Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B6-0209/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B6-0209/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA

6.5.2008

imressqa skond l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura minn
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi li ġejjin: dwar il-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku

Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B6-0209/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li b'mod partikulari kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' April 2007 dwar ir-relazzjonijiet transatlantiċi u r-riżoluzzjonijiet tiegħu ta' l-1 ta' Ġunju 2006 dwar ir-rabtiet ekonomiċi bejn l-UE u l-Istati Uniti u dwar il-Ftehima ta' Sħubija Tranżatlantika bejn l-UE u l-Istati Uniti,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Settembru 2007 dwar is-sikurezza tal-prodotti u, l-aktar, tal-ġugarelli,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-bidla fil-klima, b'mod partikulari dawk tas-16 ta' Novembru 2005, tas-26 ta' Ottubru 2006 u ta' l-14 ta' Frar 2007,

–  wara li kkunsidra l-eżitu tas-Samit bejn l-UE u l-Istati Uniti li sar fit-30 ta' April 2007 f'Washington DC, u b’mod partikulari għall-Qafas tiegħu għat-Tmexxija 'l Quddiem ta' l-Integrazzjoni Ekonomika Transatlantika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta u r-rapport ta' progress adottati fl-ewwel laqgħa tal-Kunsill Ekonomiku Transatlatiku (TEC) fid-9 ta' Novembru 2007,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta’ Proċedura,

A.  billi l-Parlament Ewropew u l-Kungress Amerikan it-tnejn kontinwament ħadmu favur it-tlestija tas-suq transatlantiku sa l-2015,

B.  billi l-paċi, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, il-liġi internazzjonali, l-ekonomiji sostenibbli u l-iżvilupp sostenibbli huma valuri komuni li jiffurmaw il-bażi tas-Sħubija Transatlantika li hija s-sinsla tal-politika esterna ta' l-UE u tal-politika ekonomika globali tagħha,

C.  billi l-imsieħba transatlantiċi għandhom irwol ekonomiku dominanti fid-dinja, huma jaqsmu r-responsabilità għall-istat tat-tmexxija ekonomika globali u għas-sejba ta' soluzzjonijiet għall-isfidi ekonomiċi globali;

D.  billi sħubija b'saħħitha u li taħdem bejn l-UE u l-Istati Uniti hija vitali għat-tiswir ta' l-iżvilupp globali biex ikun hemm konformità mal-valuri komuni u fuq il-bażi ta' multilateraliżmu u liġi internazzjonali effettivi; billi jeħtieġ li jkun hemm tmexxija politika b'saħħitha u konsistenti sabiex l-imsieħba jkunu jistgħu jilħqu dan l-objettiv,

1.  Jenfasizza li sħubija transatlantika mill-qrib hija l-istrument ewlieni biex il-globalizzazzjoni tissawwar fl-interess tal-valuri komuni u favur ordni politika u ekonomika dinjija ekwa; itenni l-opinjoni tiegħu li suq transatlantiku kompetittiv u li jiffunzjona huwa l-bażi fuqiex tista' tiġi ankrata fis-sod is-sħubija transatlantika b'mod li l-UE u l-Istati Uniti jkunu jistgħu jindirizzaw flimkien l-isfidi politiċi u ekonomiċi globali;

2.  Jappoġġja bis-sħiħ il-proċess tat-tisħiħ ta' l-integrazzjoni ekonomika transatlantika fis-Samit ta' l-2007 bejn l-UE u l-Istati Uniti bis-saħħa ta' l-adozzjoni tal-'Qafas għat-tmexxija 'l quddiem ta' l-Integrazzjoni Ekonomika Transatlantika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti' u bit-twaqqif ta' Kunsill Ekonomiku Transatlantiku (TEC) li għandu jissorvelja u jħaffef l-isforzi indikati fil-qafas;

3.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni, wara r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew, iddeċidiet li tħejji studju dwar liema ostakli għandhom jeħtieġ li jitneħħew biex jitlesta s-Suq Transatlantiku; jemmen li dan id-dokument għandu jiġi ċċirkulat b'mod estensiv fuq iż-żewġ naħat ta' l-Atlantiku; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li r-riżultat ta' l-istudji dwar it-twaqqif tas-suq transatlantiku jiġi diskuss mal-kumitati parlamentari rilevanti qabel ma wieħed jasal għal konklużjonijiet speċifiċi għal rakkomandazzjonijiet futuri għat-TEC;

