MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
21.5.2008
- –John Bowis, Jürgen Schröder, Filip Kaczmarek, Bernd Posselt, Eija-Riitta Korhola u Tunne Kelam, f'isem il-Grupp PPE-DE
- –Pasqualina Napoletano, Alain Hutchinson, Marie-Arlette Carlotti, Glenys Kinnock u Ana Maria Gomes, f'isem il-Grupp PSE
- –Johan Van Hecke u Marios Matsakis, f'isem il-Grupp ALDE
- –Raül Romeva i Rueda u Mikel Irujo Amezaga, f'isem il-Grupp Verts/ALE
- –Ryszard Czarnecki, Ģirts Valdis Kristovskis, Adam Bielan u Ewa Tomaszewska, f'isem il-Grupp UEN
- –Umberto Guidoni, f'isem il-Grupp ALDE
- –PSE (B6‑0241/2008)
- –Verts/ALE (B6‑0265/2008)
- –GUE/NGL (B6‑0266/2008)
- –PPE-DE (B6‑0267/2008)
- –UEN (B6‑0268/2008)
- –ALDE (B6‑0269/2008)
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Burundi
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Burundi,
– wara li kkunsidra l-Ftehima ta’ Dar-es-Salamm bejn il-gvern tal-Burundi u l-Moviment FNL, iffirmat fl-2006,
– wara li kkunsidra l-Pjan ta’ Azzjoni adottat f’Cape Town fit-22 ta’ Frar 2008,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Presidenza ta’ l-UE dwar il-ġlied reċenti fil-Burundi, maħruġa fit-23 ta’ April 2008,
– wara li kkunsidra l-istqarrija tal-President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-qagħda fil-Burundi, maħruġa fl-24 ta’ April 2008,
– wara li kkunsidra r-rapporti ta’ l-Uffiċċju Integrat tan-NU fil-Burundi (BINUB),
– - wara li kkunsidra r-rapport tal-Human Rights Watch ta’ l-2008 bit-titolu “Isawtuni kull filgħodu: Abbużi mill-pulizija fil-Burundi”,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi mis-17 ta’ April 2008 reġa’ faqqa l-ġlied bejn it-truppi tal-gvern u l-movimenti ribelli tal-Front Nazzjonali għall-Liberazzjoni (FNL) fil-Burundi, u dan ġiegħel lil eluf ta' persuni ċivili jaħarbu minn djarhom u wassal għall-mewt ta' 50 ġellied ribelli,
B. billi, wara 14-il sena ta’ gwerra ċivili, il-Burundi għadu jrid jistabbilixxi paċi dejjiema filwaqt li l-kunflitt ħoloq qagħda umanitarja u soċjo-ekonomika kritika li hija ta’ periklu għall-istabilità tar-reġjun,
C. billi f’dawn l-aħħar sentejn fallew l-isforzi internazzjonali għat-twaqqif ta’ ftehima ta’ paċi bejn il-gvern u l-FNL, fosthom l-inizjattiva reġjonali għall-paċi fil-Burundi,
D. billi n-negozjati bejn il-gvern u l-FNL fallew f’Lulju 2007 meta l-FNL telaq mill-Mekkaniżmu Konġunt għall-Verifika u għall-Monitoraġġ (JVMM), li nħoloq biex jissorvelja l-implimentazzjoni tal-ftehima għall-waqfien mill-ġlied iffirmata f’Settembru 2006,
E. billi ħafna jqisu r-ribelljoni kontinwa tal-FNL bħala l-aħħar ostaklu għall-istabilità dejjiema fil-Burundi, u jeħtieġ li tinstab soluzzjoni politika sabiex jiġi żgurat id-diżarm tal-grupp ribelli,
F. billi fil-bidu ta’ Mejju 2008, il-ministri ta’ l-affarijiet barranin tat-Tanzanija u ta’ l-Uganda, li ltaqgħu taħt il-patroċinju ta’ l-Inizjattiva Reġjonali għall-Paċi dwar il-Burundi, ħeġġew lill-FNL u mexxejja ribelli ewlenin oħra biex iħallu t-Tanzanija, fejn għandhom il-bażi tagħhom, u jmorru l-Burundi biex jieħdu sehem f’taħditiet għall-paċi,
G. billi f’Awissu 2007 bdew l-attakki kontra d-djar ta’ persunaġġi politiċi li ma kenux jappoġġjaw il-President, jew li kienu jappoġġjawh qabel,
H. billi 46 Membru tal-Parlament tal-Burundi, minħabba l-biża’ dwar is-sikurezza fiżika tagħhom, kitbu lis-Segretarju-Ġenerali tan-NU biex jitolbu l-ħarsien tan-Nazzjonijiet Uniti,
I. billi l-Parlament Ewropew għażel il-Burundi bħala pajjiżi pilota għall-implimentazzjoni ta’ Pjan ta' Azzjoni prijoritarju mmirat lejn iż-żieda tal-ħeffa u ta’ l-effiċjenza ta’ l-għajnuna għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li qegħdin fi stat prekarju,
J. billi jingħad li bħalissa hemm aktar minn 700 familja (madwar 3,500 persuna) li qed jieħdu ħsiebhom l-awtoritajiet, u li qed jistennew provvisti ta’ l-ikel u ta’ l-emerġenza,
K. billi l-aħħar każijiet ta’ ġlied jiffurmaw parti minn sensiela ta’ kunflitti li ħallew għadd dejjem akbar ta’ familji spustjati (35,000 persuna), u b’hekk l-għadd totali ta’ persuni spustjati internament (IDPs) tela’ għal 100,000; billi t-Tanzanija trid treġġa’ r-rifuġjati tagħha mill-Burundi lura lejn il-Burundi, filwaqt li l-Burundi għadu qed jieħu eluf ta’ rifuġjati mill-Irwanda u mill-Kongo,
L. billi huwa allegat li l-forzi tas-sigurtà tal-Burundi żammew illegalment madwar 200 persuna akkużati li jappoġġjaw ir-ribelli tal-FNL,
M. billi fit-2 ta’ Mejju 2008 il-gvern irrapporta li erba’ ġellieda ribelli u suldat ta’ l-Armata tal-Burundi kienu mietu f’dak li ġie deskritt bħala imbuskata tal-FNL,
N. billi l-klima ta’ impunità fil-Burundi ħolqot sitwazzjoni fejn it-tortura mill-pulizija u mill-forzi tas-sigurtà hija komuni, bħal ma hija d-detenzjoni illegali,
O. billi l-forza nazzjonali tal-pulizija tal-Burundi, imwaqqfa taħt gvern tranżizzjonali fl-2004, mhijiex imħarrġa tajjeb u hija magħmula minn persuni li qabel kienu ribelli kif ukoll suldati u uffiċjali tal-pulizija,
P. billi l-UNICEF għenet biex jiġu dimobilizzati aktar minn 3000 tifel u tifla li kienu suldati fil-Burundi bejn l-2004 u l-2006; billi reċentament xi tfal ħarbu minn ċentru ta’ dimobilizzazzjoni u għamlu rewwixta vjolenti, u aktar minn 500 tifel u tifla għadhom f’idejn il-FNL,
Q. billi l-Burundi kien biss it-tielet pajjiż, wara l-Uganda u l-Etjopja, li ta kontribut għall-missjoni taż-żamma tal-paċi fis-Somalja, ibbażata f’Mogadishu u bl-isem ta' AMISOM, billi bagħat 800 suldat minkejja l-qagħda ta' sigurtà prekjarja tiegħu,
1. Jesprimi tħassib serju dwar il-konfrontazzjonijiet militari reċenti fil-Burundi bejn il-Forzi Nazzjonali tad-Difiża u l-FNL, li wasslu għat-telf ta’ ħajjiet innoċenti;
2. Jitlob lill-partijiet kollha biex jirrispettaw il-ftehima għall-waqfien mill-ġlied iffirmata fis-7 ta’ Settembru 2006, u biex jerġgħu jibdew in-negozjati u jimxu bil-ħeffa lejn l-implimentazzjoni tal-JVMM li twaqqaf wara l-waqfien mill-ġlied;
3. Iħeġġeġ lill-FNL, b’mod partikulari, u lill-mexxej tiegħu Agathon Rwasa, biex jimpenja ruħu b’mod kostruttiv favur il-proċess tal-paċi;
4. Jitlob lill-istati ġirien biex jiżguraw li ma jservux bħala bażijiet għall-moviment ribelli, u jilqa’ d-deċiżjoni tat-Tanzanija biex ma tibqax isservi bħala post ta' kenn għall-mexxeja tal-FNL;
5. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tfassal miżuri biex tiffaċilita l-integrazzjoni mill-ġdid ta’ l-ex ribelli ta' l-FNL fis-soċjetà, ladarba tiġi ffirmata ftehima;
6. Jitlob lill-Kummissjoni biex iżżid l-għajnuna umanitarja tagħha, fosthom għar-rifuġjati u għall-persuni spustjati internament, u biex din titnaqqas biss jekk u meta tiġi sostitwita b’azzjonijiet tanġibbli ta’ żvilupp, sabiex tiżgura tranżizzjoni mingħajr problemi bejn l-operazzjonijiet umanitarji u l-politiki ta’ l-iżvilupp;
