MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
9.7.2008
- –Laima Liucija Andrikienė, Bernd Posselt, Eija-Riitta Korhola u Tadeusz Zwiefka, f'isem il-Grupp PPE-DE
- –Pasqualina Napoletano, Ana Maria Gomes, Józef Pinior u Marianne Mikko, f'isem il-Grupp PSE
- –Marco Pannella, Marco Cappato, Frédérique Ries u Marios Matsakis, f'isem il-Grupp ALDE
- –Roberta Angelilli, f'isem il-Grupp UEN
- –Hélène Flautre, Monica Frassoni, Raül Romeva i Rueda, Milan Horáček, Kathalijne Maria Buitenweg, Pierre Jonckheer, Caroline Lucas u Claude Turmes, f'isem il-Grupp Verts/ALE
- –Vittorio Agnoletto, f'isem il-Grupp GUE/NGL
- –ALDE (B6‑0350/2008)
- –UEN (B6‑0357/2008)
- –Verts/ALE (B6‑0358/2008)
- –GUE/NGL (B6‑0363/2008)
- –PPE-DE (B6‑0369/2008)
- –PSE (B6‑0370/2008)
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-piena tal-mewt, b’mod partikulari l-każ ta’ Troy Davis
Il-Parlament Ewropew,
- wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt u l-ħtieġa ta' moratorju immedjat fuq l-eżekuzzjonijet f'dawk il-pajjiżi fejn il-piena tal-mewt għadha tapplika,
- wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni ta’ l-Assemblea Ġenerali tan-NU 62/149 tat-18 ta’ Diċembru 2007 dwar l-użu tal-piena tal-mewt fid-dinja,
- wara li kkunsidra l-verżjoni aġġornata tal-5 ta’ Ġunju 2008 tal-Linji Gwida ta' l-UE dwar il-Piena tal-Mewt,
A. wara li kkunsidra l-każ ta’ Troy Davis, li kien ikkundannat għall-mewt mill-Qorti ta’ l-Istat ta’ Georgia fl-1991 għall-qtil ta’ pulizija u skedat li jkun iġġustizzjat fl-aħħar ta’ Lulju 2008,
B. billi, skond l-avukati tas-Sur Davis, hemm provi abbondanti ta’ l-innoċenza tiegħu, qatt ma nstabet evidenza materjali kontra tiegħu u seba’ xieda kontra tiegħu irritrattaw id-dikjarazzjoni tagħhom,
C. billi fl-4 ta’ Awissu 2007 il-Qorti Suprema ta' Georgia kienet qablet li tikkunsidra mill-ġdid l-elementi l-ġodda li jitfgħu dell fuq il-ħtija tas-Sur Davis,
D. wara li kkunsidra d-deċiżjoni tas-17 ta’ Marzu 2008 tal-Qorti Suprema ta’ Georgia li tiċħad lis-Sur Troy Davis proċess ġdid, kif ukoll l-opinjoni differenti tal-Prim Imħallef,
E. billi aktar minn 120 ruħ inħelsu mill-piena tal-mewt fl-Istati Uniti mill-1975 peress li kienu innoċenti,
F. billi l-poter tal-maħfra fil-każijiet ta’ sentenza kapitali fl-Istati Uniti jeżisti bħala sikurezza minn żbalji irriversibbli li l-qrati ma setgħux jew ma riedux jirranġaw,
G. billi New Jersey huwa l-ewwel stat ta’ l-Istati Uniti li neħħa l-piena kapitali bil-liġi minn meta l-piena tal-mewt reġgħet iddaħħlet fl-Istati Uniti fl-1972, filwaqt li ssemmi r-riskju inevitabbli li jkunu ġġustizzjati dawk ikkundannati inġustament,
1. Jistieden lil dawk il-pajjiżi fejn tiġi applikata l-piena tal-mewt sabiex jieħdu l-passi meħtieġa biex din tiġi abolita;
2. Jitlob lill-qrati rilevanti biex, fid-dawl ta’ evidenza abbondanti li tista’ tirrevoka s-sentenza tiegħu, jippermettu proċess mill-ġdid lil Troy Davis, u biex għalhekk il-piena tal-mewt tkun mibdula ma’ oħra inqas ħarxa;
3. Jappella b’mod urġenti lill-Bord ta’ l-Istat ta’ Georgia dwar il-maħfriet u l-ħelsien (“Georgia State Board of Pardons and Paroles”) biex jibdel il-piena tal-mewt f’waħda inqas ħarxa;
4. Jistieden lill-Presidenza tal-Kunsill u lid-Delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għall-Istati Uniti biex tqajjem il-kwistjoni ma’ l-awtoritajiet ta’ l-Istati Uniti bħala waħda urġenti;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-Gvern ta’ l-Istati Uniti, lill-Bord ta’ l-Istat ta’ Georgia dwar il-maħfriet u l-ħelsien u lill-Avukat Ġenerali ta’ Georgia.