4.  Jemmen li għandu jitfassal pjan direzzjonali dettaljat miż-żewġ amministrazzjonijiet tas-Samit UE-SU ta’ l-2009 li juri kif għandu jinkiseb l-impenn għal żmien twil ta’ kull settur biex jitlesta s-Suq Transatlantiku fi ħdan qafas speċfiku;

5.  Japprezza l-progress li sar s'issa mit-TEC biex jidħol għar-responsabilità politika ħalli jiġu identifikati l-prijoritajiet u biex titwitta t-triq għal ftehimiet li jneħħu l-ostakli għall-kummerċ u għall-investiment u biex titkattar il-kompetizzjoni tas-Suq Transatlantiku;

6.  Huwa ta' l-opinjoni li r-riżultati miksuba mit-TEC mindu twaqqaf juru li s-suq transatlantiku ma jistax jinbena biss fuq xogħol amministrattiv, iżda li sabiex jinkiseb dan l-għan tinħtieġ gwida politika b'saħħitha u kontinwa; jinkuraġġixxi lit-TEC sabiex ikompli fl-isforzi tiegħu b'determinazzjoni;

7.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti biex jinżamm il-momentum ta' dan il-proċess matul is-snin elettorali ta' l-2008 u l-2009, u jkun żgurat li ż-żewġ naħat ikomplu jersqu b'ħeffa lejn il-kisba ta' għanijiet komuni u li l-uffiċjali eżekuttivi fuq iż-żewġ naħat jibqgħu impenjati favur il-kisba ta' l-għan aħħari;

8.  Jenfasizza li l-kisba ta' progress konkret, b'mod partikulari, fl-oqsma ta' l-istandards tal-kontabilità, in-negozju tat-titoli, ir-riassigurazzjoni, is-sikurezza ta' l-importazzjoni, id-dikjarazzjoni ta' konformità tal-fornituri u l-importazzjonijiet tat-tajr li jkun għadda minn trattament għat-tnaqqis tal-patoġeni huma l-lista tal-prijoritajiet għal-laqgħa tat-TEC tar-Rebbiegħa 2008; iqis, madankollu, li huwa importanti li f'din ir-riżoluzzjoni tinġibed l-attenzjoni għal diversi kwistjonijiet rilevanti oħra li jeħtieġu li jiġu indirizzati mit-TEC fil-ġejjieni;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinforma lill-Parlament Ewropew bir-riżultati ta' l-istudju mniedi sabiex jiġu identifikati l-benefiċċji tat-tneħħija ta' l-ostakoli għall-kummerċ transatlantiku u għall-investiment, li hu mistenni li jitlesta fl-2008;

Servizzi finanzjarji

10.  Jappoġġja l-istrateġija msemmija fir-Regolament (KE) tal-Kummissjoni Nru 1569/2007 tal-21 ta' Diċembru 2007 li jistabbilixxi mekkaniżmu li jiddetermina l-ekwivalenza ta' l-istandards ta' kontabilità applikati minn emittenti ta' titoli ta' pajjiżi terzi skond id-Direttivi 2003/71/KE u 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u fl-ispirtu ta' l-ittra tas-26 ta' Settembru 2007 mill-Kummissjoni Ewropea lill-Kummissjoni Amerikana tat-Titoli u tal-Kambju (SEC) dwar "Regoli Proposti dwar l-aċċettazzjoni minn emittenti privati barranin ta' rapporti finanzjarji mħejjija b'konformità ma' l-istandards internazzjonali ta' rappurtaġġ finanzjarju mingħajr il-ħtieġa ta' rikonċiljazzjoni mal-GAAP ta' l-Istati Uniti" kif ukoll ir-riżoluzzjoni tagħha dwar l-istess kwistjoni li tenfasizza qabel kollox li "Deċiżjoni mill-Kummissjoni timplika, fil-każijiet kollha, id-dritt għall-emittenti ta' l-UE li jużaw, fi kwalunkwe pajjiż terz, l-Istandards Internazzjonali ta' Rappurtaġġ Finanzjarju (IFRS) kif approvati mill-Unjoni Ewropea";

