MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
10.3.2008
- –José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Stefano Zappalà, Karl von Wogau, Urszula Gacek u Tunne Kelam, f'isem il-Grupp PPE-DE
- –Ana Maria Gomes, f'isem il-Grupp PSE
- –Annemie Neyts-Uyttebroeck, f'isem il-Grupp ALDE
- –Ģirts Valdis Kristovskis, Ryszard Czarnecki, Adam Bielan, Hanna Foltyn-Kubicka, u Ewa Tomaszewska, f'isem il-Grupp UEN
- –Raül Romeva i Rueda u Angelika Beer, f'isem il-Grupp Verts/ALE
- –Tobias Pflüger, f'isem il-Grupp GUE/NGL
- –ALDE (B6‑0063/2008)
- –Verts/ALE (B6‑0064/2008)
- –PPE-DE (B6‑0065/2008)
- –UEN (B6‑0070/2008)
- –GUE/NGL (B6‑0074/2008)
- –PSE (B6‑0109/2008)
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Kodiċi ta’ Kondotta ta’ l-UE rigward it-Trasferimenti ta’ l-Armi – in-nuqqas min-naħa tal-Kunsill li jadotta l-Pożizzjoni Komuni u jibdel din il-Kodiċi fi strument li jorbot legalment
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fl-2008 l-Kodiċi ta' Kondotta Ewropea dwar l-Esportazzjoni ta' l-Armi se tiċċelebra l-għaxar anniversarju tagħha,
B. billi iktar minn sentejn ilu, fit-30 ta' Ġunju 2005, il-Coreper qabel fil-livell tekniku dwar it-test tal-Pożizzjoni Komuni bħala riżultat ta' proċess magħmul bir-reqqa biex tiġi riveduta l-Kodiċi ta' Kondotta ta' l-UE dwar it-Trasferimenti ta' l-Armi bil-għan li l-Kodiċi tinbidel fi strument effikaċi għall-kontroll ta' l-esportazzjoni ta' l-armi mit-territorju ta' l-UE u minn kumpaniji ta' l-UE,
C. billi bl-adozzjoni ta' din il-Pożizzjoni Komuni l-Kodiċi se ssir strument għall-kontroll ta' l-esportazzjoni ta' l-armi li jkun jorbot legalment lill-Istati Membri kollha ta' l-UE,
D. billi l-Parlament laqa' b'sodisfazzjon kbir din il-Pożizzjoni Komuni f'diversi okkażjonijiet, fost l-oħrajn fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Jannar 2007 dwar is-Seba' u t-Tmien Rapporti Annwali tal-Kunsill skond id-Dispożizzjoni Operattiva 8 tal-Kodiċi ta' Kondotta ta' l-Unjoni Ewropea dwar l-Esportazzjoni ta' l-Armi[1],
E. billi l-Kunsill Ewropew sa mill-2005 madankollu naqas milli jadotta din il-Pożizzjoni Komuni fil-livell politiku,
F. billi r-raġunijiet għal dan qatt ma ġew spjegati b'mod uffiċjali imma huma marbuta b'mod ċar max-xewqa ta' wħud mill-Istati Membri ta' l-UE li jneħħu l-embargo attwali ta' l-armi li hemm fis-seħħ min-naħa ta' l-UE kontra r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina,
G. billi din il-kwistjoni saret aktar urġenti minħabba dawn l-iżviluppi li ġejjin:
- (i)l-iffirmar tat-Trattat ta' Liżbona, li jobbliga lill-UE li jkollha sehem bħala parteċipanta responsabbli b'mod globali,
- (ii)il-Politika Ewropea ta' Sigurtà u Difiża (l-ESDP) li qiegħda tiżviluppa, u li permezz tagħha qegħdin jintbagħtu aktar u aktar missjonijiet esterni militari u ċivili, u li fihom l-istaff ta' l-UE jista' jkun mhedded b'armi li jkunu ġew ipprovduti mill-Istati Membri ta' l-UE;
(iii) dikjarazzjonijiet reċenti mill-Istati Membri ta' l-UE li juru r-rieda min-naħa tagħhom li jżidu l-esportazzjoni ta' l-armi bħala għodda għall-promozzjoni ta' l-interessi ekonomiċi,
- (iv)diversi inizjattivi sabiex jiġu armonizzati l-politiki nazzjonali għall-akkwist ta' l-armi kif ukoll it-trasferimenti u l-bejgħ intrakomunitarji ta' l-armi,
H. billi, minkejja l-isforzi pożittivi tal-COARM (Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar l-Armi) sabiex ikomplu jittejbu l-Kodiċi u l-applikazzjoni tagħha, dan ix-xogħol qiegħed jiġi mfixkel sew mill-esportazzjonijiet ta' l-armi mill-Istati Membri ta' l-UE lejn pajjiżi li jinsabu f'sitwazzjoni ta' kunflitt, f'instabilità jew nuqqas ta' rispett tad-drittijiet tal-bniedem, u li huma meqjusa bħala "destinazzjonijiet irresponsabbli" skond il-Kodiċi ta' Kondotta,
I. billi n-nuqqas ta' rieda politika biex il-Kodiċi ta' Kondotta tinbidel f'Pożizzjoni Komuni jmur kontra l-irwol ta' tmexxija ta' l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha fil-promozzjoni ta' strumenti legali li għandhom l-għan li jikkontrollaw it-trasferimenti kollha ta' l-armi, kemm pubbliċi kif ukoll privati, b'mod partikolari t-Trattat dwar il-Kummerċ fl-Armi,
1. Jiddeplora l-impass politiku attwali rigward l-adozzjoni ta' din il-Pożizzjoni Komuni, fid-dawl ta' l-għaxar anniversarju tal-Kodiċi;
2. Jistieden lill-Presidenza Slovena biex tqiegħed l-adozzjoni ta' dik il-Pożizzjoni Komuni bħala punt permanenti fl-aġenda tal-laqgħa ta' kull Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali sakemm din il-kwistjoni tiġi riżolta;
3. Iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri ta' l-UE li jopponu Kodiċi ta' Kondotta li tkun torbot legalment sabiex jerġgħu jikkunsidraw il-pożizzjoni tagħhom;
4. Jemmen li l-kredibilità tal-kontribuzzjoni ta' l-UE għal Trattat dwar il-Kummerċ fl-Armi li jorbot b'mod internazzjonali tiżdied sew hekk kif ir-reġim tagħha stess dwar il-kontroll ta' l-armi jsir jorbot legalment;
5. Hu konvint ukoll li, flimkien ma' l-adozzjoni tal-Pożizzjoni Komuni, għandha tittieħed azzjoni sabiex, fost l-oħrajn:
- (a)jiġu evitati trasferimenti irresponsabbli ta' armi permezz ta' applikazzjoni stretta tal-kriterji tal-Kodiċi kemm għall-kumpaniji u kif ukoll għall-forzi armati nazzjonali;
- (b)jiġu mtejba u applikati l-kontrolli ta' l-intermedjarji, u jiġi evitat li jkun hemm traffikar illegali ta' armi bl-ajru u bil-baħar;
- (c)tiġi żgurata investigazzjoni immedjata ta' allegazzjonijiet reċenti dwar il-ksur ta' embargos ta' l-armi;
- (d)jiġi evitat li jsir bejgħ, lil intermedjarji privati, ta' armi miġbura matul operazzjonijiet ta' l-ESDP u l-SSR u matul inizjattivi oħra ta' l-UE, u t-trasferiment sussegwenti tagħhom;
- (e)jiġu mtejba t-trasparenza u l-kwalità tad-dejta ppreżentata mill-Istati Membri fil-kuntest tar-Rapport Annwali fuq il-Kodiċi ta' Kondotta;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali kollha ta' l-UE.
- [1] Test adottati, P6_TA(2007)0008.