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi;

25.  Jagħti istruzzjonijiet lill-Presidenti tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tas-CFSP, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti ta’ l-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lill-Kummissjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Kap tal-Qorti Suprema ta’ l-Istat ta’ l-Iran, u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Iżlamika ta’ l-Iran.