MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
3.9.2008
- –Pasqualina Napoletano, Véronique De Keyser u Proinsias De Rossa, f'isem il-Grupp PSE
- –Annemie Neyts-Uyttebroeck, Elizabeth Lynne, Jelko Kacin, Olle Schmidt, Chris Davies u Marian Harkin, f'isem il-Grupp ALDE
- –David Hammerstein, Hélène Flautre, Daniel Cohn-Bendit u Caroline Lucas, f'isem il-Grupp Verts/ALE
- –Kyriacos Triantaphyllides, Luisa Morgantini u Bairbre de Brún, f'isem il-Grupp GUE/NGL
- –Brian Crowley
- –GUE/NGL (B6‑0343/2008)
- –ALDE (B6‑0380/2008)
- –PSE (B6‑0381/2008)
- –Verts/ALE (B6‑0382/2008)
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-qagħda tal-priġunieri Palestinjani f'ħabsijiet Iżraeljani
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Lvant Nofsani,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni li saritlu mill-Kummissarju Ferrero-Waldner fid-9 ta’ Lulju 2008 dwar il-qagħda tal-priġunieri Palestinjani f’ħabsijiet Iżraeljani,
– wara li kkunsidra l-Ftehima ta’ Assoċjazzjoni UE-Iżrael u r-riżultati tat-tmien laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Iżrael tas-16 ta' Ġunju 2008,
– wara li kkunsidra r-rapport imħejji mid-Delegazzjoni Ad Hoc tiegħu għall-Iżrael u t-Territorji Palestinjani (30 ta' Mejju-2 ta' Ġunju 2008) u l-konklużjonijiet tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra, b'mod partikulari n-numru IV dwar il-Protezzjoni ta' Persuni Ċivili fi Żmien ta' Gwerra tat-12 ta' Awissu 1949, u b'mod partikulari l-Artikoli 1 sa 12, 27, 29 sa 34, 47, 49, 51, 52, 53, 59, 61 sa 77 u 143 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali tan-NU dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966 ,
– wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-2007 tal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, b'mod partikulari t-taqsima li tittratta dwar it-Territorji Palestinjani Okkupati,
– wara li kkunsidra r-rapporti tal-2006, l-2007 u l-2008 mill-Kumitat Pubbliku Kontra t-Tortura fl-Iżrael ippubblikati bl-għajnuna tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Kummissjoni Ewropea u minn diversi Stati Membri,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tan-NU dwar il-kunflitt fil-Lvant Nofsani,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi f’dawn l-aħħar snin l-Iżrael sofra bosta attakki terroristiċi qattiela kontra l-popolazzjoni ċivili tiegħu u billi l-awtoritajiet Iżraeljani ħadu numru ta’ miżuri biex jimpedixxu dawk l-azzjonijiet terroristiċi, inkluż l-arrest ta’ militanti Palestinjani suspettati, iżda billi l-ġlieda kontra t-terroriżmu mhix ġustifikazzjoni għall-vjolazzjoni tal-liġi umanitarja,
B. billi llum il-ġurnata iktar minn 11,000 Palestinjan, inklużi mijiet ta' nisa u tfal, qegħdin jinżammu f'ħabsijiet u f'ċentri ta' detenzjoni Iżraeljani u billi l-biċċa l-kbira ta’ dawk id-detenuti kienu arrestati fit-Territorji Palestinjani Okkupati,
C. billi skont il-Konvenzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal, li l-Iżrael iffirma, tifel jew tifla huwa definit bħala persuna taħt l-età ta' 18-il sena; billi madankollu, it-tfal Palestinjani mill-età ta' 16-il sena huma meqjusa bħala adulti skont ir-regolamenti militari tal-Iżrael li jirregolaw it-Territorji Palestinjani Okkupati, u spiss jinżammu f’kundizzjonijiet xejn xierqa,
D. billi 198 Palestinjan inħelsu mill-Gvern Iżraeljan fil-25 ta’ Awwissu bħala sinjal ta’ rieda tajba u ta’ bini tal-fiduċja reċiproka u billi għaddejjin iktar negozjati bejn iż-żewġ naħat bl-għan li jintlaħaq ftehim iżjed komprensiv dwar il-ħelsien ta' priġunieri oħra,
E. billi riċentement ittieħdu passi pożittivi mill-Gvernijiet ta’ Iżrael u tal-Libanu biex jibdlu priġunieri mal-fdalijiet ta’ suldati Iżraeljani,
F. billi l-Iżrael qed iżomm madwar 1000 priġunier abbażi ta’ “ordnijiet ta’ detenzjoni amministrattiva”, bid-dritt tal-appell iżda bla ebda akkuża, proċess tal-qorti u drittijiet ta’ difiża; billi tali ‘ordnijiet ta’ detenzjoni amministrattiva’ jistgħu jkunu, u f’xi każi tabilħaqq ikunu, imġedda għal snin sħaħ,
G. billi rapporti dwar id-drittijiet tal-bniedem jiddikjaraw li l-priġunieri Palestinjani huma suġġetti għal abbuż u l-użu tat-tortura,
H. billi sikwit ikun impossibbli jew diffiċli ħafna għall-maġġoranza l-kbira tal-priġunieri Palestinjani miżmuma fil-ħabsijiet li jinsabu fit-territorju Iżraeljan biex jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal żjarat mill-familji tagħhom, minkejja t-talbiet tal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar lill-Iżrael,
