Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B6-0338/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B6-0338/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA

7.7.2008

imressqa skond l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura minn
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi li ġejjin: dwar iċ-Ċina

Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B6-0338/2008
Testi mressqa :
RC-B6-0338/2008
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar iċ-Ċina

Il-Parlament Ewropew,

–  - wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Tibet, u l-aktar dik tal-15 ta' Frar 2007 dwar id-djalogu bejn il-Gvern Ċiniż u l-Mibgħuta tad-Dalai Lama, u dik ta' l-10 ta' April 2008,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Diċembru 2007 dwar is-Samit bejn l-UE u ċ-Ċina u d-djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–  - wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2008 dwar id-diżastru naturali fiċ-Ċina,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-10 ta' April 2008 dwar it-Tibet,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi r-rabtiet bejn l-UE u ċ-Ċina għandhom ikunu bbażati fuq il-valuri komuni ta' bejniethom,

B.  billi l-valuri demokratiċi u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali għandhom ikunu l-bażi fundamentali tar-rabtiet bejn l-UE u ċ-Ċina,

C.  billi ċ-Ċina għaddiet minn tkabbir ekonomiku impressjonanti u b'hekk l-influwenza tagħha fid-dinja kibret konsiderevolment matul l-aħħar għaxar snin u dan seħħ flimkien ma xi titjib fis-sistema politika tagħha,

D.  billi xorta waħda għad hemm rapporti ta' ripressjoni politika, użu sikwit tal-piena tal-mewt u ripressjoni sistematika tal-libertà tar-reliġjon, tal-kelma u tal-midja,

E.  billi l-Logħob Olimpiku f'Beijing għandu jkun opportunità straordinarja sabiex jitwettqu riformi demokratiċi fiċ-Ċina u jsir progress sinifikanti l-aktar fejn għandha x'taqsam il-kwistjoni tal-minoranzi etniċi, bħat-Tibetani u l-Uighurs,

F   billi, minkejja d-dikjarazzjojijiet ta' l-awtoritajiet Ċiniżi, is-sitwazzjoni fit-Tibet m'hi xejn qrib in-normal u l-midja internazzjonali u l-aġenziji internazzjonali ta' monitoraġġ għadhom qed jiġu miċħuda l-aċċess għar-reġjun, u hemm ukoll restrizzjonijiet stretti fuq ix-xandir ta' informazzjoni,

G.  billi, wara d-dimostrazzjonijiet, s'issa madwar 40 persuna nstabu ħatja u ġew ikkundannati għal xkiel tas-servizzi pubbliċi, serq u tkissir ta' uffiċċji tal-gvern u attakki fuq il-pulizija; billi, minkejja li tħabbar li l-proċedimenti kellhom ikunu proċedimenti pubbliċi, is-sentenzi ingħataw bil-magħluq u kienu sproporzjonati għar-reati magħmula, b'sentenzi minn tliet snin priġunerija sa piena ta' għomor il-ħabs; billi l-proċedimenti legali ma kienu xejn trasparenti u l-akkużati ma ngħatalhomx iċ-ċans li jiddefendu rwieħhom b'mod ġust,

H.   billi fil-21 ta' Ġunju 2008, it-Torċa Olimpika nġarret fit-toroq ta' Lhasa mdawwra b'suldati libsin l-uniformi ta' kontra r-rewwixti u bi skorta ta' sigurtà kbira; billi l-aċċess fil-belt għall-ġarr tat-Torċa Olimpika ngħata biss lil għadd magħżul u limitat ta' korrispondenti li jirrappreżentaw madwar tletin organizzazzjoni internazzjonali ta' l-aħbarijiet; billi skond uħud mir-rapporti tagħhom, kull persuna fil-folla kellha beġġ, u dan jagħti x'jifhem li l-ispettaturi kienu magħżula b'mod speċjali għaċ-ċerimonja,

