Proċedura : 2008/2624(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B6-0389/2008

Testi mressqa :

RC-B6-0389/2008

Dibattiti :

PV 04/09/2008 - 12.2
CRE 04/09/2008 - 12.2

Votazzjonijiet :

PV 04/09/2008 - 13.2
CRE 04/09/2008 - 13.2

Testi adottati :

P6_TA(2008)0412

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 105kWORD 75k
3.9.2008
PE410.791
PE410.796
PE410.802
PE410.803
PE410.805
PE410.806
 
B6‑0389/2008}
B6‑0394/2008}
B6‑0400/2008}
B6‑0401/2008}
B6‑0403/2008}
B6‑0404/2008} RC1
imressqa skond l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura minn
   Charles Tannock, Laima Liucija Andrikienė, Urszula Gacek, Bernd Posselt, Eija-Riitta Korhola, Tunne Kelam u Tadeusz Zwiefka, f'isem il-Grupp PPE-DE
   Pasqualina Napoletano, Hannes Swoboda, Christa Prets u Paulo Casaca, f'isem il-Grupp PSE
   Marco Cappato, Marios Matsakis, Frédérique Ries u Renate Weber, f'isem il-Grupp ALDE
   Cristiana Muscardini, Roberta Angelilli, Konrad Szymański u Ryszard Czarnecki, f'isem il-Grupp UEN
   Angelika Beer, Monica Frassoni u Raül Romeva i Rueda, f'isem il-Grupp Verts/ALE
   Tobias Pflüger, f'isem il-Grupp GUE/NGL
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi li ġejjin:
   PSE (B6‑0389/2008)
   PPE-DE (B6‑0394/2008)
   ALDE (B6‑0400/2008)
   GUE/NGL (B6‑0401/2008)
   Verts/ALE (B6‑0403/2008)
   UEN (B6‑0404/2008)
dwar l-eżekuzzjonijiet fl-Iran

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-eżekuzzjonijiet fl-Iran 

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iran, partikolarment dawk li jikkonċernaw id-drittijiet tal-bniedem u b'mod partikulari r-riżoluzzjoni dwar l-eżekuzzjoni fl-Iran ta' minorenni li wettqu reati, li ġiet adottata fid-19 ta' Ġunju 2008,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni mill-Presidenza f'isem l-Unjoni Ewropea, tat-13 ta' Ġunju 2008, dwar l-eżekuzzjoni ta' Mohammad Hassanzadeh,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni li saret mill-Presidenza f'isem l-Unjoni Ewropea, tat-18 ta' Lulju 2008, dwar l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt fl-Iran,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni mill-Presidenza f'isem l-Unjoni Ewropea, tad-29 ta' Lulju 2008, dwar l-eżekuzzjoni ta' 29 ruħ fil-ħabs ta' Evin fl-Iran,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kunsill tal-25 ta' Awwissu 2008 dwar l-eżekuzzjoni bil-forka ta' Reza Hejazi,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-eżekuzzjoni imminenti ta' Behnood Shojaee u ta' Bahman Soleimanian fid-19 u fit-28 ta' Awwissu 2008,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, b'mod partikulari, ir-Riżoluzzjoni 62/168 tat-18 ta' Diċembru 2007 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran u r-Riżoluzzjoni 62/149 tat-18 ta' Diċembru 2007 dwar moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt,

–  wara li kkunsidra t-Trattat Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), it-Trattat Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR), il-Konvenzjoni dwar it-Tneħħija ta' kull forma ta' Diskriminazzjoni Razzjali u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li r-Repubblika Iżlamika tal-Iran hija firmatarja tagħhom,

–  wara li kkunsidra r-Regola 115(5) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi, skont organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem(1), in-numru ta' eżekuzzjonijiet mwettqa fl-Iran s'issa din is-sena jammontaw mill-inqas għal 191, filwaqt li fl-2007, twettqu aktar eżekuzzjonijiet fl-Iran – 317 – milli fi kwalunkwe pajjiż ieħor fid-dinja minbarra ċ-Ċina, għalkemm il-popolazzjoni tiegħu hija 18-il darba iżgħar minn dik taċ-Ċina,

B.  billi saru 29 eżekuzzjoni simultanja fil-ħabs ta' Evin f'Tehran fis-27 ta' Lulju 2009,

C.  billi fl-10 ta' Ġunju 2008 Mohannad Hassanzadeh ta' 16-il sena, Kurd Iranjan, ġie ġġustizzjat għal reat li wettaq meta kellu 14-il sena; billi fit-22 ta' Lulju d-delinkwenti minorenni Hassan Mozafari u Rahman Shahidi ġew iġġustizzjati, u fid-19 ta' Awwissu 2008 Reza Hezjazi ta' 19-il sena ngħata l-forka minħabba qtil li ntqal li wettaq meta kellu 15-il sena; billi fis-26 ta' Awwissu 2008, Behnam Zare' ta' 19-il sena ġie ġġustizzjat minħabba reat li wettaq meta kellu 15-il sena, li minħabba f'hekk sar is-sitt delinkwent minorenni li ġie ġġustizzjat fl-Iran fl-2008 biss,

D.  billi la l-familja ta' Zare' u lanqas ta' Hezjazi u lanqas l-avukat ma ġew mgħarrfa dwar il-ħin u l-post ta' l-eżekuzzjoni skedata, bi ksur tal-liġi Iranjana,

E.  billi d-delinkwenti minorenni Amir Marollahi, Behnood Shojaee, Mohammed Fadaei u Bahman Soleimanian, jiffaċċjaw riskju imminenti ta’ eżekuzzjoni,

F.  billi l-eżekuzzjoni ta' delinkwenti minorenni huwa projbit skond il-liġi internazzjonali, kif iddikkjarat fl-Artikolu 6(5) tal-ICCPR u fil-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal; billi attwalment hemm mill-inqas 130 delinkwent minorenni li qed jistennew il-piena tal-mewt minkejja l-obbligi legali tal-Iran,

G.  billi l-attivisti tad-drittijiet tal-minoranzi qed ikunu dejjem aktar esposti għat-theddida tal-piena tal-mewt kif kien il-każ ta' Yaghoub Mehrnehad, Baluċi etniku u direttur eżekuttiv ta' l-assoċjazzjoni taż-żgħażagħ Il-Vuċi tal-Ġustizzja, li ġie ġġustizzjat fl-4 ta' Awwissu 2008, wara li affronta l-uffiċjali lokali fil-pubbliku jitlob responsabilità għar-rendiment dgħajjef tagħhom,

H.  billi attivista ieħor tad-drittijiet tal-minoranzi, l-għalliem Kurd Farzad Kamangar, ġie kkundannat għall-mewt minħabba akkużi, mingħajr evidenza, li rvella kontra l-istat,

I.  billi stqarrijiet ta' ħtija spiss miksuba b'tortura, mingħajr aċċess għall-avukati, u s-sentenzi tal-qorti ma jkollhomx l-istandards minimi ta' smigħ xieraq,

   billi, fil-5 ta' Awwissu 2008, il-Ġudikatura Iranjana ħabbret is-sospensjoni tal-użu tat-tħaġġir bħala mezz ta' eżekuzzjoni, bil-konsegwenza li 10 nisa mhux imsemmija li kienu qed jistennew il-mewt permezz tat-tħaġġir, mhux se jitħaġġru,

K.  billi hemm lok għal tħassib li membri u ex-membri tal-oppożizzjoni Iranjana li ġew miġbura mill-ġdid u li qed ikunu protetti fil-Kamp Ashraf fit-Tramuntana tal-Iraq mill-forzi multinazzjonali mmexxija mill-Istati Uniti skond l-Artikolu 27 tar-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra jistgħu jkunu mhedda li jkunu espulsi jew mġiegħla jmorru lura l-Iran, fejn jistgħu jiffaċċjaw persekuzzjoni qawwija u anke possibilment il-piena tal-mewt,

1.  Huwa mnikket ħafna minħabba l-eżekuzzjoni riċenti ta' diversi delinkwenti minorenni fl-Iran, biex issa l-Iran huwa l-uniku pajjiż fid-dinja fejn dan il-kastig gravi u inuman għadu jitwettaq fl-2008;

2.  Jiġbed l-attenzjoni b’mod partikulari għad-destin ta' Soghra Najafpour, li għaddiet kważi d-19-il sena kollha li għaddew mill-ħajja tagħha tistenna l-piena tal-mewt għal qtil li sar meta kellha 13-il sena;

3.  Jistieden lill-Kap tal-Ġudikatura, Ayatollah Mahmoud Hashemi Sharoudi, biex b'mod sistematiku jbiddel il-pieni tal-mewt kollha tad-delinkwenti minorenni, u jitlob lill-awtoritajiet Iranjani b'mod partikulari biex iwaqqfu l-eżekuzzjonijiet ta' Amir Marollahi, Behnood Shojaee, Mohammed Fadaei u Bahman Soleimanian;

4.  Jikkundanna b'mod qawwi n-numru ta' eżekuzzjonijet li kull ma jmur qed jikber, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani sabiex jistabbilixxu moratorju fuq il-piena tal-mewt bil-ħsieb li l-piena tal-mewt titneħħa b'konformità mar-riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fit-18 ta' Diċembru 2007;

5.  Itenni l-istedina tiegħu lill-membri tal-Majlis biex jemendaw il-leġiżlazzjoni b’mod urġenti sabiex ikun żgurat li ħadd ma jinqatel għal reat li twettaq meta l-persuna kellha anqas minn 18-il sena u sabiex l-età tar-responsabilità legali tiżdied skont l-istandards internazzjonali;

6.   Jappoġġja l-isforzi leġiżlattivi fl-Iran biex tiddaħħal sistema leġiżlattiva u tal-qrati separata għall-minorenni li jwettqu reat, u jistieden lill-membri tal-Majlis biex jaħsbu għal miżuri bil-għan li t-tfal li jwettqu reat ikunu edukati u riintegrati fis-soċjetà; jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja lill-awtoritajiet Iranjani f’kull talba għall-koperazzjoni internazzjonali f’dan il-qasam;

7.  Jikkundanna bil-qawwa l-persekuzzjoni u l-priġunerija ta’ ċittadini tal-Iran li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem u li jieħdu sehem f’kampanji kontra l-piena tal-mewt, u li ta’ spiss ikunu akkużati ‘b’attivitajiet kontra s-sigurtà nazzjonali’; jitlob, b’mod partikulari, li jinħelsu bla kundizzjonijiet Emadeddin Baghi u Mohammad Sadegh Kabovand u l-kommutazzjoni tal-piena tal-mewt ta' Farzad Kamangar, kif ukoll li terġa' ssir investigazzjoni dwar il-każ tiegħu;

8.  Jilqa’ b’sodisfazzjon id-dikjarazzjoni riċenti tas-sospensjoni tat-tħaġġir bħala mezz ta’ eżekuzzjoni; jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu, madankollu, li fil-proposta dwar ir-riforma tal-kodiċi penali li qed titqies bħalissa mill-parlament, it-tħaġġir għal ċerti forom ta' adulterju se jibqa’, u jistieden lill-membri tal-Majlis biex jimpenjaw ruħhom biex it-tħaġġir jispiċċa għalkollox;

9.  Jistieden lill-awtoritajiet Iraqini u tal-Istati Uniti biex ma jibagħtux lura bil-forza lejn l-Iran lil refuġjati Iranjani u lil persuni Iranjani li qed ifittxu l-kenn li jkunu f’riskju serju ta’ persekuzzjoni u, b’mod partikulari, biex jaħdmu flimkien mal-UNHCR u ma’ organizzazzjonijiet oħra biex tinstab soluzzjoni għall-futur imbiegħed għas-sitwazzjoni ta’ dawk il-persuni li bħalissa qegħdin f’Camp Ashraf;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli għas-CFSP, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati tan-NU, u lill-Gvernijiet tal-Istati Uniti u tal-Iraq.

(1) Amnesty International

Avviż legali - Politika tal-privatezza