11.  Jemmen li l-għarfien reċiproku tas-swieq tat-titoli bejn l-Istati Uniti u l-UE jkun pass importanti 'l quddiem li jtejjeb l-effiċjenza tas-Suq Transatlantiku billi jiġi ffaċilitat l-aċċess ta' l-UE u ta' l-Istati Uniti għal Suq Transatlantiku usa' u aktar profond; madankollu jenfasizza li dan il-proġett irid ikun riżultat ta' ftehima bilaterali u li trid tiġi konkluża Ftehima ta' Qafas bejn l-Istati Uniti u l-UE li tqis bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni ta' l-UE dwar is-superviżjoni tas-swieq finanzjarji u li l-Kummissjoni m'għandhiex tħalli li jiġu konklużi ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri u l-Istati Uniti minħabba li dan jista' jipperikola l-kundizzjonijiet indaqs adottati fl-UE;

12.  Jenfasizza li s-salvagwardja ta' l-istabilità finanzjarja hija ta' l-ogħla importanza; ifakkar l-irwol ta' l-IMF f'dan ir-rigward; jisħaq fuq in-nuqqasijiet li qed jenfasizza l-inkwiet finanzjarju, b'mod partikolari il-kriżi li għaddejja bħalissa fis-swieq finanzjarji prinċipali, l-iżbilanċi li dejjem qed jikbru fl-allinjamenti tal-munita u fir-relazzjonijiet kummerċjali, il-kriżi ta' djun li għaddejja bħalissa jew li qed terġa' tixref f'xi wħud mill-pajjiżi l-aktar foqra tad-dinja, u id-differenza dejjem akbar fil-ġid bejn il-pajjiżi u ġewwa fihom; jemmen li t-tisħiħ tal-koperazzjoni bejn awtoritajiet ta' sorveljanza fl-Istati Uniti u dawk fl-Unjoni Ewropea huwa vitali;

13.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-istrateġija tal-Forum għall-Istabilità Finanzjarja (FSF) u ta' l-IMF li jistabbilixxu dijanjosi komuni tat-taqlib finanzjarju u jistenna bil-ħerqa l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ta' politika mill-Grupp ta' Ħidma ta' l-FSF dwar l-Elastiċità ta' l-Istituzzjonijiet u tas-Swieq; madankollu huwa ta' l-idea li din il-ħidma għandha tkun biss komplimentari u m'għandhiex tissostitwixxi r-riflessjonijiet u d-deċiżjonijiet dwar reazzjonijiet xierqa ta' politika ta' l-UE u ta' l-Istati Uniti;

14.  Jistieden lill-Istati Uniti sabiex iżomm lill-UE mgħarrfa bil-progress ta' l-implimentazzjoni tal-qafas Basel II fl-Istati Uniti; ifakkar fl-importanza ta' strateġija koordinata meta jiġu żviluppati jew modifikati r-regoli globali għall-parteċipanti attivi b'mod interbnazzjonali fis-swieq finanzjarji; jemmen, f'dan ir-rigward, li l-implimentazzjoni tal-Basel II fl-Istati Uniti hija importanti ferm sabiex tinżamm il-parità fil-kundizzjonijiet fil-livell globali;

15.  Jilqa' l-ħidma tal-Kungress biex tintroduċi leġiżlazzjoni biex toħloq Uffiċċju Federali ta' Informazzjoni dwar Assikurazzjoni fi ħdan l-Uffiċċju tat-Teżor Amerikan; Jemmen li flimkien mal-"Blue Print" tat-Teżor Amerikan, dan huwa pass importanti lejn l-għarfien reċiproku ta' strateġiji regolatorji għas-servizzi finanzjarji min-naħa għall-oħra ta' l-Atlantiku; jagħraf li għad fadal ħafna li dwaru għad irid jintlaħaq qbil u li l-kollateral tar-riassikurazzjoni għadha kwistjoni ewlenija li għad trid tissolva; jemmen li Solvency II tisseddaq b'mod sinifikattiv b'koperqazzjoni parlamentari eqreb;

Koperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar il-kummerċ u r-regolamentazzjoni

16.  Jenfasizza li biex jinkiseb l-objettiv ta' ħolqien ta' standards uniformi għall-kummerċ u għall-investiment, kif diskuss fil-laqgħa tat-TEC f'Novembru 2007 f'dak li jirrigwarda pjan direzzjonali biex jintlaħaq rikonoxximent reċiproku fl-2009 tal-ftehimiet ta' sħubija kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti, jeħtieġ li jkun garantit livell għoli fl-istandards soċjali, ambjentali u tas-saħħa;

17.  Itenni li għadd ta' l'hekk imsejħa ostakli mhux tariffarji għall-kummerċ u għall-investiment huma msejsa fuq l-attivitajiet konxji tal-korpi leġiżlattivi sabiex jitrawmu objettivi soċjali relatati mas-saħħa li huma kulturali jew ambjentali, u għalhekk m'għandhomx jitneħħew mingħajr att leġiżlattiv ekwivalenti; F'dan ir-rispett, jenfasizza l-irwol kruċjali tal-Parlament Ewropew u tal-Kungress ta' l-Istati Uniti fil-kontroll tal-proċess ta' allinjament ta' l-istandards u t-tneħħija ta' l-ostakli għall-kummerċ u għall-investiment;

18.  Jenfasizza li s-sikurezza ta' prodotti importati għandha ssir prijorità fit-TEC ukoll; huwa ta' l-opinjoni li l-fiduċja ġenerali f'ambjent b'kummerċ miftuħ tiġi appoġġjata biss mill-popolazzjoni jekk is-saħħa u s-sikurezza tagħha jkunu rrispettati; jistieden lill-Kummissjoni dwar is-Sikurezza tal-Prodotti għall-Konsumaturi ta' l-isati Uniti sabiex tuża l-libertà akbar tagħha biex taqsam ma' oħrajn informazzjoni speċifika għal kull każ iżda jipproponi li t-TEC jaħdem favur it-twaqqif ta' strument ta' koperazzjoni li jorbot li jagħti struttura u jiffaċilita il-qsim ta' informazzjoni dwar is-sikurezza tal-prodotti u l-iżvilupp ta' programm komuni ta' azzjonijiet ta' koperazzjoni; Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex isaħħu l-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet tad-dwana u tas-sorveljanza tas-suq ta' l-UE u ta' l-Istati Uniti sabiex, mingħajr piż burokratiku żejjed, ikun żgurat li l-kontrolli fil-fruntieri esterni jkunu adegwati b'mod li prodotti perikolużi, partikolarment ġugarelli perikolużi, ma jitħallewx jaslu għand il-konsumaturi; Jistieden lill-Istati Uniti u lill-Istati Membri ta' l-UE sabiex jiżguraw li jkun hemm infurzar strett tal-liġi dwar is-sikurezza tal-prodott, partikolarment fuq il-ġugarelli, u ispezzjonijiet nazzjonali aktar rigorużi; jenfasizza l-ħtieġa ta' koperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u l-Istati Uniti biex ikun żgurat li ċ-Ċina u pajjiżi terzi oħra jgħollu l-istandards ta' produzzjoni tagħhom sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti minimi ta' sikurezza ta' l-UE u ta' l-Istati Uniti, b'mod partikolari għall-ġugarelli, u biex jikkonvinċu 'l dawn il-pajjiżi li s-sikurezza tal-prodott trid tiġi integrata fil-proċess ta' produzzjoni u distribuzzjoni;

19.  Jappella għal aktar informazzjoni dwar l-Att ta' l-Istati Uniti (aġġornat) dwar is-Sikurezza tal-Prodotti għall-Konsumaturi u jinsab imħasseb li dan l-istrument ġdid se jdaħħal piżijiet regolatorji mhux meħtieġa għall-kumpaniji Ewropej billi jimponi rekwiżiti obligatorji ta' sikurezza b'testijiet imwettqa minn partijiet terzi; iħeġġeġ li d-diskussjoniiet isiru b'għarfien reċiproku sabiex ma jkunx hemm xogħol doppju;

20.  Jinnota li l-kummerċ sikur huwa partikolarment importanti f'ekonomija globali dejjem aktar integrata; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tkompli bl-isforzi tagħha biex tiżgura li r-regolament ta' l-Istati Uniti għall-kontroll tal-merkanzija kollha importata jiġi modifikat biex jissejjes fuq metodu ta' riskju u koperazzjoni bbażat fuq l-għarfien reċiproku ta' 'operaturi ekonomiċi awtorizzati' u ta' standards ta' sigurtà li magħhom taqbel l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (C-TPAT, qafas SAFE), u jitlob lill-Kummissjoni sabiex tappoġġja strateġija li tagħraf l-irwol importanti tas-sidien u l-aġenti ta' tbaħħir Ewropew fuq skala dinjija; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tevalwa l-ispejjeż potenzjali għan-negozji u għall-ekonomija ta' l-UE, tal-miżura li tikkonċerna l-kontroll tal-merkanzija kollha li tidħol fl-Istati Uniti bil-baħar f'kontejners, kif ukoll l-impatt potenzjali fuq l-operat tad-dwana;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex, fejn ikun possibbli, tinnegozja standards globali komuni fi ħdan il-qafas tat-TEC; Jemmen li l-infurzar ta' standards komuni ta' sikurezza tal-vetturi (Regolament Tekniku Globali NU-ECE ) inaqqas konsiderevolment l-ispejjeż għall-industrija tal-karozzi li hija fost l-aktar li tħaddem nies kemm fl-UE kif ukoll fl-Istati Uniti;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex taħdem favur l-adozzjoni formali ta' proċeduri għall-għarfien reċiproku ta' dikjarazzjonijiet ta' konformità għall-prodotti suġġetti għal testijiet obligatorji minn partijiet terzi, l-aktar għall-ICT u għal tagħmir elettriku;

23.  Ikompli jappoġġja lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex tasal għal ftehim reċiproku sabiex prodotti importati jkunu mmarkati b'kejl Imperjali u Metriku u jinsisti dwar il-ħtieġa li jkunu aċċettati l-miżuri ta' kejl miftehma skond l-istandards internazzjonali, partikolarment ta' prodotti mmarkati biss bis-sistema metrika fl-Istati Uniti; iqis li dan l-isforz se jżid l-ekonomiji ta' skala għall-kumpaniji Ewropej, Amerikani u ta' pajjiżi terzi u se jkun partikolarment ta' benefiċċju għall-SMEs;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex isaħħu l-koperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar is-sistema armonizzata globali għall-klassifikazzjoni u l-ittikettar ta' sustanzi u taħlitiet (GHS) fir-rigward ta' l-implimentazzjoni tal-kriterji internazzjonali maqbula mill-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti; iqis li objettiv importanti tas-sistema huwa li jiġi ffaċilitat il-kummerċ u jissaħħaħ il-ħarisen tal-konsumatur, u għal dan il-għan jinsisti li l-GHS tiġi implimentata fl-istess ħin u b'mod kompatibbli fl-UE u fl-Istati Uniti;

25.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-dejta personali saret ingredjent essenzjali ta' ħafna attivitajiet kummerċjali, partikolarment it-telekomunikazzjonijiet elettroniċi; Jinnota li l-valur ekonomiku tad-dejta personali u ta' operazzjonijiet b'valur miżjud ibbażati fuq dejta personali qed jiżdied b'ħeffa; Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tieħu l-inizjattiva, b'koperazzjoni mill-qrib mal-Parlament Ewropew, sabiex telabora prinċipji transatlantiċi dwar il-protezzjoni tad-dejta, flimkien mal-kontroparti tagħha, il-Kummissjoni Federali għall-Kummerċ ta' l-Istati Uniti; Barra minn hekk, jappella għall-elaborazzjoni urġenti ta' standards globali għall-protezzjoni tad-dejta fil-kuntest tat-TEC sabiex ikunu garantiti livell għoli ta' protezzjoni tad-dejta personali u ċertezza legali għall-kumpaniji;

Kwistjonijiet ta' biedja

26.  Jappella għal soluzzjoni urġenti fir-rigward tad-diskussjonijiet li għaddejjin dwar il-projbizzjoni fuq l-importazzjoni fl-UE ta' tjur Amerikan li jkun għadda minn trattamenti ta' tnaqqis ta' patoġeni; jirrikonoxxi l-ħtieġa li jingħataw pariri xjentifiċa xierqa b'attenzjoni għall-ħarsien tal-konsumatur u għall-informazzjoni;

