MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
16.6.2008
- –José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Charles Tannock, Ria Oomen-Ruijten, Christopher Beazley, Tunne Kelam, f'isem il-Grupp PPE-DE
- –Jan Marinus Wiersma, Hannes Swoboda, Kristian Vigenin, Reino Paasilinna, Adrian Severin, f'isem il-Grupp PSE
- –István Szent-Iványi, f'isem il-Grupp ALDE
- –Daniel Cohn-Bendit, Bart Staes, Hélène Flautre, f'isem il-Grupp Verts/ALE
- –Wojciech Roszkowski, Adam Bielan, Konrad Szymański, Hanna Foltyn-Kubicka, Ryszard Czarnecki, Inese Vaidere, f'isem il-Grupp UEN
- –UEN (B6‑0235/2008)
- –PPE-DE (B6‑0298/2008)
- –ALDE (B6‑0299/2008)
- –PSE (B6‑0300/2008)
- –Verts/ALE (B6‑0301/2008)
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Samit UE-Russja tas-26-27 ta' Ġunju 2008 f'Khanty-Mansiysk
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Ftehima ta’ Sħubija u Koperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri, fuq in-naħa l-waħda, u l-Federazzjoni Russa, fuq in-naħa l-oħra (PCA)[1], li daħlet fis-seħħ fl-1997 u skadiet fl-2007,
– wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' l-Affarijiet Ġenerali tas-26 ta' Ġunju 2008 li japprovaw id-direttivi li jinnegozjaw għal ftehima li tipprovdi qafas komprensiv ġdid għar-relazzjonijiet ta' l-UE mar-Russja,
– wara li kkunsidra l-objettiv ta' l-UE u r-Russja, stabbilit fid-dikjarazzjoni konġunta maħruġa wara l-Laqgħa Għolja ta’ St Petersburg li saret fil-31 ta’ Mejju 2003, biex tiġi stabbilita zona ekonomika komuni, zona komuni ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, zona komuni ta’ koperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà esterna u zona komuni ta’ riċerka u edukazzjoni, inklużi aspetti kulturali,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet ta' l-UE mar-Russja, u b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Novembru 2007[2] dwar is-Samit UE-Russja f'Mafra,
– wara li kkunsidra l-konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja rigward id-drittijiet tal-bniedem, u b’mod partikulari s-seba’ rawnd tagħhom fis-17 ta’ April 2008 rigward il-libertà tal-midja, ta’ l-espressjoni u ta’ l-assemblea, b’mod speċjali fid-dawl ta’ l-elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali reċenti, il-funzjonament tas-soċjetà ċivili, id-drittijiet tal-persuni li jiffurmaw parti minn minoritajiet, il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija u d-drittijiet tat-tfal,
– wara li kkunsidra r-rapport ta' progress ta' l-2007 dwar l-implimentazzjoni taz-Zoni Komuni bejn l-UE u r-Russja, imfassal mill-Kummissjoni,
– wara li kkunsidra r-riżultat tat-tmien laqgħa tal-Kunsill Permanenti tas-Sħubija bejn l-UE u r-Russja rigward il-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja, li saret f'St Petersburg fl-24-25 ta' April 2008,
– wara li kkunsidra l-istqarrija tal-president tad-delegazzjoni tal-PE lill-Kunsill għas-Sħubija u l-Koperazzjoni, wara ż-żjara tal-grupp ta’ ħidma UE-Russja f’Moska fis-17-18 ta’ Marzu 2008,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja kienu qed jiżviluppaw b’mod kontinwu fl-aħħar deċennju, li wasslu għal integrazzjoni u interdipendenza ekonomiċi fil-fond u komprensivi, li mistennija jiżdiedu anki iktar fil-futur qrib,