I. billi l-kwistjoni tal-priġunieri politiċi għandha implikazzjonijiet politiċi, soċjali u umanitarji importanti, u l-arrest ta' 48 membru elett tal-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan u kunsilliera lokali oħra ġab konsegwenzi serji għall-iżviluppi politiċi fit-territorji Palestinjani Okkupati, billi d-'Dokument tal-Priġunieri', adottat f'Mejju 2006 minn mexxejja politiċi Palestinjani ta' fazzjonijiet differenti li qegħdin il-ħabs, serva bħala bażi għar-rikonċiljazzjoni nazzjonali u witta t-triq għat-twaqqif ta' gvern ta' unità nazzjonali,
J. billi r-relazzjonijiet bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Iżrael, skont l-Artikolu 2 tal-Ftehima ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Iżrael, huma bbażati fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u fuq il-prinċipji demokratiċi li jikkostitwixxu element essenzjali ta' dik il-ftehima; billi l-Pjan ta' Azzjoni UE-Iżrael jenfasizza r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għal-liġi umanitarja internazzjonali bħala valuri fost il-valuri komuni għall-partijiet,
1. Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni reċenti tal-Gvern Iżraeljan li jeħles numru ta' priġunieri Palestinjani, billi dan huwa ġest pożittiv għat-tisħiħ tal-awtorità tal-Awtorità Palestinjana u biex tinħoloq klima ta' fiduċja reċiproka;
2. Jitlob biex jittieħdu passi minn Ħamas u l-Iżrael bl-għan li jinħeles immedjatament il-kapural Iżraeljan Gilad Shalit;
3. Jenfasizza li l-kwistjoni tal-priġunieri Palestinjani hija waħda li tħalli impatt kbir ħafna kemm fuq is-soċjetà Palestinjana u kemm fuq il-kunflitt bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani u jqis li, f'dan il-kuntest, il-ħelsien ta' numru sostanzjali ta' priġunieri Palestinjani, kif ukoll il-ħelsien immedjat tad-detenuti li huma membri tal-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, inkluż Marwan Barghouti, jista' jservi bħala pass pożittiv biex tkun stabbilita l-klima ta' fiduċja reċiproka meħtieġa biex isir progress sostanzjali fin-negozjati għall-paċi;
4. Jappoġġa t-tħassib leġġittimu tal-Iżrael rigward is-sigurtà; jemmen li l-istat tad-dritt irid ikun irrispettat bis-sħiħ fit-trattament tal-priġunieri kollha, peress li dan huwa pass kruċjali għall-pajjiż demokratiku;
5. Jistieden lill-Iżrael biex jiggarantixxi li l-istandards minimi tad-detenzjoni jkunu rrispettati, li d-detenuti kollha jitressqu quddiem qorti għall-proċess ġudizzjarju, li jitwaqqaf l-użu tad-'Detenzjoni Amministrattiva', u li jkunu implimentati miżuri adegwati għall-minorenni u għaż-żjarat lill-priġunieri, f'konformità sħiħa mal-istandards internazzjonali inkluża l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni oħra Krudili, Inumani jew Degradanti;
6. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni tal-priġunieri Palestinjani nisa u priġunieri vulnerabbli, li kif qed jingħad huma suġġetti għal trattament ħażin u nuqqas ta' aċċess għall-kura tas-saħħa;
7. Jistieden lill-Awtorità Palestinjana biex tagħmel kull sforz biex timpedixxi kwalunkwe azzjoni vjolenti jew terroristika, b'mod partikulari minn ex-priġunieri, b'mod partikulari t-tfal;
8. Jesprimi t-twemmin tiegħu li t-titjib fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Iżrael għandu jkun konsistenti ma' u marbut mal-konformità min-naħa tal-Iżrael mal-obbligi kollha skont il-liġi internazzjonali;
9. Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni meħuda fit-tmien laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Iżrael li jiġi stabbilit Sottokumitat b'setgħat sħaħ dwar id-Drittijiet tal-Bniedem biex jieħu post il-Grupp ta' Ħidma dwar id-Drittijiet tal-Bniedem attwali; jitlob sabiex jiġu kkonsultati b'mod estensiv u involuti bis-sħiħ l-organizzazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem u l-NGOs fl-Iżrael u t-Territorji Palestinjani Okkupati fil-monitoraġġ tal-progress tal-Iżrael biex jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont il-liġi internazzjonali;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern Iżraeljan, lill-Knesset, lill-President tal-Awtorità Palestinjana, lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, lir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Barranija u s-Sigurtà Komuni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lir-Rappreżentant tal-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lill-President tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar.