MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
20.2.2008
- –José Ribeiro e Castro, Jacek Protasiewicz, Urszula Gacek, Charles Tannock, Jerzy Buzek, Bernd Posselt, Eija-Riitta Korhola, Tunne Kelam, Tadeusz Zwiefka, Árpád Duka-Zólyomi, Christopher Fjellner, f'isem il-Grupp PPE-DE
- –Pasqualina Napoletano, Jan Marinus Wiersma, Justas Vincas Paleckis, Andres Tarand, Genowefa Grabowska, f'isem il-Grupp PSE
- –Janusz Onyszkiewicz, Jules Maaten, Marios Matsakis, f'isem il-Grupp ALDE
- –Konrad Szymański, Hanna Foltyn-Kubicka, Adam Bielan, Wojciech Roszkowski, Ryszard Czarnecki, Ewa Tomaszewska, Janusz Wojciechowski, Zbigniew Krzysztof Kuźmiuk, Mieczysław Edmund Janowski, Inese Vaidere, Marcin Libicki, f'isem il-Grupp UEN
- –Elisabeth Schroedter, Milan Horáček, f'isem il-Grupp Verts/ALE
- –ALDE (B6‑0081/2008)
- –PSE (B6‑0087/2008)
- –UEN (B6‑0088/2008)
- –PPE-DE (B6‑0091/2008)
- –Verts/ALE (B6‑0098/2008)
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Belarus
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-qagħda fil-Belarus, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' April 2006,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea f'Novembru 2006 dwar ir-rieda min-naħa ta' l-Unjoni Ewropea biex iġġedded ir-relazzjoni tagħha mal-Belarus u l-poplu tiegħu fi ħdan il-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (ENP),
– wara li kkunsidra l-Premju Sakharov għal-libertà tal-ħsieb, li ngħata mill-PE lill-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti tal-Belarus f'Diċembru 2004 u lil Aleksander Milinkevich f'Diċembru 2006,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Parlament Ewropew ikkundanna bosta drabi l-falliment ta' l-elezzjonijiet presidenzjali, parlamentari u politiċi fil-Belarus u innota li r-reġim ta' Lukashenko huwa totalment nieqes mil-leġittimità demokratika u jkompli bħala l-aħħar dittatur fl-Ewropa,
B. billi l-Parlament Ewropew stieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex iressqu proposti biex jagħmlu pressjoni ulterjuri fuq ir-reġim ta' Lukashenko f'organizzazzjonijiet internazzjonali u talab li jitressaq pakkett sħiħ ta' sanzjonijiet konkreti u diretti - li jolqtu ħafna lil dawk li qed iwettqu l-oppressjoni mingħajr ma jżidu aktar tbatija liċ-ċittadini tal-Belarus,
C. billi l-Parlament Ewropew ikkundanna b'mod partikolari l-fatt li d-demokrazija lokali, li hija fundamentali f'kull treġija demokratika u li tesprimi r-rieda ta' persuni ordinarji li jiksbu t-tamiet u l-aspettattivi ġenwini tagħhom, ma kinitx ikkunsidrata u anzi kienet injorata fil-Belarus,
D. billi l-pressjoni politika u amministrattiva kontinwa fuq organizzazzjonijiet mhux governattivi fil-Belarus, qed thedded l-eżistenza tagħhom u ddgħajfilhom l-indipendenza,
E. billi f'Jannar kien hemm serje ta' protesti ta' imprendituri f'Minsk, u l-mexxejja ta' dawn id-dimostrazzjonijiet ġew miżmuma u bosta drabi msawta,
F. billi dan l-aħħar seħħew żviluppi pożittivi dwar il-ħolqien tad-Delegazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea f'Minsk,
1. Jiddispjaċih ħafna li s-sitwazzjoni tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u ta' l-istat tad-dritt mhijiex titjieb fil-Belarus; jinnota li arresti arbitrarji kontinwi ta' membri tas-soċjetà ċivili u attivisti ta' l-oppożizzjoni, b'mod partikolari ż-żamma temporanja ta' Aleksander Milinkevich, u s-sikkatura fuq il-midja indipendenti, tmur kontra r-retorika tal-Gvern tal-Belarus rigward ix-xewqa tiegħu li jtejjeb ir-relazzjonijiet ma' l-Unjoni Ewropea;
2. Jesprimi d-dispjaċir tiegħu dwar is-sentenza ta' tliet snin ħabs għall-ġurnalist Aliaksandr Zdzvizhkou, u jqis li l-kastig huwa iebes iżżejjed, kif ukoll jistieden lill-Gvern tal-Belarus biex jerġa' jikkunsidra din id-Deċiżjoni;
3. Jieħu nota tal-ħelsien riċenti ta' bosta attivisti ta' l-oppożizzjoni demokratika inklużi l-mexxejja taż-'Żgħażagħ tal-Front Popolari tal-Belarus u l-Qawmien Żagħżugħ', fl-istess ħin jikkundanna l-arresti ta' dawn l-attivisti, li ġew miżmuma għal 15-il-jum fil-ħabs u kienu se jitkeċċew mill-università, wara d-dimostrazzjonijiet paċifiċi tas-16 ta' Jannar 2008 f'Minsk biex jiġi ċċelebrat il-jum ta' solidarjetà u jitfakkru l-attivisti ta' l-oppożizzjoni tal-Belarus li ġew arrestati u l-familji ta' persuni prominenti fil-Belarus li sfaw nieqsa;
4. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Belarus biex jilliberaw immedjatament u mingħajr kondizzjonijiet il-priġunier politiku li fadal, Alyaksandr Kazulin, u jieqfu jużaw l-intimidazzjoni, il-fastidju, l-arresti mmirati u l-prosekuzzjonijiet politikament motivati kontra l-attivisti ta' l-oppożizzjoni demokratika u s-soċjetà ċivili fil-Belarus;
5. Jilqa' b'sodisfazzjon l-iżviluppi riċenti dwar il-ftehimiet biex tiġi stabbilita d-Delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea f'Minsk bħala pass pożittiv lejn it-tiġdid tad-djalogu ma' l-Unjoni Ewropea; iħeġġeġ il-Kummissjoni biex tuża l-potenzjal sħiħ mill-ftuħ tad-Delegazzjoni;
6. Ifakkar li f'Novembru 2006 l-Unjoni Ewropea ddikjarat li lesta ġġedded ir-relazzjoni tagħha mal-Belarus u l-poplu tiegħu fi ħdan il-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (ENP) hekk kif l-Gvern tal-Belarus juri rispett għall-valuri demokratiċi u għad-drittijiet bażiċi tal-poplu tal-Belarus;
7. Jenfasizza li sabiex jinvolvi ruħu fi kwalunkwe djalogu sostanzjali ma' l-UE, il-Belarus jeħtieġ jimplimenta l-kondizzjonijiet li fadal, stipulati fin-'non-paper' bit-titlu X'tista' tagħmel l-UE lill-Belarus, li tinkludi l-ħelsien tal-priġunieri politiċi kollha, it-tneħħija tal-pieni tal-mewt, l-assigurazzjoni ta' midja ħielsa, l-indipendenza tal-ġudikatura kif ukoll ir-rispett għall-valuri demokratiċi u għad-drittijiet bażiċi tal-poplu tal-Belarus;
8. Jinkundanna l-fatt li l-Belarus huwa l-aħħar pajjiż fl-Ewropa li għadu jipprattika l-piena tal-mewt, li tmur kontra l-valuri Ewropej;
9. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Belarus biex ineħħu d-Digriet Nru 70 tat-8 ta' Frar 2008, li d-dispożizzjonijiet tiegħu jiksru d-dritt ta' l-edukazzjoni taċ-ċittadini tal-Belarus billi joħolqu xkiel meta jippruvaw jidħlu fl-istituzzjonijiet ta' l-edukazzjoni ogħla;
10. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Belarus biex jimplimentaw l-istandards ta' l-OSCE fl-organizzazzjoni ta' l-elezzjonijiet parlamentari li ġejjin maħsuba għat-28 ta' Settembru 2008; jistieden lill-gvern biex jagħti aċċess lir-rappreżentanti ta' l-oppożizzjoni demokratika għall-kummissjonijiet ta' l-elezzjoni distrettwali, jagħti r-reġistrazzjoni lill-kandidati parlamentari kollha u l-osservaturi tagħhom, u ma joħloqx xkiel biex il-missjoni ta' osservazzjoni ta' l-elezzjonijiet tkun kompluta u sħiħa;
11. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jieħdu passi ulterjuri lejn il-faċilitazzjoni u l-liberalizzazzjoni tal-proċeduri tal-viża għaċ-ċittadini tal-Belarus, għaliex dan biss jista' jgħin biex jitwettaq l-għan ewlieni tal-politika ta' l-UE lejn il-Belarus, jiġifieri li jiġu ffaċilitati u intensifikati l-kuntatti bejn il-popli u biex il-pajjiż ikollu d-demokrazija; iħeġġiġhom f'dan il-kuntest biex iqisu l-possibilitajiet li jneħħu l-ispiża tal-viża għaċ-ċittadini tal-Belarus li jkunu deħlin fiż-żona ta' Schengen, li huwa l-unika mod kif jiġi evitat li l-Belarus u ċ-ċittadini tiegħu jkunu aktar iżolati;
12. Jistieden lill-Istati Membri fiż-żona ta' Schengen biex jużaw l-għodda kollha disponibbli (l-ispejjeż tal-viża nazzjonali) biex jiffaċilitaw il-moviment taċ-ċittadini tal-Belarus fi ħdan it-territorju ta' kull Stat Membru;
13. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill kif ukoll il-komunità internazzjonali bħala entità sħiħa biex jagħtu aktar appoġġ lis-soċjetà ċivili tal-Belarus u, b'mod partikolari, biex tiżdied l-għajnuna finanzjarja lill-midja indipendenti, lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi u lill-istudenti tal-Belarus li jistudjaw barra l-pajjiż; jilqa' b'sodisfazzjon l-appoġġ finanzjarju mogħti mill-Kummissjoni lill-Università ta' l-istudji Umanistiċi ta' l-Ewropa f'Vilnius (il-Litwanja); jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex iqisu l-għoti ta' appoġġ finanzjarju għall-proġett eżistenti mmirat lejn il-ħolqien ta' l-istazzjon tat-televiżjoni indipendenti 'Belsat' fil-Belarus;
14. Jesprimi s-solidarjetà ma' l-oppożizzjoni demokratika magħquda tal-Belarus u l-mexxejja tal-moviment demokratiku, Aleksander Milinkevich, u ċ-ċittadini kollha tal-Belarus li qed jirsistu għal Belarus indipendenti, miftuħ u demokratiku bbażat fuq l-istat tad-dritt; iħeġġeġ lill-mexxejja ta' l-oppożizzjoni biex juri għaqda u determinazzjoni bejniethom fl-elezzjonijiet parlamentari li ġejjin;
15. Jiddeplora d-deċiżjoni ta' l-awtoritajiet tal-Belarus li ripetutament ċaħdu visas ta' dħul lill-Membri tal-Parlament Ewropew u l-parlamentari nazzjonali f'dawn l-aħħar sentejn; jistieden lill-awtoritajiet tal-Belarus biex ma joħolqux xkiel ulterjuri, għad-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-relazzjonijiet mal-Belarus, biex iżuru l-pajjiż u jiksbu esperjenza u jagħmlu osservazzjonijiet diretti fil-Belarus;
16. Jikkundanna r-restrizzjonijiet imposti mill-awtoritajiet tal-Belarus fuq membri tal-kleru barranin bil-għan li jillimitaw l-aċċess tagħhom għall-pajjiż ħalli jaqdu organizzazzjonijiet reliġjużi, u jistieden lill-awtoritajiet tal-Belarus biex iwaqqfu dawn ir-restrizzjonijiet;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u l-gvernijiet ta' l-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Assemblei Parlamentari ta' l-OSCE u tal-Kunsill ta' l-Ewropea, kif ukoll lill-awtoritajiet tal-Belarus.