B. billi l-Unjoni Ewropea u r-Russja, li hija membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, it-tnejn għandhom responsabilità lejn l-istabilità u s-sigurtà globali u billi l-koperazzjoni msaħħa u r-relazzjonijiet tajba ta’ ġirien bejn l-UE u r-Russja għandhom importanza partikulari għall-istabilità, is-sigurtà u l-prosperità fl-Ewropa,
C. billi l-konklużjoni ta’ Ftehima ta’ Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Federazjoni Russa tibqa’ ta’ l-ikbar importanza għall-iżvilupp u l-intensifikazzjoni addizzjonali tal-koperazzjoni bejn iż-żewġ imsieħba,
D. billi n-negozjati dwar Ftehima ta' Sħubija Strateġika bħal din għandhom jibdew kemm jista' jkun malajr fuq il-bażi tal-progress li diġà sar fil-proċess lejn it-twaqqif ta' l-erba' zoni komuni, b'zona ekonomika komuni, zona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, zona tas-sigurtà esterna u zona ta' riċerka, edukazzjoni u kultura; billi l-implimentazzjoni mgħaġġla ta' dawn l-erba' zoni komuni għandha tkun fiċ-ċentru tan-negozjati dwar Ftehima ta' Sħubija Strateġika ġdida,
E. billi wara progress konsiderevoli fir-rigward ta’ l-embargo Russu kontra importazzjonijiet ta’ laħam u prodotti agrikoli oħra mill-Polonja u assigurazzjonijiet fir-rigward ta’ l-għeluq tal-pipeline ta’ Druzhba meqjus mil-Litwanja bħala miżura politika ta’ ritaljazzjoni, eventwalment intlaħaq qbil bejn l-Istati Membri dwar il-finalizzazzjoni ta' mandat ta' negozjar ġdid għal ftehima ġdida li tissostitwixxi l-Ftehima ta' Sħubija u Koperazzjoni attwali (PCC), li skadiet fl-aħħar tas-sena li għaddiet,
F. billi fis-7 ta’ Mejju Dmitri Medvedev kien maħtur formalment bħala President tal-Federazzjoni Russa; billi l-President il-ġdid ħatar bħala Prim Ministru lill-ex President Vladimir Putin, li kien konfermat b'maġġoranza kbira fid-Duma bħala Prim Ministru,
G. billi l-bidliet fit-tmexxija Russa wara l-elezzjonijiet għad-Duma tas-sena l-oħra u l-elezzjonijiet presidenzjali aktar kmieni din is-sena jistgħu jagħtu spinta ġdida lir-relazzjonijiet UE-Russja, lit-titjib fir-relazzjonijiet ma' uħud mill-ġirien l-aktar qrib tagħha u lill-iżvilupp tad-demokrazija u ta' l-istat tad-dritt fir-Russja,
H. billi l-President Russu l-ġdid, Dmitry Medvedev, ikkonferma fid-diskors tiegħu ta' l-inawgurazzjoni, l-impenn tiegħu għat-twaqqif ta' sistema legali matura u effettiva bħala kundizzjoni essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali fir-Russja kif ukoll għaż-żieda ta' l-influwenza tar-Russja fil-komunità internazzjonali u biex ibiddel lir-Russja f'pajjiż iżjed miftuħ għad-dinja u biex iħaffef id-djalogu fuq livell ugwali ma' popli oħra; billi l-President Medvedev għamel l-ewwel pass billi ddigrieta l-ħolqien ta' Kunsill Kontra l-Korruzzjoni, li se jippresedieh hu nnifsu,
I. billi l-adeżjoni rapida tal-Federazzjoni Russa fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) tagħti kontribut sostanzjali għat-titjib addizzjonali tar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn ir-Russja u l-Unjoni Ewropea, dejjem jekk ir-Russja timpenja ruħha b’mod li jorbot b'konformità sħiħa ma' l-impenji u l-obbligi tad-WTO u li timplimentahom,
