Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B6-0349/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B6-0349/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA

9.7.2008

imressqa skond l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura minn
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi li ġejjin: dwar il-Kashmir

Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B6-0349/2008
Testi mressqa :
RC-B6-0349/2008
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Kashmir

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tad-delegazzjoni ad hoc tal-Parlament Ewropew, wara ż-żjarat tagħha fil-Kashmir mit-8 sal-11 ta' Diċembru 2003 u mill-20 sa l-24 ta' Ġunju 2004,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja għall-2005 u l-politika ta' l-UE dwar din il-kwistjoni tat-18 ta' Mejju 2006,

–  wara li kkunsidra r-rapport tiegħu dwar il-Kashmir: sitwazzjoni attwali u prospetti għall-futur, ta' l-24 ta' Mejju 2007,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi huwa rrappurtat li nstabu mijiet ta' oqbra mhux identifikati sa mill-2006 f'Jammu u fil-Kashmir u billi allegatament instabu mill-inqas 940 kadavru fi 18-il raħal fid-distrett ta' Uri biss,

B.  billi l-Assoċjazzjoni bbażata fi Srinagar tal-Ġenituri tal-Persuni li Għebu (APDP) ħarġet rapport fid-29 ta' Marzu 2008 fejn indikat l-eżistenza ta' bosta oqbra f'postijiet fejn, minħabba l-viċinanza tagħhom għal-linja ta' kontroll mal-Pakistan, mhumiex aċċessibbli mingħajr permess speċifiku tal-forzi ta' sigurtà,

C.  billi, skond l-organizzazzjonijiet tad-Drittijiet tal-Bniedem, ma jistax jiġi eskluż li l-oqbra fihom il-fdalijiet ta' vittmi ta' qtil illegali, għabien infurzat, tortura u abbużi oħra li seħħew fil-kuntest tal-kunflitt armat li għadu għaddej f'Jammu u fil-Kashmir sa mill-1989,

D.  billi stimi dwar in-numru ta' persuni li għebu mill-1989 ivarjaw ħafna bejn l-assoċjazzjonijiet tal-familji tal-vittmi li jsemmu 'l fuq minn 8,000 u l-awtoritajiet tal-gvern li jsemmu inqas minn 4,000,

E.   billi rapport tal-pulizija ta' l-istat ta' l-2006 ikkonferma l-imwiet ta' 331 persuni li taħt arrest u l-għajbien infurzat ta' 111 persuna sa mill-1989,

F.  billi għad hemm allegazzjonijiet dwar ksur tad-Drittijiet tal-Bniedem minkejja l-fatt li l-Gvern Indjan ħa impenn f'Settembru 2005 biex ma jibqax jittollera ksur tad-Drittijiet tal-Bniedem f'Jammu u fil-Kashmir,

G.  billi Pervez Imroz, avukat tad-Drittijiet tal-Bniedem ippremjat, president tal-Koalizzjoni tas-Soċjetà Ċivili ta' Jammu u tal-Kashmir u fundatur ta' l-Assoċjazzjoni tal-Ġenituri ta' Persuni li Għebu (APDP), baqa' ħaj wara attakk fit-30 ta' Ġunju fi Srinagar, allegatament minn membri tal-forzi ta' sigurtà, u billi huwa allegat li ġew ittormentati membri oħra tal-Qorti Internazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem u għall-Ġustizzja fil-Kashmir, li qed tiġi faċilitata mill-APDP,

1.  Jitlob lill-Gvern Indjan sabiex b'mod urġenti jiżgura stħarriġ indipendenti u imparzjali tas-siti kollha ssuspettati ta' oqbra tal-massa f'Jammu u fil-Kashmir, u bħala l-ewwel pass immedjat, li jiżgura li s-siti ta' l-oqbra jkunu siguri sabiex ikunu jistgħu jiġu ppreservati l-provi;

2.   Jitlob lill-Kummissjoni biex toffri għajnuna finanzjarja u teknika lill-Gvern Indjan fil-kuntest ta' l-Istrument ta' l-Istabilità, sabiex issir inkjesta fil-fond u għal miżuri ulterjuri possibbli għas-soluzzjoni tal-kunflitti fil-Kashmir;

