MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
28.1.2008
- –Lívia Járóka, f'isem il-Grupp PPE-DE
- –Jan Marinus Wiersma, Hannes Swoboda, Katalin Lévai, Adrian Severin u Jan Andersson, f'isem il-Grupp PSE
- –Viktória Mohácsi u Alfonso Andria, f'isem il-Grupp ALDE
- –Elly de Groen-Kouwenhoven, Milan Horáček u Gisela Kallenbach, f’isem il-Grupp Verts/ALE
- –Giusto Catania, Vittorio Agnoletto, Mary Lou McDonald u Dimitrios Papadimoulis, f'isem il-Grupp GUE/NGL
- –PPE-DE (B6‑0050/2008)
- –ALDE (B6‑0051/2008)
- –Verts/ALE (B6‑0052/2008)
- –PSE (B6‑0053/2008)
- –GUE/NGL (B6‑0055/2008)
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Strateġija Ewropea għar-Roma
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 3, 6, 7, 29 u 149 tat-Trattat KE, li jobbliga lill-Istati Membri sabiex jiżguraw opportunitajiet indaqs għaċ-ċittadini kollha,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-Trattat KE, li jippermetti lill-Komunità Ewropea li tieħu azzjoni xierqa biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni minħabba l-oriġini razzjali jew etnika,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2005 dwar is-sitwazzjoni tar-Roma fl-Unjoni Ewropea, ir-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-1 ta' Ġunju 2006 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa Roma fl-Unjoni Ewropea u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2007 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet tal-libertà tal-moviment u tar-residenza taċ-ċittadini ta' l-Unjoni u l-membri tal-familji tagħhom fit-territorju ta' l-Istati Membri,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/43/KE li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità u d-Direttiva 2000/78/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, kif ukoll id-Deċiżjoni ta' qafas dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija,
– wara li kkunsidra r-Rapport dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija fl-Istati Membri ta' l-UE għall-2007, ippubblikat mill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali,
– wara li kkunsidra l-istabbiliment fl-2005 ta' L-Għaxar Snin ta' l-Inklużjoni tar-Roma u ta' Fond għall-Edukazzjoni għar-Roma minn numru ta' Stati Membri ta' l-UE, pajjiżi kandidati u pajjiżi oħra li l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea għandhom preżenza sinifikanti fihom,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta' Qafas tal-Kunsill ta' l-Ewropa għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali u l-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,
– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni komprensiv, adottat mill-Istati parteċipanti ta' l-OSCE, fosthom l-Istati Membri ta' l-UE u l-pajjiżi kandidati, li hu ffukat fuq it-titjib tal-qagħda tar-Roma u s-Sinti fiż-żona ta' l-OSCE, fejn l-Istati jintrabtu fost l-oħrajn li jsaħħu l-isforzi tagħhom bil-għan li jiġi żgurat li r-Roma u s-Sinti jkunu jistgħu jieħdu sehem sħiħ u ndaqs fis-soċjetajiet tagħna, kif ukoll biex tinqered id-diskriminazzjoni kontrihom,
– wara li kkunsidra l-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali, u l-Istatut ta' l-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Esperti Konsulenti ta' Livell Għoli dwar l-Integrazzjoni Soċjali tal-Minoranzi Etniċi u s-Sehem Sħiħ tagħhom fis-Suq tax-Xogħol, intitolat 'Minoranzi Etniċi fis-Suq tax-Xogħol - Sejħa Urġenti għal Inklużjoni Soċjali Aħjar', li kien ġie ppubblikat mill-Kummissjoni Ewropea fl-2007,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi hemm bejn 12 u 15-il miljun Roma joqogħdu fl-Ewropa, li madwar 10 miljuni minnhom joqogħdu fl-Unjoni Ewropea, li jbatu minn diskriminazzjoni razzjali u f'bosta każijiet huma suġġetti għal diskriminazzjoni strutturali serja, għall-faqar u għall-esklużjoni soċjali, kif ukoll għal diskriminazzjoni multipla minħabba s-sess, l-età, id-diżabilità u l-orjentazzjoni sesswali; billi maġġoranza tar-Roma Ewropej saru ċittadini ta' l-UE wara t-tkabbir ta' l-2004 u dak ta' l-2007, biex b'hekk bdew jibbenefikaw mid-dritt taċ-ċittadini Ewropej u l-familji tagħhom li jiċċaqilqu liberament fit-territorju ta' l-Istati Membri,
B. billi r-Roma Ewropej, li storikament ilhom parti mis-soċjetà f'ħafna pajjiżi Ewropej u kkontribew ħafna għaliha, jinsabu f’sitwazzjoni li hija distinta minn dik tal-minoranzi nazzjonali Ewropej, u b'hekk tiġġustifika miżuri speċifiċi fil-livell Ewropew,
C. jiddeplora l-fatt li ċ-ċittadini tar-Roma fl-Unjoni Ewropea ta' spiss iħabbtu wiċċhom ma' diskriminazzjoni razzjali fl-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali tagħhom bħala ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea għall-moviment ħieles u l-istabiliment,
D. billi ħafni individwi u komunitajiet Roma li ddeċidew li jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru ta' l-UE li hu differenti minn dak tac-cittadinanza nazzjonali taghhom huma f'sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli;
E. filwaqt li jirrikonoxxi n-nuqqas ta' progress fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni razzjali mar-Roma u fid-difiża tad-drittijiet tagħhom fl-edukazzjoni, fl-impjieg, fis-saħħa u fid-djar, kemm fl-Istati Membri kif ukoll fil-pajjiżi kandidati,
F. billi segregazzjoni fl-edukazzjoni tkompli tkun ittollerata fl-Istati Membri ta' l-UE; billi jiġi rikonoxxut li diskriminazzjoni bħal din fl-aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità qiegħda taffettwa b'mod persistenti l-abilità tat-tfal tar-Roma biex jiżviluppaw u jgawdu d-drittijiet tagħhom għal żvilupp edukattiv,
G. billi jeżistu kundizzjonijiet ta' għajxien inferjuri u maħmuġin u hemm evidenza ta' gettizzazzjoni kull fejn tħares, bir-Roma li b'mod regolari huma vittmi ta’ tkeċċija sfurzata jew ma jitħallewx joħorġu minn inħawi bħal dawn,
H. billi, bħala medja, il-komunitajiet tar-Roma jħabbtu wiċċhom ma' livelli għolja u inaċċettabbli ta' qgħad, tant li jinħtieġu miżuri speċifiċi biex jitħaffef l-aċċess għall-impjiegi; filwaqt li jenfasizza li s-suq Ewropew tax-xogħol, kif ukoll is-soċjetà Ewropea kollha kemm hi, jibbenefikaw bil-kbir bl-inklużjoni tar-Roma,
I. billi l-UE toffri bosta mekkaniżmi u għodod differenti li jistgħu jintużaw biex jitjieb l-aċċess tar-Roma għal edukazzjoni ta' kwalità għolja, l-impjiegi, id-djar u s-saħħa, b'mod partikolari l-inklużjoni soċjali u l-politiki reġjonali u ta' l-impjiegi,
J. waqt li jirrikonoxxi li l-inklużjoni soċjali tal-komunitajiet tar-Roma hu għan li għad irid jintlaħaq u li l-istrumenti ta' l-UE jeħtieġ li jintużaw sabiex tintlaħaq bidla effettiva u viżibbli f'dan il-qasam,
K. jirrikonoxxi l-ħtieġa li tiġi żgurata parteċipazzjoni effettiva tar-Roma fil-ħajja politika, partikolarment fir-rigward tad-deċiżjonijiet li jaffettwaw il-ħajja u l-benesseri tar-Roma,
L. billi l-Anti-żingariżmu jew ir-Romafobija għadha mifruxa ma' l-Ewropa u hija mħeġġa u użata mill-partiti politiċi ultra-nazzjonalisti u mill-partiti tal-lemin, li jwasslu għal attakki razzisti, diskorsi ta' mibegħda, attakki fiżiċi, tkeċċija mhux legali u fastidju min-naħa tal-pulizija,
M. billi l-maġġoranza tan-nisa Roma jiffaċċjaw diskriminazzjoni doppja bħala Roma u bħala nisa,
N. billi l-Olokawst tar-Roma (Porajmos) jistħoqqlu rikonoxximent sħiħ li huwa proporzjonat għall-gravità tad-delitti Nazisti li kellhom l-għan li jeliminaw fiżikament ir-Roma ta' l-Ewropa kif ukoll il-Lhud u gruppi oħra fil-mira;
1. Jikkundanna għal kollox u mingħajr ekwivoki l-forom kollha ta' razziżmu u diskriminazzjoni li jiffaċċjaw ir-Roma u oħrajn meqjusa bħala “Żingari”;
2. Jilqa' b'sodisfazzjon il-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' l-14 ta' Diċembru 2007, li "konxju mill-qagħda tassew speċjali li jħabbtu wiċċhom magħha r-Roma fl-Unjoni kollha, jistieden lill-Istati Membri u lill-Unjoni biex jużaw il-mezzi kollha biex itejbu l-inklużjoni tagħhom" u "jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina l-politiki u l-istrumenti eżistenti u biex tagħmel rapport lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar sa tmiem Ġunju 2008."
3. Jikkunsidra li l-UE u l-Istati Membri għandhom responsabilità konġunta biex jippromwovu l-inklużjoni tar-Roma u jipproteġu d-drittijiet fundamentali tagħhom bħala ċittadini Ewropej, u jeħtieġu b'mod urġenti li jżidu l-isforzi tagħhom biex jiksbu riżultati li jidhru f'dan il-qasam; jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet ta' l-UE biex japprovaw il-miżuri meħtieġa sabiex jinħoloq l-ambjent soċjali u politiku adegwat biex tiġi implimentata l-inklużjoni tar-Roma;
4. Iħeġġeġ sabiex l-Aġenzija ġdida ta' l-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali tqiegħed l-Anti-żingariżmu fost il-prijoritajiet l-aktar għolja tal-programm ta' ħidma tagħha;
5. Jafferma mill-ġdid l-irwol importanti ta' l-UE fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni kontra r-Roma li ħafna drabi hi strutturali u għalhekk teħtieġ approċċ komprensiv fil-livell ta' UE waqt li jirrikonoxxi li l-kompetenzi kruċjali u l-investiment primarju tar-rieda politika, tal-ħin u tar-riżorsi fil-ħarsien, tal-promozzjoni u l-awtorizzazzjoni tar-Roma jinsab għand il-gvern nazzjonali ta' l-Istati Membri;
6. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżviluppa Strateġija ta' Qafas Ewropea dwar l-Inklużjoni tar-Roma bl-għan li jkun hemm koerenza fil-politika fil-livell ta' UE dwar l-inklużjoni soċjali tar-Roma u fl-istess ħin iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tfassal b’mod komprensiv Pjan ta' Azzjoni Komunitarju għall-Inklużjoni tar-Roma bl-għan li jipprovdi għajnuna finanzjarja għat-twettiq ta' l-objettivi ta' l-Istrateġija ta' Qafas Ewropea dwar l-Inklużjoni tar-Roma;
7. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tistabbilixxi unità tar-Roma li jikkoordina l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' Qafas Ewropea dwar l-Inklużjoni tar-Roma, sabiex tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, tikkoordina l-azzjonijiet konġunti bejn l-Istati Membri, u tiżgura l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet tar-Roma fil-korpi relevanti kollha;
8. Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattivi mħabbra mill-Kummissjoni, inklużi t-tħabbir ta' komunikazzjoni dwar l-istrateġija riveduta għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, il-green paper li ser toħroġ dalwaqt dwar l-edukazzjoni ta' studenti li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni jew li jagħmlu parti minn minoranza żvantaġġata, u l-intenzjoni li jittieħdu miżuri addizzjonali biex jiġi żgurat l-infurzar tad-Direttiva 2004/43/KE; b'mod partikolari jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta li jitwaqqaf forum ta' livell għoli għar-Roma, bħala struttura għall-iżvilupp ta' politiki effettivi biex jiġu ttrattati l-kwistjonijiet tar-Roma;
9. | Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex teżamina l-opportunitajiet li jsaħħu l-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni fil-qasam ta' l-edukazzjoni, b'enfasi fuq it-tneħħija tas-segregazzjoni u sabiex tirrapporta s-sejbiet tagħha lill-Parlament fi żmien sena wara l-adozzjoni ta' din ir-riżoluzzjoni; itenni li l-aċċess ugwali għal edukazzjoni ta' kwalità għandu jkun prijorità fi ħdan strateġija Ewropea dwar ir-Roma; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex terġa' tirdoppja l-isforzi tagħha biex tiffinanzja u tappoġġja azzjonijiet fl-Istati Membri li jfittxu li jintegraw lit-tfal tar-Roma fis-sistema tradizzjonali ta' l-edukazzjoni sa minn età żgħira; | iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tappoġġja programmi li jsaħħu azzjoni pożittiva għar-Roma fl-oqsma ta' l-edukazzjoni sekondarja u ogħla, inklużi t-taħriġ vokazzjonali, l-edukazzjoni għall-adulti, it-tagħlim matul il-ħajja kollha u l-edukazzjoni universitarja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tappoġġja programmi oħra li jipprovdu mudelli pożittivi u ta' suċċess tan-nuqqas tas-segregazzjoni; |
10. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tappoġġja l-integrazzjoni tar-Roma fis-suq tax-xogħol permezz ta' miżuri li jinkludu għajnuna finanzjarja għat-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid, miżuri li jsaħħu azzjoni pożittiva fis-suq tax-xogħol, infurzar rigoruż tal-liġijiet kontra d-diskriminazzjoni fil-qasam ta' l-impjieg, u miżuri biex jitħeġġeġ l-impjieg ta' persuni li jaħdmu għal rashom għar-Roma u għal negozji żgħar tar-Roma;
11. Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-possibilità ta' skema ta' mikrokreditu kif proposta fir-rapport ta' l-2007 tal-Grupp ta' Esperti Konsulenti ta' Livell Għoli, biex titħeġġeġ it-tnedija ta' negozji żgħar u biex tiġi sostitwita l-prattika ta' l-użura li qed tfarrak ħafna komunitajiet żvantaġġati;
12. Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jappoġġjaw programmi nazzjonali sistematiċi bl-għan li s-sitwazzjoni tas-saħħa tal-komunitajiet tar-Roma titjieb; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex itemmu u jirranġaw b'mod adegwat mingħajr dewmien l-esklużjoni sistematika ta' ċertu komunitajiet tar-Roma mill-kura tas-saħħa, inklużi imma mhux limitati għall-komunitajiet f'żoni ġeografikament iżolati u kif ukoll l-abbużi estremi fuq id-drittijiet tal-bniedem fis-sistema tal-kura tas-saħħa, fejn dawn seħħew jew qed iseħħu, inkluża s-segregazzjoni razzjali fil-faċilitajiet tas-saħħa u l-isterilizzazzjoni furzata tan-nisa tar-Roma;
13. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tibni fuq mudelli pożittivi eżistenti ħalli tappoġġja programmi bl-għan li jtemmu kwartieri foqra tar-Roma, li joħolqu riskji gravi soċjali, ambjentali u oħrajn ta' saħħa, f'dawk l-Istati Membri fejn jeżistu, u sabiex tappoġġja programmi oħra li jipprovdu mudelli pożittivi u ta' suċċess ta' djar għar-Roma, inklużi l-migranti tar-Roma;
14. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jallinjaw il-politika ta’ l-UE dwar ir-Roma ma’ l-Għaxar Snin ta' l-Inklużjoni tar-Roma u sabiex jagħmlu użu mill-inizjattivi eżistenti bħall-Fond għall-Edukazzjoni tar-Roma, il-Pjan ta' Azzjoni OSCE u ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' l-Ewropa biex iżidu l-effikaċja ta' l-isforzi tagħhom f'dan il-qasam;
15. Jenfasizza l-importanza ta' l-involviment ta' l-awtoritajiet lokali biex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva ta' l-isforzi li qed isiru biex tiġi promossa l-inklużjoni tar-Roma u biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni;
16. Jistieden lill-Istati Membri biex jinvolvu lill-komunità tar-Roma fil-livell tan-nies komuni, sabiex il-persuni Roma jingħataw il-possibilità li jibbenefikaw b'mod sħiħ mill-inċentivi pprovduti mill-UE għall-inizjattivi kollha mmirati lejn il-promozzjoni tad-drittijiet tagħhom u l-inklużjoni tal-komunitajiet tagħhom, sew jekk fil-qasam ta' l-edukazzjoni, jew ta' l-impjiegi jew tal-parteċipazzjoni ċivika, minħabba l-fatt li sabiex l-integrazzjoni tkun suċċess, għandha tinvolvi approċċ axxendenti u responsabilitajiet konġunti; jenfasizza l-importanza li jkunu żviluppati r-riżorsi umani u l-kapaċitajiet professjonali tar-Roma, bl-għan li ssir promozzjoni ta’ l-involviment ar-Roma fl-amministrazzjoni pubblika fil-livelli kollha, inklużi l-istituzzjonijiet Ewropej;
17. Ifakkar li l-pajjiżi kandidati kollha impenjaw ruħhom, fil-proċess tan-negozjati u ta' l-adeżjoni, li jtejbu l-inklużjoni tal-komunitajiet tar-Roma u jippromwovu d-drittijiet tagħhom għall-edukazzjoni, l-imjieg, il-kura tas-saħħa u d-djar; jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel evalwazzjoni ta' l-implimentazzjoni ta' dawk l-impenji u tas-sitwazzjoni attwali tar-Roma fl-Istati Membri kollha ta' l-UE;
18. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet relevanti sabiex jieħdu l-passi meħtieġa kollha biex ineħħu r-razzett fejn ixaħħmu l-ħnieżer mill-post fejn qabel kien hemm kamp ta' konċentrament f'Lety (fir-Repubblika Ċeka) u joħolqu tifkira li turi rispett għall-vittmi tal-persekuzzjoni;
19. Jikkunsidra li l-Parlament Ewropew għandu jeżamina f'iktar dettall aspetti differenti ta' l-isfidi tal-politika Ewropea fir-rigward ta' l-inklużjoni tar-Roma;
20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati, lill-Kunsill ta’ l-Ewropa u lill-OSCE.