Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B6-0080/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B6-0080/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA

20.2.2008

imressqa skond l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura minn
dwar il-provinċja ta’ Kivu tat-Tramuntana

Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B6-0080/2008
Testi mressqa :
RC-B6-0080/2008
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-provinċja ta’ Kivu tat-Tramuntana

Il-Parlament Ewropew,

  • -wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Jannar 2008 dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK) u l-istupru bħala reat tal-gwerra, u wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,
  • -wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni ta’ l-Assemblea Parlamentari Konġunta tat-22 ta’ Novembru 2007 dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, b’mod partikulari fil-Lvant tal-pajjiż, u l-impatt fuq ir-reġjun,
  • -wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-15 ta’ Novembru 2007 dwar ir-rispons ta’ l-Unjoni Ewropea għas-sitwazzjonijiet fraġli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw,
  • -wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Otturbu 2007 lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu “Lejn reazzjoni ta’ l-UE għal sitwazzjonijiet ta’ fraġilità- l-involviment f’ambjenti diffiċli għall-iżvilupp sostenibbli, l-istabilità u l-paċi (COM(2007)0643) u d-dokument ta’ ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni li huwa mehmuż mal-Komunikazzjoni (SEC(2007)1417),
  • -wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 60/1 ta' l-24 ta' Ottubru 2005 ta’ l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar ir-riżultati tas-Samit globali ta' l-2005 u, b'mod partikulari, il-paragrafi 138 sa 140 tiegħu dwar ir-responsabiltà tal-protezzjoni,
  • -wara li kkunsidra l-Artikolu 115 (5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
  • A.billi, mill-1998, il-kunflitt li qed jolqot ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo qatel ħames miljun u erba’ mitt elf persuna, u billi qed iwassal, b’mod dirett jew indirett, għall-mewt ta' 1500 persuna kuljum,
  • B.billi l-ġlied bejn l-armata Kongoliża, ir-ribelli tal-Ġeneral megħlub Laurent Nkunda u l-ġellieda tal-Forzi Demokratiċi għal-liberazzjoni ta’ l-Irwanda (FDLR) ilhom xhur twal jikkawżaw tbatija enormi għall-popolazzjoni ċivili tar-reġjun ta’ Kivu tat-Tramuntana,
  • C.billi f’dawn l-aħħar 18-il xahar twettqu massakri, stupri ta’ tfajliet, ta’ ommijiet u ta’ nanniet, kien hemm reklutaġġ sfurzat ta’ persuni ċivili u ta’ suldati tfal kif ukoll għadd kbir ta' atti vjolenti u ta’ attentati gravi oħra kontra d-drittijiet tal-bniedem fil-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, kemm mit-truppi ribelli ta’ Laurent Nkunda kif ukoll mill-ġellieda ta’ l-FDLR u l-armata Kongoliża nnifisha,
  • D.billi l-MONUC għandha mandat, taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, li jawtorizzaha biex tuża l-mezzi kollha meħtieġa biex ixxekkel kull attentat ta' l-użu tal-forza li jhedded il-proċess politiku min-naħa ta’ kwalunkwe grupp armat, Kongoliż jew barrani, b’mod partikulari mill-ex-FAR u l-Interhamwes, u biex tiżgura l-ħarsien tal-persuni ċivili li qed jiffaċċjaw it-theddida imminenti tal-vjolenza fiżika,
  • E.billi fil-25 ta' Marzu 2007 r-rappreżentant speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo ħabbar li se jintbagħtu osservaturi biex jissorveljaw il-waqfien mill-ġlied fit-territorji kollha li qabel kienu okkupati mill-gruppi armati, u li l-istaff militari u ċivili fl-uffiċċju ta’ l-MONUC ġewwa Goma se jissaħħaħ,
  • F.wara li kkunsidra l-wegħdiet dwar id-demobilizzazzjoni progressiva u dwar l-introduzzjoni ta’ waqfien mill-ġlied, magħmula fit-23 ta' Jannar 2008 fil-Konferenza għall-Paċi, għas-Sigurtà u għall-Iżvilupp li saret f’Goma, liema wegħdiet kienu jinkludu waqfien mill-ġlied mill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt, id-diżarm tal-forzi kollha mhux governattivi, ir-ritorn u l-installazzjoni mill-ġdid tal-persuni kollha spustjati fil-Lvant tar-RDK, kif ukoll it-twaqqif ta’ mekkaniżmu temporarju għall-kontroll tal-waqfien mill-ġlied,
  • G.billi d-dettalji prattiċi ta’ din id-demobilizzazzjoni għadhom ma ġewx iċċarati mill-Kummissjoni teknika konġunta għall-paċi u għas-sigurtà, taħt il-ko-presidenza tal-gvern u tal-medjatur internazzjonali dwar dan l-impenn,
  • H.wara li kkunsidra l-involviment fil-ġlied ta’ l-FDLR, li l-ġellieda tiegħu kienu ħadu rifuġju fir-reġjun,
  • I.wara li kkunsidra li l-armata Kongoliża m’għandhiex ir-riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji meħtieġa biex twettaq il-ħidma tagħha fit-provinċja ta’ Kivu tat-Tramuntana, u li din hija r-raġuni ewlenija għaliex l-armata tirrappreżenta theddida għall-popolazzjoni, minflok forza li taħdem għas-servizz tal-popolazzjoni u favur il-paċi,
  • J.billi huwa neċessarju li tinstab soluzzjoni politika għall-kriżi tal-provinċja ta’ Kivu tat-Tramuntana, li jiġu konsolidati l-paċi u d-demokrazija, li jkun hemm promozzjoni ta’ l-istabilità u ta’ l-iżvilupp fir-reġjun, għall-benessri tal-popli kollha tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar,
  • K.wara li kkunsidra l-laqgħa li saret bejn il-ministri ta’ l-affarijiet barranin tal-Kongo u ta’ l-Irwanda f’Settembru 2007, fil-qafas tar-riżoluzzjoni tal-kunflitt fil-provinċja ta’ Kivu tat-Tramuntana,
  • L.wara li kkunsidra l-laqgħa li saret f’Beni bejn it-28 u t-30 ta’ Jannar 2008, taħt il-ko-presidenza ta’ Chikez Diemu u ta’ Crispus Kiyonga, il-Ministri tad-Difiża tar-RDK u ta’ l-Uganda rispettivament,
  • M.wara li kkunsidra li, mill-aħħar ta’ l-2006, il-kunflitt li qed jolqot lir-RDK wassal ukoll biex madwar 400,000 persuni jkunu sfurzati jaħarbu minn djarhom, u billi bħalissa hemm total ta' 800,000 persuna spustjata fil-provinċja ta' Kivu tat-Tramuntana,
  • N.billi l-gwerra ċivili, li ilha għaddejja għal tliet snin, kienet karatterizzata mis-sakkeġġ sistematiku tar-rikkezzi tal-pajjiż mill-alleati u mill-għedewwa tal-Gvern Kongoliż,
  • O.billi, sabiex ikun hemm titjib sinifikanti fil-qasam tas-saħħa u tnaqqis fir-rata tal-mortalità fir-RDK b’mod ġenerali u fil-provinċja ta’ Kivu tat-Tramuntana b’mod partikulari, se jkunu meħtieġa bosta snin ta’ impenn sod u investiment finanzjarju sostanzjali, kemm min-naħa tal-Gvern Kongoliż kif ukoll min-naħa tal-komunità internazzjonali,
  • P.billi fit-3 ta' Frar 2008, terremot ta’ forza 6 fuq l-iskala Richter affettwa r-reġjun tal-Lagi l-Kbar u, b’mod partikulari, il-bliet ta’ Bukavu u ta’ Goma, kif ukoll l-inħawi tagħhom, li diġà kienu milquta b’mod qawwi mill-kunflitti, u dan wassal għal imwiet, persuni midruba u ħsarat materjali importanti,
  • Q.billi bosta organizzazzjonijiet umanitarji kellhom jissospendu l-attivitajiet tagħhom wara l-ostilitajiet fl-aħħar ta’ l-2007, filwaqt li ċ-ċentri tas-saħħa m’għandhomx provvisti jew ġew abbandunati mill-istaff,
  • R.billi l-organizzazzjoni Médecins Sans Frontières (MSF) irrappurtat li fil-provinċja ta’ Kivu tat-Tramuntana, il-popolazzjonijiet lokali u spustjati qed isiru dejjem aktar dgħajfa, u li l-ġlied li għadu għaddej mhux qed iħalli lis-servizzi ta' l-għajnuna jkollhom aċċess għal ċerti żoni li jeħtieġu l-ikel u l-għajnuna medika b'mod urġenti,
  • S.billi bħalissa n-nutriment fqir huwa aspett ieħor tal-vulnerabiltà estrema tal-popolazzjoni tal-provinċja ta’ Kivu tat-Tramuntana, u billi l-istatistika meħuda mill-programmi ta' l-għajnuna medika tal-Médecins Sans Frontières tagħti indikazzjoni allarmanti tal-livell tan-nuqqas ta’ ikel f’Kivu tat-Tramuntant, fattur li jnissel biża’ dwar dawk il-familji li ma jistgħux jintlaħqu mill-għajnuna,

1.  Jesprimi l-istmerrija qawwija tiegħu rigward il-massakri u r-reati kontra l-umanità li ilhom jitwettqu għal snin twal wisq fil-provinċja ta' Kivu tat-Tramuntana, u jitlob lill-awtoritajiet nazzjonali u internazzjonali kompetenti kollha sabiex, b’mod sistematiku, ifittxu lill-persuni ħatja u jressquhom quddiem il-Qorti, huma min huma, u jitlob lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex, b’mod urġenti, jieħu l-miżuri kollha possibbli sabiex b’mod ġenwin ma jitħallewx isiru aktar attakki fuq il-popolazzjonijiet ċivili tal-provinċja ta’ Kivu tat-Tramuntana;

2.  Jinnota li, minkejja l-mandat wiesa’ tagħha, l-MONUC ma kelliex riżorsi biżżejjed biex tkun tista’ tipprevjeni dawn il-massakri, l-istupri, is-sakkeġġ, ir-reklutaġġ sfurzat tal-persuni ċivili u tas-suldati tfal u għadd enormi ta’ atti oħra ta’ vjolenza u ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u għalhekk jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jiżguraw li t-tisħiħ reċenti tal-MONUC iwassal għal titjib sinifikanti fis-sigurtà tal-popolazzjonijiet tal-provinċja ta' Kivu tat-Tramuntana, u jekk dan ma jkunx il-każ, sabiex b’mod urġenti jitlob lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex jagħti lill-MONUC il-mezzi biex twettaq il-missjoni tagħha, l-ewwelnett il-ħarsien effettiv u dejjiemi tal-popolazzjoni ċivili tar-reġjun;

3.  Jitlob li ma jkun hemm l-ebda tolleranza tal-vjolenza sesswali fir-rigward tal-bniet u tan-nisa, fattur li jintuża bħala arma tal-gwerra, u jitlob kastigi ħorox kontra l-persuni ħatja minn dawn ir-reati; ifakkar fl-importanza ta’ l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa riproduttiva f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt u fil-kampijiet tar-rifuġjati;

4.  Jilqa' bi pjaċir, wara li qies il-ħtieġa li tinstab soluzzjoni politika għall-kunflitt li qed jolqot lill-Lvant tar-RDK, il-fatt li qed issir il-Konferenza għall-Paċi ta' Goma; jenfasizza, madankollu, minkejja n-nuqqas notevoli ta' rappreżentanti ta' Interhamwes (FDLR), il-fraġilità tal-wegħdiet ta' demobilizzazzjoni u ta' l-impenn għall-waqfien mill-ġlied li saru fit-23 ta' Jannar 2008 fit-tmiem ta' din il-Konferenza, u jkompli għalhekk iħeġġeġ lill-atturi kollha f'dan il-konflitt biex jaħdmu bla waqfien għall-paċi u biex jieqfu mill-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi internazzjonali umanitarja, biex iwaqqfu kull attakk dirett fuq persuni ċivili u biex jippermettu li l-organizzazzjonijiet umanitarji jkunu jistgħu jgħinu lill-popolazzjoni ċivili;

5.  Ifakkar li d-dettalji prattiċi ta' din id-demobilizzazzjoni għad iridu jiġu preċiżati fil-qafas tal-Kummissjoni Teknika Konġunta għall-Paċi u s-Sigurtà taħt il-kopresidenza tal-Gvern tar-RDK u tal-faċilitazzjoni internazzjonali ta' dan l-impenn, u jitlob għalhekk li din il-Kummissjoni tiġi kostitwita kemm jista' jkun malajr biex jiġu finalizzati l-kwistjonijiet ta' demobilizzazzjoni;

6.  Jilqa' bi pjaċir il-laqgħa li saret bejn il-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Kongo u ta' l-Irwanda f'Settembru 2007 u jitlob lill-awtoritajiet Irwandiżi biex jinolvu ruħhom konkretament fid-diversi tentattivi ta' riżoluzzjoni tal-kunflitt fil-provinċja ta' Kivu tat-Tramuntana, partikolarment fir-rigward tal-proċedimenti legali, tad-diżarm, tad-demobilizzazzjoni u tar-ripatrijazzjoni ta' l-Interhamwes preżenti fil-provinċja ta' Kivu tat-Tramuntana;

7.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni Ewropea biex jirrilaxxaw il-fondi ta' emerġenza, minħabba s-serjetà estrema tal-qagħda umanitarja li jridu jiffaċċjaw il-popolazzjonijiet tal-provinċja ta' Kivu tat-Tramuntana mhux biss minħabba l-kunflitti li għadhom qed jolqtu lir-reġjun tagħhom imma anke minħabba t-terremot tat-3 ta' Frar li għadda, u biex jgħassu li l-ħaddiema umanitarji jkunu jistgħu iwettqu l-missjoni tagħhom fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli;

8.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex, b'effett immedjat, jimplimentaw programm ta' għajnuna medika fuq skala kbira għall-popolazzjonijiet ċivili tal-Lvant tar-RDK, fil-prospettiva tas-sodisfazzjoni tal-bżonnijiet immedjati u fil-prospettiva ta' rikostruzzjoni li hemm bżonn tiġi antiċipata;

9.  Jitlob li jiġu implimentati b'mod effettiv mekkaniżmi ta' kontroll, bħall-proċess ta' Kimberley, f'dak li għandu x'jaqsam maċ-ċertifkazzjoni ta' l-oriġini tar-riżorsi naturali importati fis-suq ta' l-UE;

10.  Jitlob lill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, u kif ukoll lil kull Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea, biex jagħtu għajnuna speċifika intenzjonata għall-popolazzjonijiet tal-Lvant tar-RDK;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-missjoni ta' l-Unjoni Ewropea fil-provinċja ta' Kivu tat-Tramuntana, prevista għax-xahar ta' Marzu 2008, biex tirraporta lura lilu;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Afrikana, lir-Rappreżentant Għoli tas-CFSP, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta’ l-Istati Membri, lis-segretarju ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kummissjoni tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU, lill-President kif ukoll lill-parlament u lill-gvern tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, lill-President kif ukoll lill-parlament u lill-gvern tar-Repubblika ta' l-Irwanda.