Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B6-0523/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B6-0523/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA

6.10.2008

imressqa skond l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura minn
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi li ġejjin: dwar il-governanza tal-Artiku

Proċedura : 2008/2633(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B6-0523/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-governanza tal-Artiku

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra s-Sena Polari Internazzjonali (Marzu 2007 - Marzu 2009),

–  wara li kkunsidra t-Tmien Konferenza tal-Membri Parlamentari tal-Artiku li saret f'Fairbanks, fl-Alaska mit-12 sal-14 ta' Awwissu 2008,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-politika tal-Artiku li hi mistennija din il-ħarifa,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar id-Dimensjoni tat-Tramuntana (2003, 2005 u 2006),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tar-rapport dwar l-Evalwazzjoni tal-Impatt fuq il-Klima tal-Artiku,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 108 (5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem "Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea" (magħrufa bħala l-Blue Book) ippubblikata fl-10 ta' Ottubru 2007,

B.  wara li kkunsidra d-dokument ta' politika tal-14 ta' Marzu 2008 mir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni Ewropea għall-Kunsill Ewropew, bl-isem "Il-Bidla fil-Klima u s-Sigurtà Internazzjonali",

C.  billi l-importanza ġeopolitika u strateġika tar-reġjun tal-Artiku qiegħda tikber, kif ġie ssimbolizzat bit-tqegħid ta' bandiera Russa f'qiegħ il-baħar 'l isfel mill-Pol tat-Tramuntana f'Awwissu 2007,

D.  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi Marittima (UNCLOS), li għadha ma ġietx ratifikata mis-Senat tal-Istati Uniti,

E.  billi l-konferenza reċenti tal-membri parlamentari tal-Artiku ġabet flimkien rappreżentanti eletti mill-Parlament Ewropew, il-Kanada, id-Danimarka, Greenland, l-Iżlanda, il-Finlandja, in-Norveġja, l-Iżvezja, ir-Russja u l-Istati Uniti sabiex jiġu diskussi l-kwistjonijiet ta' sikurezza marittima, kura tas-saħħa, ħarsien ambjentali u żvilupp sostenibbli,

F.  billi r-reġjun tal-Artiku attwalment mhuwiex irregolat minn normi jew regolamenti multilaterali, peress li qatt ma kien mistenni li jsir mogħdija ta' ilma navigabbli jew zona ta' esplojtazzjoni kummerċjali,

G.  billi t-traffiku marittimu fl-ilmijiet tal-Artiku kiber sewwa f'dawn l-aħħar snin minħabba li żdied l-interess fit-tħaffir 'il barra mill-kosta u minħabba li qegħdin jgħaddu aktar sikwit il-vapuri tal-cruises, kif ukoll minħabba l-prospetti li joffri l-Passaġġ tal-Majjistral,

H.  billi r-reġjun tal-Artiku jista' jkun li fih madwar 20% tar-riżervi taż-żejt u l-gass li għadhom ma ġewx skoperti fid-dinja,

I.  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Ilulissat li ġiet adottata mill-"pajjiżi A5" (id-Danimarka, il-Kanada, in-Norveġja, ir-Russja u l-Istati Uniti) f'Mejju 2008,

J.  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet taċ-Chairperson fil-konferenza dwar 'L-Artiku: il-Preokkupazzjoni Komuni Tagħna', organizzata mill-Kunsill Nordiku tal-Ministri f'Ilulissat (Greenland) fid-9 u fl-10 ta' Settembru 2008, li l-Kummissjoni Ewropea pparteċipat fiha b'mod sħiħ,

K.  billi l-konferenza ffukat ukoll fuq il-bidla fil-klima fir-reġjun, l-effetti tagħha fuq il-popolazzjonijiet indiġeni u l-possibilità li wieħed jadatta għaliha,

L.  billi r-rata tat-tisħin globali fir-reġjun tal-Artiku hija ħafna ogħla mill-bqija tad-dinja, b'żieda ta' 2° fl-aħħar mitt sena meta mqabbla mal-medja ta' 0.6% fil-bqija tad-dinja,

M.  billi l-bidliet fil-kundizzjonijiet klimatiċi fiz-zona tal-Artiku huma diġà tali li l-poplu Inuit pereżempju m'għadux jista' jikkaċċja fil-manjiera tradizzjonali, peress li s-silġ huwa rqiq wisq biex jiflaħ is-slitti tagħhom, filwaqt li annimali selvaġġi bħall-ors polari, il-walrus u l-volpi huma fil-periklu li jaraw il-parti l-kbira tal-ambjent naturali tagħhom jgħosfor,

N.  billi l-UE għandha fost l-Istati Membri tagħha tliet pajjiżi Artiċi, u żewġ pajjiżi Artiċi oħra fost il-ġirien l-iktar qrib tagħha li jipparteċipaw fis-suq intern permezz tal-Ftehima taz-Zona Ekonomika Ewropea, li jfisser li l-UE u l-istati assoċjati tagħha flimkien jgħoddu aktar minn nofs is-sħubija numerika tal-Kunsill tal-Artiku,

1.  Huwa mħasseb ħafna dwar l-effetti tal-bidla fil-klima fuq sostenibilità tal-ħajjiet tal-popli indiġeni fir-reġjun kemm f'termini tal-ambjent ġenerali (il-kappa tas-silġ u l-permafrost li qegħdin jinħallu, il-livelli tal-baħar li qegħdin jogħlew, l-għargħar) kif ukoll tal-ambjent naturali (il-kappa tas-silġ li qiegħda tiċkien qiegħda toħloq problemi għad-drawwiet alimentarit tal-ors polari) u jenfasizza li kwalunkwe deċiżjoni internazzjonali marbuta ma' dawn il-kwistjonijiet trid kemm tinvolvi kif ukoll tikkunsidra kompletament lill-popli u n-nazzjonijiet kollha tal-Artiku;

2.  Ifakkar li fis-seklu għoxrin, it-temperaturi tal-arja fl-Artiku għolew bejn wieħed u ieħor b'5°C u li din iż-żieda hija għaxar darbiet aktar mgħaġġla mill-medja globali tat-temperatura osservata f'wiċċ il-baħar; jenfasizza li huwa mbassar tisħin ieħor ta' madwar 4-7° C fl-Artiku matul il-mitt sena li ġejjin; jemmen, għalhekk, li ż-żmien għad-dijanjosi għadda u li issa wasal iż-żmien għall-azzjoni;

       

3.  Jenfasizza li l-ispeċijiet u s-soċjetajiet tal-Artiku żviluppaw adattamenti tassew speċjalizzati għall-kundizzjonijiet ħorox li hemm fil-poli, u b'hekk saru vulnerabbli għall-aħħar għat-tibdil drammatiku li sar f'dawn il-kundizzjonijiet; jinsab imħasseb ħafna għall-walrus, l-ors polari, il-foka u mammali oħra tal-baħar li jiddependu mis-silġ fuq il-baħar biex jistrieħu, jieklu, jikkaċċjaw u jitgħammru u li jinsabu mhedda b'mod partikulari mill-bidla fil-klima;

4.   Jilqa' d-dikjarazzjoni ta' għeluq tal-konferenza adottata mill-Konferenza tal-Membri Parlamentari tal-Artiku f'Fairbanks fl-14 ta' Awwissu, 2008;

5.   Jilqa' l-fatt li t-Tramuntana Estrema saret parti mil-linja politika "Id-Dimensjoni tat-Tramuntana" tal-UE, iżda hu konvint li l-għarfien dwar l-importanza tal-Artiku f'kuntest globali jeħtieġ li jikber aktar billi jkun hemm politika indipendenti tal-UE għall-Artiku;

6.  Jisħaq fuq is-sinifikat tal-Artiku għall-klima globali f'dan ir-rigward u jittama li l-appoġġ preżenti għall-attivitajiet ta' riċerka f'dak ir-reġjun ikompli wkoll wara li tispiċċa s-Sena Polari Internazzjonali;

7.   Jistenna b'interess kbir il-Komunikazzjoni li se toħroġ il-Kummissjoni dwar il-politika għall-Artiku u jittama li tistabbilixxi l-pedament għal politika għall-Artiku sinifikanti fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni biex tindirizza, għall-inqas, dawn il-kwistjonijiet fil-Komunikazzjoni tagħha:

  • (a)l-istat attwali tal-bidla fil-klima fir-reġjun u l-adattament għaliha;
  • (b)l-għażliet tal-politika li jirrispettaw il-popolazzjonijiet indiġeni u l-għajxien tagħhom;
  • (c)il-bżonn li jkun hemm koperazzjoni mal-ġirien tagħna tal-Artiku fuq kwistjonijiet transkonfinali u b'mod partikulari fuq is-sikurezza marittima;
  • (d)l-esplorazzjoni tal-għażliet għal struttura politika jew legali transkonfinali għall-ġejjieni, li tkun tista' sservi għall-ħarsien tal-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli u ordnat tar-reġjun, jew li tkun tista' sservi ta' intermedjarju fil-konfront politiku fir-rigward tar-riżorsi u r-rotot marittimi navigabbli fit-Tramuntana Estrema;

8.   Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi l-politika tal-enerġija u s-sigurtà fir-reġjun Artiku fuq l-aġenda tagħha u biex tipproponi, b'mod partikulari, fil-komunikazzjoni mistennija tagħha dwar ir-reġjun, suġġetti u proċeduri għal ħidma konġunta xierqa għall-UE u l-pajjiżi tal-Artiku, speċjalment fl-oqsma tal-bidla fil-klima, l-iżvilupp sostenibbli, is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku u s-sikurezza marittima;

9.   Jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li r-reġjun tal-Artiku, minħabba l-impatt tiegħu fuq il-klima tad-dinja u l-ambjent naturali uniku tiegħu, jistħoqqlu kunsiderazzjoni speċjali hekk kif l-UE tiżviluppa l-pożizzjoni tagħha għall-Ħmistax-il Konferenza tal-Partijiet għal Konvenzjoni ta' Qafas dwar il-Bidla fil-Klima f'Kopenħagen fl-2009;

10.   Huwa tal-fehma li t-traffiku marittimu fir-reġjun (dak turistiku u dak relatat mat-tħaffir għaż-żejt fil-baħar) ma jgawdi xejn mit-tip ta' regoli minimi internazzjonali tas-sikurezza li jeżistu f'ilmijiet internazzjonali oħrajn - f'termini ta' ħarsien tal-ħajja tal-bniedem jew tal-ambjent u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, malajr kemm jista' jkun, isiru emendi xierqa għar-regolamenti tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali;

11.   Jenfasizza l-aspetti esterni tal-politika tal-enerġija u l-irwol tal-Artiku fit-tiswir tal-Politika tal-Enerġija tal-Ewropa, kif propost mill-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2007;

12.  Jappoġġja l-Kunsill Artiku biex ir-reġjun tal-Artiku jinżamm bħala reġjun ta' tensjoni baxxa, miftuħ għall-koperazzjoni internazzjonali fir-riċerka, sabiex il-potenzjal tiegħu bħala reġjun fornitur tal-enerġija għall-ġejjieni jkun jista' jiġi żviluppat f'qafas ambjentali sostenibbli;

13.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu sehem proattiv fl-Artiku billi, għall-inqas bħala l-ewwel pass, tikseb "status ta' osservatur" fil-Kunsill tal-Artiku, u jqis li l-Kummissjoni Ewropea għandha tistabbilixxi uffiċċju ddedikat għall-Artiku;

14.  Jissuġerixxi li l-Kummissjoni għandha tħejji l-ftuħ ta' negozjati internazzjonali intenzjonati biex iwasslu għall-adozzjoni ta' trattat internazzjonali għall-protezzjoni tal-Artiku, li jkollu bħala l-ispirazzjoni tiegħu lit-Trattat ta' Madrid tal-1993, li jikkonċerna l-Antartiku imma li jirrispetta d-differenza fundamentali rrapreżentata min-natura popolata tal-Artiku u mid-drittijiet u bżonnijiet konsegwenti tal-popli u n-nazzjonijiet tar-reġjun tal-Artiku; jemmen, madankollu, li, bħala punt ta' tluq minimu, trattat ta' dan it-tip jista' tal-anqas ikopri z-zona mhux popolata u mhux klejmjata fiċ-ċentru tal-Oeanu Artiku;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lin-Norveġja, lil Iceland, lir-Russja, lill-Kanada u lill-Istati Uniti u lil dawk li jipparteċipaw fil-koperazzjoni reġjonali.