J. billi s-sigurtà ta’ l-enerġija hi waħda mill-ikbar sfidi għall-Ewropa u waħda mill-oqsma ewlenin ta’ koperazzjoni mar-Russja; billi jridu jsiru sforzi konġunti biex isir użu sħiħ u effiċjenti tas-sistemi ta’ trażmissjoni ta’ l-enerġija, kemm dawk li diġà jeżistu u kemm dawk li jridu jiġu żviluppati iktar; billi d-dipendenza qawwija ta' l-UE fuq il-fjuwils fossili tipperikola l-iżvilupp ta' strateġija Ewropea bbilanċjata, koerenti u bbażata fuq il-valuri fil-konfront tar-Russja,
K. billi dan l-aħħar ir-Russja inkludiet xi wħud mill-ikbar kumpaniji ta’ l-enerġija ta' l-UE fi rwol ta' sħubija strateġika f'bosta proġetti enerġetiċi ewlenin jew ippermettiet lil kumpaniji ta' l-UE li jixtru xi ishma strateġiċi limitati f'kumpaniji Russi; billi ż-żamma taċ-ċertezza legali u tad-drittijiet tal-proprjetà hija essenzjali biex jinżamm il-livell attwali ta’ l-investiment barrani fir-Russja,
L. billi l-kwistjonijiet dwar il-kundizzjonijiet ta’ forniment u trażmissjoni ta’ l-enerġija għandhom jiġu solvuti b’mod negozjat, mhux diskriminatorju u trasparenti u m’għandhom qatt jintużaw bħala strument għal pressjoni politika fuq l-Istati Membri ta’ l-UE u fuq il-pajjiżi tal-viċinat komuni,
M. billi ftehima fil-futur bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa għalhekk għandha tinkludi l-prinċipji tat-Trattat tal-Karta ta’ l-Enerġija,
N. billi l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa jistgħu u għandhom ikollhom rwol attiv flimkien fil-ħolqien tal-paċi u ta’ l-istabilità fil-kontinent Ewropew, b’mod partikulari fil-viċinanzi komuni, u f’partijiet oħra tad-dinja,
O. billi l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni tar-Russja għandhom b'mod partikolari jaħdmu flimkien biex isibu soluzzjoni finali għall-istatus internazzjonali tal-Kosovo u l-arranġament paċifiku tal-kunflitti li huma perikolużi b'mod persistenti fir-reġjuni ta' l-Abkażja, ta' l-Ossetja tan-Nofsinhar, Nagorno Karabakh u t-Transnistria,
P. billi wara d-deċiżjoni mill-awtoritajiet Russi biex ikunu stabbiliti ħoloq legali mar-repubbliki li nqatgħu ta' l-Abkazia u l-Ossetia tan-Nofsinhar is-sitwazzjoni f'dawn ir-reġjuni tal-Ġeorġja qed tmur għall-agħar u qed titfa' dubju fuq l-irwol tal-forzi Russi bħala forzi għaż-żamma tal-paċi newtrali u tissottovaluta l-integrità territorjali tal-Ġeorġja,
Q. billi r-Russja ssospendiet il-parteċipazzjoni tagħha fit-Trattat dwar il-Forzi Konvenzjonali fl-Ewropa (Trattat CFE), filwaqt li stqarret li se twaqqaf l-ispezzjonijiet u l-verifiki tas-siti militari tagħha mill-pajjiżi tan-NATO u mhux se tibqa’ tillimita l-għadd ta’ l-armamenti konvenzjonali tagħha,
R. billi wara l-laqgħa tiegħu mat-trojka ministerjali ta’ l-UE nhar it-Tlieta 29 ta’ April fil-Lussemburgu, il-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov, ikkonferma l-parteċipazzjoni tar-Russja fl-operazzjoni militari fiċ-Ċad u fir-Repubblika Afrikana Ċentrali (EUFOR Chad/RCA),
S. billi għad hemm tħassib serju dwar l-iżviluppi fil-Fderazzjoni Russa rigward ir-rispett u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u r-rispett tal-prinċipji, regoli u proċeduri demokratiċi li dwarhom sar qbil komuni, billi l-Federazzjoni Russa hi membru sħiħ tal-Kunsill ta’ l-Ewropa u ta’ l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa u għalhekk impenjat ruħha għall-prinċipji tad-demokrazija u għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem bażiċi,
T. billi hu importanti li l-UE titkellem b’vuċi waħda, turi solidarjetà u tagħti prova ta’ unità fir-relazzjonijiet tagħha mal-Federazzjoni Russa, u tibbaża dawk ir-relazzjonijiet fuq interessi reċiproċi u valuri komuni,
1. Jenfasizza li s-Samit li ġej se jkun l-ewwel Samit bejn l-UE u r-Russja fejn se jattendi l-President Russu Dmitry Medvedev, li għadu kif ġie elett, u jesprimi t-tama tiegħu li din il-laqgħa twassal għal titjib fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja;
2. Jerġa’ jafferma l-konvinzjoni tiegħu li r-Russja għadha sieħba importanti għall-iskop tal-bini ta’ koperazzjoni strateġika, li magħha l-UE għandha mhux biss interessi ekonomiċi u kummerċjali komuni, iżda wkoll l-objettiv li tikkopera mill-qrib fl-arena internazzjonali kif ukoll fil-viċinat komuni;
3. Jisħaq dwar l-importanza ta' l-unità fost l-Istati Membri ta' l-UE fir-relazzjonijiet tagħhom mar-Russja u jitlob lill-Istati Membri biex jagħtu prijorità lill-benefiċċji għal tul ta' żmien twil dwar pożizzjoni konġunta fin-negozjati mal-Federazzjoni Russa fuq il-vantaġġi possibbli għal tul ta' żmien qasir ta' ftehim bilaterali dwar kwistjonijiet waħdanin;
4. Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-idea li jiġu żviluppati relazzjonijiet futuri mar-Russja b’mod iktar impenjattiv, b’attenzjoni kontinwa fuq l-oqsma koperti mill-Erba’ Zoni Komuni u fuq il-bżonn ta’ Ftehima ta’ Sħubija u Koperazzjoni ġdida, u billi wieħed jiffoka fuq koperazzjoni prattika, proġetti konġunti u l-implimentazzjoni ta’ l-impenji u l-ftehimiet li saru s’issa;
5. Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu li finalment huwa possibbli li jitneħħew l-ostakoli biex tintlaħaq ftehima dwar il-mandat għan-negozjati mal-Federazzjoni Russa dwar Ftehima ta' Sħubija ġdida;
6. Iħeġġeġ lill-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Istati Membri - flimkien mal-Gvern tal-Federazzjoni Russa - biex jużaw il-21 Samit UE-Russja f'Khanty-Mansiysk bħala l-vera punt ta' tluq ġdid għall-intensifikazzjoni ulterjuri tar-relazzjonijiet UE-Russja billi jingħata bidu għan-negozjati dwar Ftehima ta' Sħubija u ta' Koperazzjoni ġdida u b'hekk tinħoloq il-bażi għal iżjed riżultati konkreti fil-futur qarib;
7. Jilqa’ l-kliem tal-President il-ġdid Medvedev waqt id-diskors ta’ l-inawgurazzjoni tiegħu dwar l-importanza tad-drittijiet ċivili u waqt li pubblikament tenna l-appoġġ tiegħu għall-istat tad-dritt u l-importanza tad-drittijiet tal-bniedem; jistenna li dawn il-kliem ikunu segwiti bil-fatti u li r-Russja twettaq ir-riformi meħtieġa li jwittu t-triq għal sistema demokratika b'mod sħiħ;
8. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar ir-rapporti kontinwi mill-organizzazzjonijiet Russi u internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem dwar l-użu tat-tortura u atti inumani u degradanti f'ħabsijiet, f'għases tal-pulizija u f'ċentri ta' detenzjoni fiċ-Ċeċnja; barra minn hekk jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar ir-rata dejjem tikber ta’ attakki fuq minoritajiet etnici, razzjali u reliġjużi fir-Russja;
9. Itenni s-sejħa tiegħu għall-intensifikazzjoni tal-konsultazzjoni bejn l-UE u r-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem, sabiex din issir aktar effettiva, orjentata lejn ir-riżultati u miftuħa bil-parteċipazzjoni tal-Ministeri Russi barra dik tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u bil-parteċipazzjoni sħiħa tal-Parlament Ewropew fil-livelli kollha; huwa tal-fehma, f’dan ir-rigward, li l-laqgħat ta’ informazzjoni organizzati mill-Kummissjoni mal-protagonisti tas-soċjetà ċivili qabel il-konsultazzjoni uffiċjali huma għodda importanti li għandha tkun imsaħħa b'mod xieraq u meqjusa mill-awtoritajiet Russi bil-ħsieb li tkun trasformata f'seminar legali b'mod sħiħ u li jinkludi akkademiċi, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u uffiċjali taż-żewġ naħat;
10. Jenfasizza li soċjetà ċivili b'saħħitha u indipendenti hija element fundamentali u li ma jistax jiġi ssostitwit, ta' demokrazija reali u matura; f'dan ir-rigward huwa mħasseb ħafna dwar il-qagħda li qed tiħżien ta' dawk li jħarsu d-drittijiet tal-bniedem u dwar id-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom l-NGOs li huma attivi fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-ħarsien ta’ l-ambjent u kwistjonijiet ekoloġiċi, sabiex jirreġistraw ruħhom u l-implimentazzjoni ta’ l-attivitajiet tagħhom; huwa ferm imħasseb bil-leġiżlazzjoni li għadha kif ġiet emendata dwar l-estremiżmu, li tista' tħalli effett fuq il-mogħdija ħielsa ta' informazzjoni u tista' twassal sabiex l-awtoritajiet Russi jirrestrinġu aktar id-dritt ta' l-espressjoni ħielsa ta' ġurnalisti indipendenti u ta' l-avversarji politiċi;
11. Jitlob lill-Federazzjoni Russa biex turi l-impenn tagħha favur valuri komuni billi tirratifika l-Protokoll Addizzjonali 14 għall-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, u b'hekk tagħti l-possibilità li riformi importanti jimxu ‘l quddiem fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li għandha l-problema ta’ għexieren ta’ eluf ta’ każi akkumulati; jistieden lill-awtoritajiet Russi biex jikkonformaw mas-sentenzi kollha tal-Qorti Ewropew għad-Drittijiet tal-Bniedem;
12. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li s-samit UE-Russja se jsir fiċ-ċentru amministrattiv tad-Distrett Awtonomu tal-Khanty-Mansiysk; jistieden lill-Presidenza fil-Kariga sabiex tieħu l-opportunità ippreżentata mis-Samit, li se jkun segwit mill-5 Kungress Dinji tal-Popli Finno-Ugriċi, sabiex tiddiskuti sforzi biex jiġu indirizzati d-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-minoranzi Finno-Ugriċi fir-Russja fir-rigward tar-rappreżentanza politika kif ukoll il-ħarsien u l-iżvilupp ta' l-identitajiet kulturali u lingwistiċi tagħhom;
13. Itenni, iktar u iktar, l-importanza li tiġi stabbilita Zona Ekonomika Komuni (CES) u li jiġu żviluppati iktar l-objettivi miftiehma fil-Pjan Direzzjonali CES, speċjalment fir-rigward tal-ħolqien ta’ suq miftuħ u integrat bejn l-UE u r-Russja;
14. Jilqa' b'sodisfazzjon il-progress li sar mill-aħħar Samit f’Mafra rigward l-adeżjoni tar-Russja mad-WTO, li se jpoġġi lill-komunitajiet tan-negozju taż-żewġ naħat fuq livell indaqs u li se jgħin ħafna lill-isforzi tar-Russja biex din tibni ekonomija moderna, diversifikata u b’teknoloġija għolja; jitlob lir-Russja sabiex tieħu l-passi meħtieġa biex tneħħi l-ostakoli li baqa' għall-proċess ta' adeżjoni, b’mod partikulari fil-qasam tat-taxxi u d-dazji fuq l-esportazzjoni, u biex tkun tista’ tikkonforma bis-sħiħ u timplimenta l-impenji u l-obbligi marbuta mas-sħubija fid-WTO, u li wara dan l-UE għandha tibda tiddiskuti l-konklużjoni ta' ftehima ta' kummerċ ħieles mal-Federazzjoni Russa;
15. Jinsisti, barra minn dan, li se jintlaħaq ftehim fuq il-livell tad-dmirijiet għall-esportazzjoni ta' l-injam mhux raffinat mill-Federazzjoni Russa għall-Unjoni Ewropea; jiddeplora l-fatt li r-Russja ma żammitx l-impenn tagħha biex bil-mod il-mod twaqqaf il-pagamenti għal titjiriet minn fuq is-Siberja u jistieden lir-Russja sabiex tiffirma l-ftehima li ntlaħqet fuq din il-kwistjoni fis-Samit ta’ Samara;
16. Jenfasizza l-importanza li jkun hemm titjib fil-klima għall-investiment Ewropew fir-Russja, liema titjib jista’ biss iseħħ billi jiġu promossi u ffaċilitati kundizzjonijiet tan-negozju mhux diskriminatorji u trasparenti, inqas burokrazija u investiment miż-żewġ naħat; hu mħasseb dwar in-nuqqas ta’ prevedibilità fl-applikazzjoni tar-regoli mill-awtoritajiet;
17. Jilqa’ b’sodisfazzjon id-djalogu intensifikat UE-Russja dwar kwistjonijiet ta’ l-enerġija u dwar il-ħarsien ambjentali; jenfasizza l-importanza ta’ importazzjonijiet ta’ l-enerġija għall-ekonomiji Ewropej, li fil-fatt jirrappreżentaw opportunità potenzjali għal iktar koperazzjoni kummerċjali u ekonomika bejn l-UE u r-Russja; jenfasizza li l-prinċipji ta’ interdipendenza u trasparenza għandhom ikunu l-bażi ta’ tali koperazzjoni, flimkien ma’ aċċess ugwali għal swieq, infrastruttura u investiment; jilqa' s-sħubija tar-Russja mal-Protokoll ta' Kyoto u jisħaq fuq il-bżonn ta' appoġġ sħiħ mir-Russja għall-miri li jorbtu għall-bidla klimatika ta' wara Kyoto; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiżguraw li l-prinċipji tat-Trattat tal-Karta ta’ l-Enerġija, il-Protokoll ta’ Tranżitu anness miegħu u l-konklużjonijiet tal-G8 ikunu inklużi fi Ftehima ta’ Sħubija u Koperazzjoni ġdida bejn l-UE u r-Russja, flimkien ma' iktar koperazzjoni dwar l-effiċjenza ta’ l-enerġija, it-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tal-karbonju u l-enerġija li tiġġedded, kif ukoll l-użu tal-bijoenerġija; jirrimarka li dawn il-prinċipji għandhom japplikaw għal proġetti ewlenin ta' l-infrastruttura ta' l-enerġija; jistieden lill-Unjoni Ewropea biex titkellem b’vuċi waħda mar-Russja dwar dawn il-kwistjonijiet sensittivi ta’ l-enerġija; jitlob lill-imsieħba fid-djalogu dwar l-enerġija bejn l-UE u r-Russja biex jeżaminaw il-possibilità li l-kontijiet għall-provvisti ta’ l-enerġija Russi lill-UE isiru bl-Euro sabiex ikunu indipendenti mill-muniti ta’ pajjiżi terzi;
18. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar is-sigurtà tas-settur nukleari fil-Federazzjoni Russa u dwar il-pjanijiet tagħha li tesporta teknoloġija u materjal nukleari lejn pajjiżi oħra, u t-theddidiet li dawn joħolqu għas-sigurtà nukleari u ta' proliferazzjoni assoċjati miegħu;
19. Jistieden lill-Federazzjoni Russa sabiex tappoġġja l-iżvilupp ta' l-industrija tagħha ta' enerġija li tiġġedded li tkun favur l-ambjent u sostenibbli; jistieden lill-Federazzjoni Russa sabiex tiggarantixxi standards ambjentali avvanzati għall-proġetti kollha taż-żejt u tal-gass li qed jitwettqu jew li huma ppjanati fit-territorju tagħha;
20. Jilqa’ b'sodisfazzjon il-progress magħmul mill-UE u r-Russja fl-implimentazzjoni taz-Zoni Komuni tagħhom ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, li sa issa ffukaw b’mod speċjali fuq l-implimentazzjoni ta’ l-iffaċilitar tal-ftehimiet dwar il-viżi u d-dħul mill-ġdid, li wrew li kienu pass sinifikanti ‘l quddiem lejn l-ivvjaġġar bla viża bħala possibilità għall-ġejjieni; jitlob li jkun hemm iktar koperazzjoni dwar l-immigrazzjoni illegali, kontrolli mtejba ta' dokumenti ta' l-identità u skambju aħjar ta' informazzjoni dwar it-terroriżmu u l-kriminalità organizzata; jenfasizza li l-Kunsill u l-Kummissjoni jridu jiżguraw li r-Russja tkun konformi mal-kundizzjonijiet kollha stipulati fi kwalunkwe ftehima negozjata dwar l-eliminazzjoni tal-viżi bejn iż-żewġ naħat, sabiex ikun evitat kwalunkwe ksur tas-sigurtà fl-Ewropa;
21. Jirrimarka li r-Russja, li s-sena li għaddiet biddlet ir-regoli tagħha dwar il-viża u ma baqgħetx toħroġ viżi li jippermettu aktar minn dħul wieħed għal skopijiet ta’ kummerċ, li kienu validi għal sena u li qabel kienu jintużaw minn bosta ħaddiema Ewropej, tista' tiffaċċja eżodu ta’ maniġers u ħaddiema ta' l-UE jekk ma tbiddilx ir-regoli l-ġodda u ma tnaqqasx il-burokrazija ta’ xkiel meħtieġa biex jinkisbu l-viżi u l-permessi tax-xogħol;
22. Jilqa' b'sodisfazzjon iż-żieda tal-koperazzjoni bejn l-UE u r-Russja fil-qasam ta' l-ispazju fil-qafas tad-Djalogu dwar l-Ispazju fi Tliet Partijiet li ġie stabbilit f'Marzu 2006 bejn il-Kummissjoni, l-Aġenzija Spazjali Ewropea u r-Roscosmos, li tinkludi l-applikazzjonijiet spazjali (navigazzjoni bis-satellita, osservazzjoni tad-dinja, u komunikazzjonijiet bis-satellita), l-aċċess għall-ispazju (launchers u sistemi ta' trasport spazjali tal-ġejjieni), ix-xjenza spazjali u l-iżvilupp tat-teknoloġija spazjali; jinnota li fi ħdan iz-Zona Komuni Ekonomika, il-koperazzjoni fl-ispazju ġiet identifikata bħala settur ta' prijorità;
23. Jitlob li jkun hemm parteċipazzjoni mill-Federazzjoni Russa fil-proċess tal-bini ta’ Infrastrutturi Ewropej tar-Riċerka appoġġjati fi ħdan il-Programmi ta’ Qafas tal-Komunità Ewropea; iqis li inċentiv ta’ dan it-tip jagħti ċ-ċans li jsir użu effiċjenti u żvilupp ulterjuri tar-riżorsi umani u finanzjarji Russi kbar fil-qasam tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, u għalhekk ikun ta’ benefiċċju kemm għall-Ewropa u kemm għar-Russja;
24. Jappella lill-Gvernijiet tar-Russja u ta’ l-Istati Uniti biex jintensifikaw id-diskussjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ difiża u sigurtà li jinvolvu b’mod dirett jew indirett lill-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea; iħeġġeġ lill-gvernijiet taż-żewġ stati biex jinvolvu lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha b’mod sħiħ f’dawn id-diskussjonijiet u biex ma jieħdu l-ebda pass u deċiżjoni li jistgħu jitqiesu bħala theddida għall-paċi u l-istabilità fil-kontinent Ewropew;
25. Jitlob lill-Gvern Russu - flimkien ma' l-Unjoni Ewropea u l-membri l-oħra tal-Grupp ta' Kuntatt għall-Kosovo - biex jagħmel kontribut pożittiv għas-sejba ta' soluzzjoni politika sostenibbli għall-futur tal-Kosovo u għat-titjib ulterjuri ta' l-istabilità tal-Balkani tal-Punent;
26. Jistieden lir-Russja biex ma topponix l-iskjerament tal-missjoni EULEX kif ukoll biex tappoġġja l-OSCE u tikkonferma l-mandat tagħha ħalli tippermetti l-implimentazzjoni sħiħa tal-garanziji kollha provduti fil-Kostituzzjoni tal-Kosovo u l-impenji ta' l-awtoritajiet tal-Kosovo fir-rigward tad-deċentralizzazzjoni istituzzjonali u l-protezzjoni tal-komunitajiet mhux maġġoritarji u tal-wirt kulturali u arkitettoniku;
27. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex ifittxu inizjattivi konġunti mal-Gvern Russu bil-għan li jissaħħu s-sigurtà u l-istabilità fil-viċinanza komuni, b'mod partikolari permezz ta' djalogu mtejjeb dwar it-twaqqif tad-demokrazija fil-Belarus u bi sforzi konġunti biex finalment jissolvew il-kunflitti fl-Abkażja, ta' l-Ossetja tan-Nofsinhar, Nagorno Karabakh u t-Transnistria;
28. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar id-deċiżjoni tar-Russja li tistabbilixxi rabtiet imsaħħa mar-reġjuni Ġeorġjani ta' l-Abkażja u ta' l-Ossetja tan-Nofsinhar u jtenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-integrità territorjali tal-Ġeorġja; jistieden lir-Russja sabiex toqgħod lura minn azzjoni ulterjuri li jistgħu jaggravaw it-tensjoni u sabiex tieħu miżuri biex ittejjeb ir-relazzjonijiet mal-Ġeorġja; jittama li l-laqgħa reċenti f'St Petersburg bejn il-President Medvedev u l-President Saakashvili twassal għal titjib fir-relazzjonijiet bejn ir-Russja u l-Ġeorġja;
29. Jistieden lill-Presidenza fil-Kariga sabiex, fis-samit UE-Russja, tqajjem il-kwistjoni dwar it-twaqqiegħ ta' ajruplan bla bdot Ġeorġjan minn ajruplan Russu kif ukoll iż-żieda reċenti tat-truppi Russi fl-Abkażja, u sabiex ikun hemm involviment akbar ta' l-UE fil-proċess ta' soluzzjoni tal-kunflitt;
30. Jistieden lill-UE u lir-Russja, bħala membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u tal Kwartett, biex ikomplu bl-isforzi tagħhom ħalli jsir progress fil-Lvant Nofsani; jenfasizza wkoll il-ħtieġa għal aktar koperazzjoni mar-Russja biex tevita l-proliferazzjoni ta’ l-armamenti ta' qerda tal-massa u jitlob liż-żewġ naħat biex jerfgħu r-responsabilità tagħhom b’mod partikulari rigward il-kwistjonijiet nukleari tal-Korea ta’ Fuq u ta’ l-Iran;
31. Jistieden lir-Russja biex mill-ġdid tqis is-sospensjoni unilaterali tagħha tal-konformità mat-Trattat CFE u biex tuża t-triq tan-negozjati biex tħares l-interessi leġittimi tagħha u tevita it-tagħwir tat-Trattat CFE; jistieden lill-Membri tan-NATO biex jirratifikaw il-verżjoni emendata tat-Trattat ta’ l-1999;
32. Jilqa’ b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tar-Russja biex tgħin lill-UE fit-twettiq ta’ l-operazzjoni taż-żamma tal-paċi tagħha fiċ-Ċad u fir-Repubblika Afrikana Ċentrali u jappoġġja l-istqarrija mill-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin Sergei Lavrov u mir-Rappreżentant Għoli ta’ l-UE Javier Solana li tistipula li l-koperazzjoni bejn ir-Russja u l-UE fuq l-immaniġġjar tal-kriżijiet ma tkunx limitata għall-parteċipazzjoni tar-Russja fl-EUFOR fiċ-Ċad u fir-Repubblika Afrikana Ċentrali u li ż-żewġ partijiet ikunu lesti jiffirmaw ftehima ta’ qafas dwar din il-kwistjoni fuq il-bażi ta’ ‘sħubija ekwa u ta' koperazzjoni’;
33. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti ta' l-Istati Membri u tal-Federazzjoni Russa, lill-Kunsill ta' l-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa.
- [1] ĠU L 327, 28.11.1997, p. 1.
- [2] P6_TA(2007)0528.