Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B6-0242/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B6-0242/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA

20.5.2008

imressqa skond l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura minn
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi li ġejjin: dwar id-diżastru naturali fiċ-Ċina

Proċedura : 2008/2585(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B6-0242/2008
Testi mressqa :
RC-B6-0242/2008
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-diżastru naturali fiċ-Ċina

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ l-UE tat-13 ta’ Mejju 2008 u d-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni fil-Provinċja ta’ Sichuan fiċ-Ċina,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi terremot qawwi b’intensità ta’ 7.8 gradi laqat il-lbiċ taċ-Ċina fit-12 ta’ Mejju 2008,

B.  billi t-terremot qatel għexieren ta’ eluf ta’ nies, speċjalment fil-Provinċja ta’ Sichuan, u ħafna nies għadhom ma nstabux,

C.  billi l-ħidma ta’ salvataġġ hija diffiċli minħabba l-kundizzjonijiet ġeografiċi fil-Provinċja ta’ Sichuan,

D.  billi l-Gvern Ċiniż bagħat riżorsi u persunal ta’ emerġenza eċċezzjonali, inklużi suldati u staff mediku, li qed jaħdmu fiz-zona milquta,

E.  billi l-Federazzjoni Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar Aħmar ħarġet appell urġenti għall-għajnuna,

1.  Jagħti l-għomor u s-soldarjetà tiegħu lill-poplu taċ-Ċina u lill-għadd kbir ta’ vittmi; huwa mnikket għal dawk kollha li qed ibatu l-konsegwenzi tat-terremot;

2.  Jilqa’ b’sodisfazzjon ir-reazzjoni immedjata għad-diżastru mill-awtoritajiet Ċiniżi permezz ta’ l-operazzjoni ta’ emerġenza tagħhom;

3.  Jinnota b’apprezzament li ċ-Ċina kienet lesta taċċetta għajnuna barranija; jistieden lill-Gvern Ċiniż biex jiffaċilita l-ħidma ta’ l-għajnuna umanitarja u ta’ l-organizzazzjonijiet tal-voluntiera fit-tqassim ta’ l-għajnuna, u biex jiggarantixxi l-aċċess għall-għajnuna għal kull min hu fil-bżonn;

4.  Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jagħtu għajnuna urġenti, assistenza teknika u għajnuna għar-rikostruzzjoni liz-zona milquta;

5.  Jisħaq fuq l-urġenza tal-forniment ta' għajnuna umanitarja ewlenija permezz tal-programm ECHO, bl-appoġġ ta' baġit kbir u xieraq; jinnota l-wasla f’Chengdu ta’ l-espert tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna umanitarja biex jevalwa x’inhuma l-ħtiġijiet;

6.  Jappoġġja l-kontribut li qed jagħtu l-Istati Membri ta’ l-UE permezz tal-‘Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili’, ikkoordinat mill-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll il-kontribuzzjonijiet l-oħra lill-isforzi ta’ għajnuna mill-komunità internazzjonali;

7.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-midja Ċiniża u barranija qed jitħallew jagħtu informazzjoni dettaljata u eżatta dwar id-diżastru;

8.  Jisħaq fuq l-importanza ta’ governanza tajba fil-prevenzjoni u t-tħejjija għal diżastri naturali li jistgħu jseħħu; jitlob li tkun żviluppata t-teknoloġija għal sistema komprensiva u effettiva ta’ twissija bikrija sabiex il-popolazzjonijiet ikunu lesti għat-terremoti u għal diżastri naturali oħra;

9.  Jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi tal-komunità internazzjonali biex jagħtu l-aqwa prattika tagħhom fir-rigward tal-ħidma f'emerġenzi ċivili u ta' għajnuna għad-diżastri sabiex tgħin liċ-Ċina u lill-poplu tagħha li ntlaqtu mit-terremot; jistieden lill-organizzazzjonijiet involuti biex jipprovdu għajnuna finanzjarja biżżejjed biex jitwettqu l-impenji;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri u lill-Gvern taċ-Ċina.