3.  Jitlob lill-Istati Membri ta' l-UE biex jindirizzaw il-kwistjoni fid-djalogu li jmiss dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li għandu jseħħ sa tmiem is-sena;

4.  Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward is-siġurtà ta' Pervez Imroz u ta' attivisti oħra favur id-Drittijiet tal-Bniedem, li qed jinvestigaw l-oqbra mhux immarkati u allegazzjonijiet oħra ta' ksur tad-Drittijiet tal-Bniedem f'Jammu u fil-Kashmir, u jitlob lill-awtoritajiet Indjani sabiex jiżguraw il-protezzjoni tagħhom u jippermettulhom li jagħmlu xogħolhom mingħajr biża' ta' turment u ta' vjolenza; iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex iwettqu investigazzjoni imparzjali mingħajr dewmien fir-rigward ta' l-attakk fuq Pervez Imroz, biex jippubblikaw ir-riżultati u biex issir ġustizzja fuq il-persuni responsabbli;

5.  Itenni t-talba tiegħu lill-Gvern Indjan u lill-awtoritajiet ta' l-istat sabiex jinvestigaw l-allegazzjonijiet kollha ta' għajbien infurzat; iħeġġeġ sabiex il-każijiet kollha fejn aġenti militari, tas-sigurtà jew ta' l-infurzar tal-liġi jkunu suspettati li jkunu involuti jingħataw kollha kemm huma f'idejn uffiċċju tal-prosekutur ċivili, u sabiex tinħoloq bażi tad-dejta unika tal-persuni kollha li għebu u tal-kadavri kollha li jkunu nstabu; jitlob lill-Istati Membri ta' l-UE sabiex jiffaċilitaw u jappoġġjaw kwalunkwe koperazzjoni li tkun possibbli bejn il-Gvernijiet ta' l-Indja u tal-Pakistan, fir-rigward ta' din il-kwistjoni;

6.  Jitlob lill-awtoritajiet kollha ta' l-istat sabiex jiżguraw li l-proċeduri kollha ta' detenzjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi ta' l-istandards legali internazzjonali, it-trattament dinjituż, ir-reġistrazzjoni u l-prosekuzzjoni, l-aċċess malajr għall-membri tal-familja, l-avukati u l-qrati indipendenti, kif ukoll ir-responsabilità għal kwalunkwe ksur ta' dawn il-proċeduri;

7.  Jikkundanna bis-saħħa l-qtil illegali, l-għajbien infurzat, it-tortura, l-istupru u l-abbużi l-oħra tad-Drittijiet tal-Bniedem li seħħew f'Jammu u fil-Kashmir sa mill-bidu tal-kunflitt armat fl-1989; jinsisti li l-familji tal-vittmi jingħataw kumpens sħiħ;

8.  Jitlob lill-gvenrijiet sabiex jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Protezzjoni tal-Bnedmin Kollha kontra l-Għajbien Infurzat bla riżervi, inklużi d-dikjarazzjonijiet skond l-Artikoli 31 u 32, biex tiġi rikonoxxuta l-kompetenza tal-Kumitat għall-Għajbien Infurzat u biex jiġi ratifikat l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;

9.  Jitlob li jkun hemm aċċess sħiħ liż-żewġ partijiet tal-Linja ta' Kontroll għar-Relaturi Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti skond it-termini ta' referenza tal-Proċeduri Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti, partikolarment ir-Relaturi Speċjali għat-Tortura u għall-Eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji u għall-Grupp ta' Ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Għajbien Volontarju;

10.  Itenni t-talba tiegħu lil-Lok Sabha biex jemenda l-Att dwar id-Drittijiet tal-Bniedem sabiex il-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem tkun tista' tistħarreġ b'mod indipendenti l-allegazzjonijiet ta' abbuż mill-membri tal-forzi armati;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern u lill-Parlament ta' l-Indja, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan, lill-Gvern u lill-Parlament ta' l-Istat ta' Jammu u tal-Kashmir u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.