7. Jitlob lid-donaturi biex jirrispettaw l-impenji tagħhom u jiżguraw koordinazzjoni aktar mill-qrib mill-fażi tal-bidu (upstream), sabiex iżidu l-effettività ta' l-għajnuna;
8. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipproponi żieda mgħaġġla u sinifikanti fir-riżorsi finanzjarji li l-Unjoni Ewropea tagħti lill-Burundi, b’mod partikulari fl-okkażjoni tar-reviżjoni intermedjarja ta’ l-għaxar EDF;
9. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex, fid-dawl tal-fraġilità tal-pajjiż u fi ħdan il-qafas tal-Pjan ta’ Azzjoni li huwa tant meħtieġ, tagħti appoġġ prijoritarju lil:
- -programmi għall-governanza aħjar u għall-immaniġġjar demokratiku statali;
- -politiki tas-saħħa, permezz tat-twaqqif ta’ ċentri tas-saħħa u t-tiġdid essenzjali tan-netwerk ta’ l-isptarijiet;
- -id-deċiżjoni tal-Gvern tal-Burundi li jipprovdi edukazzjoni primarja bla ħlas;
- -l-isforzi kontinwi għat-tiġdid ta’ l-infrastruttura tal-pajjiż;
10. Jinsisti, fid-dawl ta’ l-urġenza tas-sitwazzjoni, li l-enfasi għandha titpoġġa fuq azzjonijiet tanġibbli li l-poplu tal-Burundi jkun jista’ jara;
11. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu l-preżenza tagħhom fuq il-post fil-Burundi;
12. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tippromwovi azzjonijiet mill-NGOs u mill-awtoritajiet lokali fl-UE bil-għan li jgħinu lill-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili fil-Burundi;
13. Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-Faċilitazzjoni ta’ l-Afrika ta’ Isfel u għall-inizjattivi reġjonali, u jibqa’ deċiż, bħala parti mid-direttorat politku, li jkollu rwol attiv fit-tneħħija ta’ l-ostakoli għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni adottat f’Cape Town fit-22 u t-23 ta' Frar 2008 u li jgħin fl-isforzi kollha biex mill-ġdid jiġu attivati n-negozjati u tiġi kkonsolidata l-paċi fil-Burundi; jappoġġja wkoll l-isforzi ta' medjazzjoni tal-Kummissjoni tan-NU għall-Konsolidazzjoni tal-Paċi;
14. Jinnota l-istabilità akbar li feġġet fil-Burundi mid-dħul fis-seħħ ta’ kostituzzjoni ġdida segwita mill-elezzjonijiet ġenerali, iżda jitlob li titwaqqaf kummissjoni għall-paċi u għar-rikonċiljazzjoni bħala miżura għall-bini tal-kunfidenza li tgħin biex terġa’ trawwem spirtu ta' kunfidenza u ta’ stabilità fost il-partijiet interessati varji, u jitlob lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri ta' l-UE biex finanzjarjament u loġistikament jappoġġjaw inizjattiva ta’ dan it-tip;
15. Jitlob lill-gvern tal-Burundi biex jieħu azzjoni immedjata sabiex jiżgura li jiġi rrispettat l-istat tad-dritt, li tintemm il-klima ta' impunità, li jkun hemm garanzija li dawk li wettqu l-abbużi jittellgħu quddiem il-qorti u jittejjeb it-taħriġ tal-korp tal-pulizija;
16. Jilqa’ l-ħelsien reċenti ta’ 232 tifel u tifla, wara tmien xhur ta’ negozjati ma’ grupp dissidenti tal-FNL mill-gvern tal-Burundi, mis-soċjetà ċivili, mill-aġenziji tan-NU u oħrajn;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ko-Presidenti ta' l-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-UE, lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri ta' l-UE, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lill-Unjoni Afrikana u lill-gvernijiet tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar u ta’ l-Afrika ta’ Isfel.