27.  Jemmen li d-deċiżjoni tal-Komunità li tipprojbixxi l-importazzjoni ta' ċanga ttrattata bl-ormoni kienet kompletament ġustifikata fuq il-bażi ta' provi xjentifiċi u jitlob lill-Istati Uniti biex ineħħu s-sanzjonijiet tagħhom minn fuq il-prodotti Ewropej minghajr aktar dewmien;

28.  Jenfasizza l-importanza tal-proċedura unika ta' awtorizzazzjoni għall-ikel u l-għalf kollu li jkun fih il-GMOs b'konformità mal-prinċipju ta' prekawzjoni, u l-importanza ta' l-ittikkettar u t-traċċabilità ta' prodotti ta' ikel u għalf modifikati ġenetikament li jħalli lill-konsumaturi jagħmlu għażla informata;

29.  Jitlob li jkun hemm djalogu dwar il-bidliet reċenti fis-swieq agrikoli, b'mod partikulari fir-rigward tal-bidliet fil-prezzijiet tal-prodotti, ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-Politika Agrikola Komuni ("Kontroll tas-Saħħa fl-UE") u l-US Farm Bill, il-pagamenti anti-ċikliċi, l-importanza li dejjem qiegħda tikber ta' l-iżvilupp rurali, kif ukoll ta' l-istrument ta' konformità reċiproka;

Koperazzjoni fl-enerġija, fl-industrija u fil-politiki xjentifiċi

30.  Jappella sabiex tissaħħaħ il-koperazzjoni strateġika transatlantika fl-enerġija, fl-industrija u fil-qasam tal-politika xjentifika; jenfasizza l-importanza tal-kwistjoni ta' l-enerġija, ta' l-appoġġ għad-diversifikar ta' l-għejun ta' enerġija u r-rotot ta' forniment, tal-garanzija ta' enerġija u infrastruttura sikuri, tal-promozzjoni ta' politiki ta' sigurtà fl-enerġija msejsa fuq is-suq; jinnota d-dibattitu li qed jiżdied fuq iż-żewġ naħat ta' l-Atlantiku dwar is-sistemi għall-iskambju tal-karbonju;

31.  Jenfasizza l-ħtieġa li bejn l-UE u l-Istati Uniti jkun hemm koperazzjoni regolatorja u xjentifika mtejba fil-qasam tal-bijofjuwils u l-bijomassa, billi jiġu promossi, fuq bażi konġunta, għejun alternattivi u sostenibbli għas-settur tat-trasport; iħġġeġ lit-TEC biex ikompli -ħidma tiegħu għall-identifikazzjoni ta' standards komuni mal-Brażil fil-qasam tal-bijofjuwils li jiżguraw l-ogħla livell ta' sostenibilità ambjentali u biex jagħti kas tat-tħassib dwar is-sikurezza globali ta' l-ikel;

WTO, l-Agenda ta' Doha għall-Iżvilupp

32.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex taħdem sabiex tiżgura li t-TEC ikun ta' għajnuna sabiex tintlaħaq konklużjoni pożittiva għall-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp; iqis id-dominanza ta' l-UE u ta' l-Istati Uniti fil-kummerċ dinji (fil-mument 60% tat-total) bħala vantaġġ potenzjali għas-sistema globali ta' kummerċ u għall-qafas komuni tagħha;

33.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tevalwa jekk il-proċedura għas-soluzzjoni ta' tilwim dwar kummerċ bilaterali tistax issir suġġett ta' interess għat-TEC; jinnota, f'dan ir-rigward, li minkejja li tilwimiet kummerċjali kkonċernaw biss 2% tal-kummerċ bejn l-UE u l-Istati Uniti, uħud minn dawn it-tilwimiet huma ferm dannużi u jtellfu ħafna flus;

34.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiddiskuti fit-TEC kif tista' tinstab koerenza akbar bejn il-ftehimiet kummerċjali bilaterali u r-regoli multilaterali tad-WTO, sabiex tiġi ggarantita sistema kummerċjali internazzjonali aktar armonjuża u sempliċi għal kulħadd; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiddiskuti kif jista' jintlaħaq allinjament aħjar bejn l-UE u l-Istati Uniti bl-iffirmar ta' ftehimiet bilaterali ma' pajjiżi terzi rigward miżuri għall-kwalifikazzjoni tal-kummerċ, bħalma huwa dispożizzjoni rigward il-kummerċ u l-ambjent, il-kummerċ u l-istandards soċjali, il-kummerċ u l-liġijiet tal-ħaddiema;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa b'urġenza strateġija komprensiva dwar il-kwistjonijiet Ewropej mhux kummerċjali fit-taħditiet dinjin dwar il-kummerċ, b'mod partikulari dwar klawżoli soċjali u ambjentali, ir-rikonoxximent u l-ħarsien ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi, il-ġid ta' l-annimali, l-istat ta' saħħa ta' prodotti minn annimali u pjanti importati, biex tkun evitata l-kompetizzjoni inġusta kontra l-produtturi Ewropej;

36.  Jitlob lill-Kummissjoni biex titlob lit-TEC sabiex jippreżenta rapport ta' progress dwar l-attivitajiet ta' koperazzjoni dwar l-infurzar ta' l-IPR, inkluż li jħabbar il-passi futuri li jridu jittieħdu sabiex tissaħħaħ il-koperazzjoni fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar u l-ikkuppjar illegali; jappella għal pjan direzzjonali biex ikunu identifikati sforzi biex jiġi ffaċilitat l-għarfien reċiproku tal-liġijiet internazzjonali dwar il-privattivi;

37.  Jistieden lit-TEC biex jappoġġja b'mod attiv id-dikjarazzjoni ta' Doha dwar il-Ftehima TRIPS li tiffaċilita l-aċċess għal mediċini vitali għal dawk il-pajjiżi li m'għandhomx kapaċità produttiva għal prodotti farmaċewtiċi; Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tqajjem il-kwistjoni tal-politika ta' l-Istati Uniti li tinkludi fil-ftehimiet bilaterali negozjati mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw klawsoli li bihom dawk il-pajjiżi jirrinunzjaw għall-użu tad-dispożizzjoni tal-Ftehima ta' Doha fi TRIPS li tippermettilhom jipproduċu u jimportaw mediċini ġeneriċi li huma meħtieġa biex jaffrontaw problemi pubbliċi ta' saħħa kbar (AIDS, tuberkulożi, eċċ);

38.  Iqis li hu kompitu importanti min-naħa ta' l-Ewropa fit-TEC li tikkonvinċi lill-imsieħba transatlantiċi ta' l-Unjoni Ewropea dwar il-ħtieġa li sa l-2012 jissawwar reġim post-Kyoto b'ambitu aktar wiesa', ambizzjuz u li jorbot legalment dwar l-emissjonijiet b'effett ta' serra, u li jitfassal proġett transatlantiku kbir għall-iskambju ta' investiment u teknoloġija fil-qasam ta' produzzjoni ta' l-enerġija sikura u li ma tniġġisx;

L-Iżvilupp Reġjonali

39.  Jenfasizza l-impatt pożittiv li aktar progress fl-integrazzjoni ekonomika transatlantika x'aktarx ikollu fuq l-iżvilupp reġjonali sostenibbli u huwa ta' l-opinjoni li dan il-progress jikkontribwixxi favur l-isforzi tagħna fl-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' Liżbona u jwassal għal koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali; f'dan il-kuntest, jisitieden lill-entitajiet responsabbli ta' l-UE biex jiżguraw li dan il-progress jikkontribwixxi għal żvilupp armonjuż u bbilaċjat tat-territorji kollha ta' l-UE u jqisu l-prinċipju Ewropew ta' aċċess universali għas-servizzi ta' interess ġenerali;

40.  Jistieden liż-żewġ partijiet sabiex jistudjaw il-possibilità li jdħlu fi djalogu ta' politika reġjonali strutturat bejn l-UE u l-Istati Uniti, li jipprovdi mezz xieraq biex jitfittxew modi ġodda fil-politika reġjonali, bl-iskambju ta' prattiki tajba fost l-oħrajn fl-oqsma tar-riċerka u ta' l-iżvilupp, u jiġu studjati mezzi biex jintlaqgħu l-isfidi komuni, bħall-bidla fil-klima u l-prezzijiet ta' l-enerġija;

L-aġenda futura tat-TLD u t-titjib strutturali

41.  Jistieden lid-Djalogu tal-Leġiżlaturi Transatlantiċi biex għal-laqgħat li jmiss tagħhom jinkludu fl-aġenda diskussjoni dwar ir-regolament ta' l-Istati Uniti dwar il-kontroll tal-merkanzija sabiex jiżguraw aktar fehim reċiproku dwar dan is-suġġett bejn il-PE u l-Kungress ta' l-Istati Uniti; Jenfasizza wkoll il-ħtieġa li t-TLD jirrifletti dwar aġenda għad-WTO għal wara Doha, li tinkludi riforma tad-WTO, u jiddiskuti d-drittijiet tal-bniedem, il-klawżoli ambjentali u ta' drittijiet soċjali fi ftehimiet kummerċjali bilaterali, billi jikseb lezzjoni, inter alia, mill-ftehima bilaterali l-aktar riċenti ta' l-Istati Uniti mal-Peru li fiha dispożizzjonijiet dettaljati u nfruzabbli dwar l-istandards fix-xogħol;

42.  Jiġbed l-attenzjoni għall-irwol kruċjali tal-Parlament Ewropew u tal-Kungress Amerikan fl-appoġġ tagħhom għal dan il-momentum u għall-fatt li kwalunkwe ostakoli mhux tariffarji jistgħu biss jitneħħew mil-leġislaturi; jitlob li l-PE għandu jagħmel diskussjoni annwali ppreparata tajjeb dwar il-progress fi kwistjonijiet li jiġu diskussi fi ħdan it-TEC kif ukoll dwar l-istruttura tagħha;

43.  Jappella, għaldaqstant, lill-mexxejja ta' l-UE u ta' l-Istati Uniti u lill-ko-chairpersons tat-TEC sabiex iqisu dan l-irwol kruċjali tal-leġislaturi sabiex il-proċess ikollu suċċess fuq tul taż-żmien, u jħeġġiġhom sabiex jinvolvu bis-sħiħ u b'mod dirett, lir-rappreżentanti tad-Djalogu Tranżatlantiku tal-Leġiżlaturi, fix-xogħol tat-TEC; jagħraf fl-istess ħin l-importanza tal-partijiet interessati min-naħa tan-negozjanti u tal-konsumaturi għall-għoti ta' riflessjoni dwar ix-xogħol tat-TEC, u l-kontribut ta' esperti għalih; huwa ta' l-opinjoni, madankollu, li l-irwol konsultattiv tagħhom għandu jkun iddivrenzjat mill-irwol leġiżlattiv tal-Kungress Amerikan u tal-Parlament Ewropew;

44.  Jinnota t-twaqqif ta' Grupp ta' Konsulenti, magħmul minn rappreżentanti tad-Djalogu Transatlantiku tal-Leġiżlaturi, id-Djalogu Transatlantiku tan-Negozju u tad-Djalogu Transatlantiku tal-Konsumaturi; ifaħħar il-kontribut tal-leġiżlaturi u tal-partijiet interessati għas-suċċess ta' l-ewwel laqgħa tat-TEC f'Novembru 2007; jittama li d-Djalogu tax-Xogħol u d-Djalogu ta' l-Ambjent ikollhom irwol akbar fil-ġejjieni qarib; jappella sabiex il-kapijiet tad-Djalogu Transatlantiku tax-Xogħol (TALD) u tad-Djalogu ta' l-Ambjent jiddaħħlu fil-Grupp ta' Konsulenti;

45.  Itenni x-xewqa tiegħu li jsaħħaħ id-djalogu bejn iż-żewġ parlamenti u jappella għas-sehem minn kmieni tagħhom l-aktar fir-rigward ta' kwalunkwe regoli futuri żviluppati minn entitajiet awtoregolatorji globali sabiex jindirizzaw minn kmieni kwistjonijiet ta' responsabilità politika;

46.  Huwa tal-fehma li dawn issa huma kwistjonijiet ta' natura sostanzjali li jistħoqqilhom li l-parlamentarji nazzjonali jinżammu aġġornati regolarment dwar l-iżviluppi; jitlob lill-President tal-Parlament Ewropew sabiex jiżgura li jiġu stabbiliti mekkaniżmi bħal dawn;

47.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-segretarjat tat-TEC, lill-parlamenti ta' l-Istati Membri u lill-Kungress ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika.