Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B6-0219/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B6-0219/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA

19.5.2008

imressqa skond l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura minn
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi li ġejjin: dwar l-armi ta’ l-uranju (imdgħajjef) u l-effetti tagħhom fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent - lejn projbizzjoni globali fuq l-użu ta’ armi bħal dawn

Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B6-0219/2008
Testi mressqa :
RC-B6-0219/2008
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-armi ta’ l-uranju (imdgħajjef) u l-effetti tagħhom fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent - lejn projbizzjoni globali fuq l-użu ta’ armi bħal dawn

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-effetti ħżiena ta' l-użu ta' l-uranju (inkluż l-uranju mdgħajjef) f'armi konvenzjonali,

–  wara li kkunsidra d-diskors tas-Segretarju Ġenerali tan-NU fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali għall-Prevenzjoni ta’ l-Isfruttament ta’ l-Ambjent fil-Gwerer u l-Kunflitti Armati (6 ta’ Novembru 2002),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni ta’ l-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-5 ta’ Diċembru 2007, li tenfasizza preokkupazzjoni kbira dwar is-saħħa fir-rigward ta’ l-użu ta’ armi ta’ l-uranju mdgħajjef,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-uranju (imdgħajjef) intuża ħafna fil-gwerer moderni, kemm bħala munizzjon kontra objettivi fortifikati f’ambjenti rurali u urbani, kif ukoll bħala protezzjoni ta’ armatura rinfurzata kontra attakki bil-missili u ta’ artillerija,

B.  billi sa minn meta ntuża mill-forzi alleati fl-ewwel gwerra kontra l-Iraq, kien hemm tħassib serju rigward it-tossiċità radjoloġika u kimika tal-partiċelli fini ta’ l-uranju li jiġu prodotti meta dawn l-armi jolqtu objettivi fortifikati; billi tfissru wkoll preokkupazzjonijiet dwar il-kontaminazzjoni ta’ ħamrija u ta’ ilma ta’ taħt l-art minn munizzjon sparat li ma jkunx laqat il-bersall tiegħu u dwar il-konsegwenzi tagħha għall-popolazzjonijiet ċivili,

C.  billi, minkejja l-fatt li sal-lum ir-riċerka xjentifika ma rnexxilhiex issib evidenza konklużiva tal-ħsara, hemm diversi xhieda ta’ l-effetti ta’ ħsara u li spiss iwasslu għall-mewt kemm għall-persunal militari kif ukoll għall-popolazzjoni ċivili,

D.  billi f'dawn l-aħħar snin kien hemm avvanzi kbar fir-rigward ta' l-għarfien tal-perikli ambjentali u għas-saħħa mill-uranju mdgħajjef, u billi issa wasal sew iż-żmien li dan jidher fl-istandards militari internazzjonali, hekk kif jiżviluppaw,

E.  billi l-użu ta’ l-uranju mdgħajjef fil-gwerra jmur kontra r-regoli u l-prinċipji bażiċi mħaddna fil-liġi internazzjonali, umanitarja u ambjentali tradizzjonali u miktuba,

1.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jimxu mal-paragrafu 1 tar-riżoluzzjoni tan-NU adottata fil-5 ta’ Diċembru 2007 u sabiex iressqu rapport bl-opinjonijiet tagħhom dwar l-effetti ta’ l-użu ta’ armamenti u munizzjon li fihom l-uranju mdgħajjef;

2.  Jirrakkomanda lir-Rappreżentant Għoli ta’ l-UE biex fil-verżjoni riveduta ta’ l-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà, jinkludi l-ħtieġa li titqies sew l-utilità fil-ġejjieni tal-munizzjon mhux gwidat kif ukoll tal-bombi tat-tip cluster, tal-mini u ta’ armi oħra b’effett indiskriminat bħall-armi ta’ l-uranju mdgħajjef;

3.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jikkummissjonaw studji xjentifiċi dwar l-użu ta’ l-uranju mdgħajjef fir-reġjuni kollha fejn intbagħat persunal militari u ċivili kemm Ewropew kif ukoll internazzjonali;

4.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri, fi ħdan il-qafas ta’ operazzjonijiet futuri, biex ma jużawx armi ta’ uranju mdgħajjef fl-operazzjonijiet ta’ l-ESDP u sabiex ma jibagħtux persunal militari u ċivili f’reġjuni fejn ma tista’ tingħata l-ebda garanzija li ma ntużax jew li mhux ser jintuża l-uranju mdgħajjef;

5.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jipprovdu informazzjoni sħiħa lill-persunal militari u ċivili tagħhom mibgħuta għal missjonijiet, kif ukoll lill-organizzazzjonijiet professjonali tagħhom, dwar il-probabilità li seta’ ntuża jew li jista’ jintuża l-uranju mdgħajjef fir-reġjun fejn qed joperaw, u sabiex jieħdu biżżejjed miżuri protettivi;

6.  Jistieden lill-Istati Membri, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jistabbilixxu inventarju ambjentali taż-żoni kkontaminati bl-uranju mdgħajjef (inklużi ż-żoni ta' l-ittestjar) u biex jipprovdu appoġġ sħiħ - inkluż appoġġ finanzjarju - għall-proġetti li jistgħu jgħinu l-vittmi u l-qraba tagħhom kif ukoll għall-operazzjonijiet ta' tindif fiż-żoni milquta, jekk jiġi kkonfermat effett negattiv fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent;

7.  Itenni b’insistenza l-istedina tiegħu lill-Istati Membri kollha ta’ l-UE u lill-pajjiżi kollha tan-NATO biex jimponu moratorju fuq l-użu ta’ l-armi ta’ l-uranju mdgħajjef u biex jerġgħu jirduppjaw l-isforzi tagħhom għal projbizzjoni globali, kif ukoll biex iwaqqfu b’mod sistematiku l-produzzjoni u l-akkwist ta’ dan it-tip ta’ armamenti;

8.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kunsill sabiex jieħdu f’idejhom it-tmexxija tal-ħidma għal trattat internazzjonali - permezz tan-NU jew permezz ta’ ‘koalizzjoni ta’ voluntiera’ - biex jistabbilixxu projbizzjoni ta' l-iżvilupp, tal-produzzjoni, tal-ħażna, tat-trasferiment, ta' l-ittestjar u ta' l-użu ta' armi ta' l-uranju kif ukoll tal-qerda jew tar-riċiklaġġ tal-ħażniet eżistenti, jekk tinstab evidenza xjentifika konklużiva tal-ħsara kkawżata minn armi bħal dawn;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta’ l-Istati Membri, lin-NATO u lill-Assemblea Parlamentari tan-NATO, lin-NU u lill-Programm Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Euromil, lill-Organizzazzjoni Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.