I.   billi s-segretarju tal-Partit Komunista fit-Tibet, Zhang Qingli, ta xejra politika bil-miftuħ lil dan l-avveniment, billi waqt iċ-ċerimonja tat-Torċa Olimpika f'Lhasa qal li 'sabiex tingħata aktar glorja lill-ispirtu Olimpiku, għandna nwaqqfu definittivament il-konfoffi, mill-klikka tad-Dalai Lama u minn forzi barranin ġewwa u barra l-pajjiż, maħsuba biex jirvinaw il-Logħob Olimpiku f'Beijing',

J.  billi fil-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Logħob Olimpiku f'Beijing, iċ-Ċina wiegħdet 'Logħob Olimpiku ħieles u miftuħ'; billi r-ripressjoni kompleta fit-Tibet tistona ħafna mal-wegħda tal-Gvern Ċiniż li tingħata l-libertà ta' moviment madwar iċ-Ċina lill-ġurnalisti barranin u aktar libertà ta' l-istampa qabel il-Logħob Olimpiku,

K .  billi l-Kumitat Internazzjonali tal-Logħob Olimpiku (IOC) stenna li l-organizzazzjoni tal-Logħob Olimpiku 2008 fiċ-Ċina tiftaħ aktar il-pajjiż u ttejjeb is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; billi fis-27 ta' Settembru 2006, waqt l-offerta taċ-Ċina li torganizza l-Logħob Olimpiku, il-President tal-Kumitat Organizzattiv għall-Logħob Olimpiku ta' Beijing (BOCOG) kien wiegħed pubblikament li jonora l-impenji meħuda għat-titjib tas-sitwazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem,

L.  billi l-minoranza Uighur fil-provinċja ta' Xinjiang hija suġġetta għal ksur gravi tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem permezz ta' politiki uffiċjali li għandhom l-għan li jtemmu s-separatiżmu u l-estremiżmu reliġjuż li huwa allegat li jeżistu,

M.  billi d-djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem stabbilit fl-2000 s'issa għadu ma kiseb l-ebda riżultati tanġibbli; billi n-nuqqas ta' riżultati huwa wkoll konsegwenza ta' politika barranija ta' l-UE fir-rigward taċ-Ċina li la hija koordinata u lanqas m'hi effettiva,

1.  Jieħu nota ta' l-iżviluppi fir-rabtiet bejn l-UE u ċ-Ċina u l-koperazzjoni aktar mill-qrib sabiex jindirizzaw sensiela wiesgħa ta' kwistjonijiet;

2.  Jistieden liż-żewġ naħat sabiex isaħħu l-isforzi tagħhom sabiex jindirizzaw problemi marbuta ma' l-enerġija, il-bidla fil-klima u l-ambjent, sabiex jiżguraw li jkun hemm tkabbir sostenibbli globali u żvilupp soċjali;

3.  Jilqa' l-ftuħ il-ġdid, it-trasparenza u l-koperazzjoni mtejba fir-rabtiet bejn l-UE u ċ-Ċina;

4.  Jiddispjaċih li, filwaqt li r-relazzjonijiet maċ-Ċina għamlu progress importanti fl-oqsma ekonomiċi u tal-kummerċ, dan il-progress ma kienx akkumpanjat minn kisbiet sostanzjali fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u kwistjonijiet ta' demokrazija;

5.  Jikkritika l-fatt li r-rekord tad-drittijiet tal-bniedem taċ-Ċina għadu sors ta' tħassib minħabba l-ksur sistematiku u ta' sikwit tad-drittijiet tal-bniedem; ifakkar fl-impenji li ħadet iċ-Ċina fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem meta ġie assenjat lilha l-Logħob Olimpiku;

6.  Jikkundanna l-użu ta' sikwit tal-piena tal-mewt u jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi sabiex jistabilixxu moratorju fuq l-għoti tal-piena tal-mewt;

7.  Jilqa' d-djalogu mniedi mill-ġdid bejn iċ-Ċina u t-Tajwan u jinsab konvint li t-Tajwan għandu jkollu d-dritt li jieħu sehem f'organizzazzjonijiet internazzjonali;

8.  Jilqa' l-ftuħ mill-ġdid tat-Tibet għall-barranin, iżda huwa mħasseb dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, l-aktar dwar il-qagħda ta' dawk li pprotestaw u li għadom fil-ħabsijiet;

9.  Jenfasizza l-importanza li jintbagħtu osservaturi internazzjonali indipendenti sabiex jevalwaw il-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tibet u fir-Reġjun Awtonomu ta' Xinjiang; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-awtoritajiet Ċiniżi sabiex jagħmlu stedina miftuħa lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-mekkaniżmi tan-NU;

10.  Jilqa' s-seba' fażi ta' taħditiet bejn l-awtoritajiet ta' Beijing u r-rappreżentanti tad-Dalai Lama, li saru fl-1 u 2 ta' Lulju 2008; jistenna li n-negozjati jwasslu għal riżultati sostanzjali u tanġibbli qabel il-Logħob Olimpiku u jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi sabiex jistiednu d-Dalai Lama għaċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Logħob bħala sinjal ta' rieda tajba;

11.  Jikkritika n-nuqqas tal-KOI li jikkummenta dwar il-ġirja bit-torċa Olimpika li saret fit-toroq ta' Lhasa fi żmien meta fit-Tibet hemm de facto fis-seħħ il-liġi marzjali u huwa magħluq għall-kumplament tad-dinja; jiddeplora d-dikjarazzjonijiet ta' Zhang Oingli fiċ-ċerimonja tal-ġirja bit-torċa f'Lhasa; huwa tal-fehma li l-KOI għandu r-responsabilità li jqiegħed pressjoni fuq il-Gvern Ċiniż biex jagħti aċċess lill-midja barranija għal kwalunkwe fażi tal-ġirja bit-torċa jew kwalunkwe avveniment Olimpiku ieħor bla restrizzjonijiet serji biex dejjem jitħarsu l-valuri Olimpiċi;

12.  Jitlob għall-ħelsien ta' Huang Oi u Zhang Mingxuan u l-interpretu tiegħu u jisħaq fuq it-talba tiegħu għall-ħelsien ta' Hu Jia, nominat fl-2007 għall-Premju Sakharov għall-Libertà tal-Ħsieb tal-Parlament Ewropew, u Yang Chunlin, Gao Zhisheng u l-attivisti l-oħra tad-drittijiet tal-bniedem li ġew miżmuma, arrestati, mibgħuta l-ħabs jew ippersegwitati jew għaliex semmgħu leħenhom kontra l-Logħob Olimpiku f'Beijing, ipprotestaw kontra t-tkeċċija sfurzata minħabba xogħol ta' bini għall-Logħob Olimpiku jew iddefendew dimostranti bħal dawn; juri t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-dissident cyber u l-mara ta’ Hu Jia, Zeng Jinyan, u t-tifla tagħhom ta' sitt xhur, li bħalissa huma suġġetti għas-sorveljanza u theddid kostanti tal-pulizija;

13.  Jitlob lill-Kunsill sabiex jistieden lid-Dalai Lama għal-laqgħa tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali sabiex jippreżenta l-evalwazzjoni tiegħu tas-sitwazzjoni fit-Tibet u jispjega lis-27 Ministru ta' l-Affarijiet Barranin l-approċċ tat-triq tan-nofs u l-kunċett tiegħu ta' awtonomija ġenwina li għandha tiġi implimentata għat-Tibetani kollha fiċ-Ċina;

14.  Itenni, f'dan ir-rigward, is-sejħa tiegħu lill-Kunsill sabiex dan jaħtar mibgħut speċjal għall-kwistjonijiet tat-Tibet sabiex jiffaċilita d-djalogu bejn il-partijiet u jsegwi mill-qrib in-negozjati meta dawn jitkomplew;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tadotta pożizzjoni komuni fir-rigward ta' l-attendenza tal-Kapijiet ta' Stat u tal-Gvern u ta' Javier Solana, ir-Rappreżentant Għoli ta' l-UE, waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Logħob Olimpiku;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti ta' l-Istati Membri, lill-President u lill-Prim Ministru tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, u lill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali.