MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
20.10.2008
- –Pasqualina Napoletano, Richard Howitt u Barbara Weiler, f'isem il-Grupp PSE
- –Marco Cappato u Marco Pannella, f'isem il-Grupp ALDE
- –Ewa Tomaszewska u Inese Vaidere, f'isem il-Grupp UEN
- –ALDE (B6‑0538/2007)
- –PSE (B6‑0539/2008)
- –UEN (B6‑0542/2008)
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Ftehima ta' Sħubija u Koperazzjoni ġdida UE-Vjetnam u d-drittijiet tal-bniedem
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Vjetnam,
– wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Koperazzjoni tal-1995 bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, irratifikat mill-Vjetnam fl-1982,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi t-tieni rawnd ta' taħdidiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Vjetnam qiegħed għaddej f'Ħanoj fl-20 u l-21 ta' Ottubru 2008,
B. billi sar smigħ dwar il-Vjetnam, il-Laos u l-Kambodja mis-Sottokumitat tiegħu għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-25 ta' Awwissu 2008,
C. billi l-laqgħa li jmiss tad-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn it-Trojka tal-UE u l-Vjetnam hija ppjanata għal Diċembru 2008,
D. billi l-Artikolu 1 tal-Ftehima ta' Koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam jiddikjara li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi huwa l-bażi għall-koperazzjoni bejn il-partijiet u għat-twettiq tal-ftehima u li huwa element essenzjali tal-ftehima,
E. billi l-libertà tal-assemblea hija ristretta ħafna: f'Settembru 2008 l-Gvern Vjetnamit nieda l-aktar ripressjoni ħarxa tiegħu f'għexieren ta' snin kontra dimostranti Kattoliċi paċifiċi li kienu qed jipparteċipaw f'tishir ta' talb f'Ħanoj biex jitolbu r-ritorn tal-proprjetajiet tal-knisja kkonfiskati mill-Gvern Vjetnamit,
F. billi l-libertà tal-istampa hija ristretta ħafna: fl-2008, bosta ġurnalisti Vjetnamiti ġew arrestati jew ikkastigati talli rrappurtaw dwar korruzzjoni uffiċjali u, fid-19 ta' Settembru 2008, il-kap tal-uffiċju ta' Ħanoj tal-Associated Press Ben Stocking ġie arrestat u msawwat mill-pulizija talli rrapporta laqgħa paċifika ta' Kattoliċi Vjetnamiti f'Ħanoj,
G. billi l-minoranzi etniċi tal-Għoljiet tat-Tramuntana u dawk Ċentrali għadhom suġġetti għal diskriminazzjoni, konfiska tal-art tagħhom u vjolazzjoni tal-libertajiet reliġjużi u kulturali tagħhom; billi la NGOs indipendenti u lanqas ġurnalisti barranin ma għandhom aċċess bla restrizzjonijiet għall-Għoljiet Ċentrali biex jevalwaw is-sitwazzjoni reali tal-Montagnards, u b'mod partikolari ta' dawk li ġew irripatrijati bil-forza mill-Kambodja; billi mill-2001 aktar minn 300 Montagnard ingħataw sentenzi ta' priġunerija għal attivitajiet politiċi jew reliġjużi paċifiċi,
H. billi, minkejja l-appelli kostanti u ripetuti mill-komunità internazzjonali, il-mexxej tal-Knisja Buddista Unifikata tal-Vjetnam, Thich Quang Do (ta' 79 sena), rebbieħ tal-Premju Rafto 2006 għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġie mitfugħ il-ħabs bosta drabi mill-1982 u għadu taħt arrest domiċiljarju effettiv,
I. billi l-Gvern Vjetnamit għadu ma rrikonoxxiex il-Knisja Buddista Unifikata tal-Vjetnam, li xi darba kienet l-akbar organizzazzjoni ta' Buddisti fil-Vjetnam tan-Nofsinhar u ċentrali,
J. billi l-Vjetnam implimenta leġiżlazzjoni biex jillimita l-libertà tal-aċċess għall-internet, b'kontrolli ta' filtrazzjoni u ta' kontenut, u wettaq arresti ta' ħafna 'dissidenti ċibernetiċi' talli użaw l-internet biex ixerrdu l-opinjonijiet tagħhom dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija jew talli pparteċipaw f'diskussjonijiet fuq l-internet dwar id-demokrazija; billi fl-10 ta' Settembru 2008 l-kittieb u attivist tad-demokrazija fuq l-internet Nguyen Hoang Hai, magħruf bil-psewdonimu Dieu Cay, ingħatatlu sentenza ta' priġunerija,
K. billi membri tal-minoranza etnika Khmer (Khmer Krom) fil-Vjetnam tan-Nofsinhar sofrew persekuzzjoni reliġjuża u konfiska ta' art; billi l-awtoritajiet neżżgħu madwar 20 patri Buddist Khmer Krom minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fi protesta paċifika fi Frar 2007 li talbet li jkun hemm aktar libertà reliġjuża, u bagħtu 5 minnhom il-ħabs; billi l-awtoritajiet Vjetnamiti poġġew lill-patri Buddist Khmer Krom Tim Sakhorn taħt arrest domiċiljarju wara l-ħelsien tiegħu mill-ħabs f'Mejju 2008; billi l-awtoritajiet użaw forza eċċessiva kontra bdiewa Khmer Krom li kienu qed jippetizzjonaw għal soluzzjoni għall-kunflitti dwar l-artijiet,
1. Jenfasizza li d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-Unjoni Ewropea u l-Vjetnam irid iwassal għal titjib tanġibbli fil-Vjetnam; jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jevaljaw mill-ġdid il-politika ta' koperazzjoni mal-Vjetnam, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu l-Artikolu 1 tal-Ftehima ta' Koperazzjoni tal-1995, li tgħid li l-koperazzjoni hija bbażata fuq ir-rispett tal-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet fundamentali;
2. Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi benchmarks ċari għall-evalwazzjoni tal-proġetti ta' żvilupp attwali fil-Vjetnam sabiex tiġi żgurata l-konformità tagħhom mal-klawsola tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija;
3. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, fil-qafas tan-negozjati li hemm għaddejjin għal Ftehima ta' Sħubija u Koperazzjoni ġdida, li se tinkludi klawsola ċara tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija b'mekkaniżmu ta' implimentazzjoni għal din il-klawsola, biex iqajmu man-naħa Vjetnamita l-bżonn li tieqaf il-vjolazzjoni sistematika attwali tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem qabel il-konklużjoni tal-ftehima u, b'mod partikolari, biex jitolbu lill-Gvern Vjetnamit:
- –bħala membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, biex jikkoperaw b'mod attiv mal-mekkaniżmi tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU, billi jistiednu lir-Rapporteur Speċjali dwar l-Intolleranza Reliġjuża, li żar lill-Vjetnam l-aħħar fl-1998, u l-Grupp ta' Ħidma dwar id-Detenzjoni Arbitrarja, li żar il-Vjetnam l-aħħar fl-1994, biex iżiru l-Vjetnam; u biex jipprovdu lill-uffiċjali tan-NU u lir-Rapporteurs Speċjali b'aċċess mhux limitat għar-reġjuni kollha, inklużi l-Għoljiet Ċentrali u tat-Tramuntana, fejn għandhom jitħallew jagħmlu intervisti kunfidenzjali ma' priġunieri u detenuti politiċi u reliġjużi, kif ukoll ma' Montagnards li qed ifittxu ażil li ġew irritornati l-Vjetnam mill-Kambodja;
- –biex jeħles immedjatament lill-persuni kollha li ntbagħtu l-ħabs jew li huma miżmuma minħabba l-espressjoni paċifika ta' twemmin politiku jew reliġjuż, inklużi aktar minn 300 Kristjan Montagnard, kif ukoll patrijiet Buddisti Khmer Krom, attivisti demokratiċi, petizzjonanti tad-drittijiet tal-art, dissidenti ċibernetiċi, mexxejja tat-trejdjunjins, parruċċani Kattoliċi, u segwaċi tal-Buddiżmu Hao Hao u r-reliġjon Cao Dai;
- –biex jipprovdu immedjatament ħelsien sħiħ mill-arrest domiċiljarju lil Thich Quang Do, patrijarka suprem tal-Knisja Buddista Unifikata tal-Vjetnam, u l-patri Khmer Krom Tim Sakhorn, li nħeles mill-ħabs fil-Vjetnam f'Mejju 2008 iżda li għadu taħt arrest domiċiljarju;
- –biex iħallu lill-organizzazzjonijiet reliġjużi indipendenti jwettqu liberament attivitajiet reliġjużi mingħajr indħil mill-gvern u jħallu lil dawn l-organizzazzjonijiet reliġjużi jirreġistraw b'mod indipendenti mal-gvern jekk jagħżlu li jagħmlu dan; biex jirritornaw il-proprjetajiet tal-knisja u l-pagodas ikkonfiskati mill-Gvern Vjetnamit u biex jerġgħu jistabbilixxu l-istatus legali tal-Knisja Buddista Unifikata tal-Vjetnam;
- –biex ineħħu dispożizzjonijiet fil-liġi Vjetnamita li jikkriminalizzaw id-dissidenza u ċerti attivitajiet reliġjużi fuq il-bażi ta' delitti kontra s-'sigurtà nazzjonali' li mhumiex definiti b'mod preċiż biex jiġi żgurat li dawn il-liġijiet ma jkunux jistgħu jiġu applikati kontra dawk li eżerċitaw id-drittijiet bażiċi tagħhom għal-libertà tal-espressjoni, tal-assemblea, tal-assoċjazzjoni u tat-twemmin reliġjuż;
- –biex itemmu ċ-ċensura u l-kontroll tal-Gvern Vjetnamit fuq il-midja domestika kollha, inklużi l-internet u l-komunikazzjonijiet elettroniċi, u jawtorizzaw il-pubblikazzjoni ta' gazzetti u rivisti indipendenti u privati;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-pajjiżi membri tal-ASEAN, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Gvern u l-Parlament tal-Vjetnam.