Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B6-0556/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B6-0556/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA

22.10.2008

imressqa skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura minn
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi li ġejjin: Il-Kongo: il-ġlied fiż-żoni tal-fruntiera tal-lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK)

Proċedura : 2008/2657(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B6-0556/2008
Testi mressqa :
RC-B6-0556/2008
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Kongo: il-ġlied fiż-żoni tal-fruntiera tal-lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-21 ta’ Frar 2008 dwar il-Kivu ta' Fuq,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2008 dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-istupru bħala reat tal-gwerra, kif ukoll ir-Riżoluzzjonijiet ta' qabel dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tat-22 ta' Novembru 2007 tal-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-ACP u l-UE dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, b'mod partikulari fil-lvant u l-impatt fuq ir-reġjun,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-15 ta' Novembrfu 2007 dwar ir-reazzjoni tal-UE għal sitwazzjonijiet ta' fraġilità f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-reġjuni bl-isem "Lejn reazzjoni tal-UE għal sitwazzjonijiet ta’ fraġilità – l-involviment f’ambjenti diffiċli għall-iżvilupp sostenibbli, l-istabilità u l-paċi (COM(2007)0643) u d-Dokument ta' Ħidma tal-Istaff tal-Kummissjoni anness miegħu (SEC(2007)1417),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 60/1 tal-24 ta' Ottubru 2005 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-effetti tas-Samit Dinji tal-2005, u b'mod partikulari, il-paragrafi 138 sa 140 tiegħu dwar ir-responsabiltà tal-protezzjoni tal-popolazzjonijiet,

– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant tar-RDK fl-10 ta' Ottubru 2008,

–  wara li kkonsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-ġlied bejn l-armata tal-Kongo, it-truppi ribelli tal-Ġeneral Laurent Nkunda li tneħħa mill-armata, u l-ġellieda tal-Forzi Demokratiċi għal-Liberazzjoni tal-Irwanda (FDLR) kif ukoll it-truppi tal-Armata ta' Reżistenza Lord (LRA) tal-Uganda ġab tbatija kbira għall-popolazzjonijiet ċivili tar-reġjun tal-provinċji tal-Lvant tar-RDK għal bosta xhur,

B.  billi kien hemm ġlied kbir fl-inħawi tar-raħal ta' Rumangabo, li jinsab mal-fruntiera ħdejn Goma, u kamp militari importanti strateġiku nqered mir-ribelli ta' Nkgunda li ħatfu armi u provvisti,

C.  billi skont rapporti tal-UNHCR il-ġlied ġdid fil-Kivu ta' Fuq ħalla għadd kbir ta' nies imweġġgħin u aktar minn 100,000 persuna li ġew spustati, flimkien ma' rapporti ta' mijiet ta' katavri li ntefgħu fix-xmara u 50,000 persuna li ġew spustati wara ġlied qalil mil-LRA fil-provinċja ta' Ituri,

D.  billi sa mill-ftehim ta' paċi ta' Goma li sar fit-23 ta' Jannar 2008 kien hemm massakri, stupri fuq tfajliet, ommijiet u nanniet, lieva furzata ta' persuni ċivili u suldati tfal, u bosta atti oħra ta' vjolenza u ta' abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fil-Lvant tar-RDK, kemm mit-truppi ribelli ta' Laurent Nkunda kif ukoll mill-ġellieda tal-FDLR u l-armata tal-Kongo stess,

E.  billi l-MONUC għandha mandat, skont il-Kapitlu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, li jawtorizzaha li tuża l-mezzi kollha meħtieġa biex tiskoraġġixxi kull tentattiv ta' użu ta' forza min-naħa ta' xi gruppi armati barranin jew tal-Kongo, b'mod partikulari l-ġellieda tal-ex-FAR u l-Interhamwes li jhedded il-proċess politiku, u biex jiżgura l-ħarsien tan-nies ċivili li jkunu f'theddida imminenti ta' vjolenza fiżika,

F.  wara li kkunsidra l-impenji dwar id-demobilizzazzjoni gradwali u l-waqfien mill-ġlied li ttieħdu fil-Konferenza ta' Goma għall-Paċi, is-Sigurtà u l-Iżvilupp, fosthom il-waqfien mill-ġlied fost dawk kollha mdaħħla fil-ġlied, id-diżarm tal-forzi kollha li mhumiex tal-gvern, ir-ritorn u l-insedjament mill-ġdid tal-persuni spustati kollha fil-Lvant tar-RDK u l-istallazzjoni ta' mekkaniżmu temporanju għall-monitoraġġ tal-waqfien mill-ġlied,

G.  billi l-armata tal-Kongo m'għandhiex ir-riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji meħtieġa biex twettaq il-kompiti tagħha fil-provinċji tal-Lvant tar-RDK u dan hu ta' theddida għas-sehem li għandha biex tħares il-popolazzjoni u terġa' ddaħħal il-paċi,

H.  billi hu importanti ħafna li tinstab soluzzjoni politika għall-kunflitt fil-provinċji tal-Lvant tar-RDK, sabiex jissaħħu l-paċi u d-demokrazija u jiġu promossi l-istabilità u l-iżvilupp fir-reġjun għall-ġid tal-popli kollha tar-Reġjun tal-Għadajjar il-Kbar,

I.  billi l-gwerra ċivili fir-reġjun, li ilha għaddejja għal erba' snin, kienet ikkaratterizzata mis-sakkeġġ sistematiku tal-ġid tal-pajjiż mill-alleati u l-għedewwa tal-Gvern tal-Kongo,

J.  billi bosta għaqdiet umanitarji kellhom iwaqqfu l-attivitajiet tagħhom wara l-ġlied fi tmiem l-2007, filwaqt li ċ-ċentri tas-saħħa għadhom mingħajr provvisti jew ġew abbandunati mill-istaff mediku tagħhom,    

K.  billi, sabiex ikun hemm titjib sinifikanti fis-saħħa u tnaqqis fir-rata tal-imwiet fir-RDK kollha kemm hi u, b'mod partikulari, fil-provinċji tal-Lvant tar-RDK, jeħtieġu snin ta' impenn konsistenti u investiment finanzjarju sostanzjali kemm mill-Gvern tal-Kongo kif ukoll mill-komunità internazzjonali,

L.  billi l-ħaddiema tal-għajnuna umanitarja rrappurtaw li l-popolazzjonijiet lokali u spostati fil-provinċji tal-Lvant tar-RDC qegħdin kulma jmorru jiddgħajfu u li l-ġlied li għadu għaddej qiegħed jimpedixxi lill-ħaddiema tal-assistenza milli jidħlu f'ċerti żoni li jeħtiġilhom assistenza urġenti fl-ikel u l-mediċini,

M.  billi n-nutrizzjoni ħażina hija aspett ieħor tal-vulnerabilità estrema li jinsabu fiha l-popolazzjonijiet li bħalissa qegħdin jgħixu fil-provinċji tal-Lvant tar-RDK u billi t-tagħrif mill-programmi ta' għajnuna medika tal-MSF jagħti indikazzjoni allarmanti tal-kobor tan-nutrizzjoni ħażina fil-provinċji tal-Lvant tar-RDK,

N.  billi l-UE tikkundanna bil-qawwa d-dikjarazzjonijiet reċenti ta' Laurent Nkunda li jitolbu biex jitwaqqa' l-gvern tar-RDK elett b'mod leġittimu,

1.  Huwa mħasseb ferm dwar il-ġlied li reġa' beda bejn l-armata tal-Kongo u l-milizzji ribelli fil-Kivu ta' Fuq u fir-reġjun ta' Ituri, li qabel kien wieħed ta' paċi;

2.  Jesprimi r-rabja kbira tiegħu għall-massakri, ir-reati kontra l-umanità u l-vjolenza sesswali kontra n-nisa u l-bniet, li ilhom għaddejjin għal wisq snin fil-provinċji tal-Lvant tar-RDK u jistieden lill-awtoritajiet rilevanti nazzjonali u internazzjonali biex b'mod sistematiku jinġiebu l-ħatja quddiem il-ġustizzja, huma min huma, u jistieden lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti biex b'urġenza jieħu l-miżuri kollha li jistgħu jwaqqfu b'mod ġenwin aktar attakki fuq il-popolazzjonijiet ċivili tal-provinċji tal-Lvant tar-RDK;

3.  Jistieden lill-Congrès National pour la Défense du Peuple (CNDP) biex jerġa' lura minnufih u bla kundizzjonijiet għall-proċess tal-paċi li kkommetta ruħu għalih f'Goma f'Jannar;

4.  Iħeġġeġ lill-parteċipanti kollha biex jerġgħu jistabbilixxu l-istat tad-dritt u biex jiġġieldu konra l-impunità minħabba l-istupri tal-massa tan-nisa u l-bniet u r-reklutaġġ tat-tfal bħala suldati;

5.  Jistieden lill-Gvern tar-RDK biex jiżviluppa pjan flimkien mal-Irwanda u l-MONUC sabiex jiżolaw u jaqbdu lill-mexxejja tal-FDLR li wettqu l-ġenoċidji u biex joffru li jerġgħu jilqgħu fil-Kongo jew li jiġu integrati fl-Irwanda lil dawk li ma kinux imdaħħla fil-ġenoċidji u li huma lesti li jiddemobilizzaw;

6.  Jistieden lill-komunità internazzjonali u lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex isaħħu l-MONUC billi jipprovdu materjal xieraq u staff sabiex ikunu jistgħu jaqdu l-mandat tagħhom, kif kien mitlub mill-kap tal-MONUC Alan Doss fi New York wara li informa lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

7.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-President tar-RDK u l-ministri tiegħu esprimew pubblikament l-appoġġ tagħhom għall-MONUC u għall-kontribut tagħha għas-sigurtà nazzjonali;

8.  Jistieden lill-MONUC biex tinvestiga l-akkużi li l-armata tal-Kongo qiegħda tiftiehem mal-FDLR fuq il-kontroll tal-kummerċ tal-minerali li jħalli l-qligħ, u biex twaqqaf din il-prattika;

9.  Jerġa' jafferma l-appoġġ tiegħu għall-awtoritajiet tal-Kongo fl-isforzi tagħhom biex isibu soluzzjoni politika għall-kriżi u jistieden lill-partijiet kollha biex josservaw il-waqfien mill-ġlied;

10.  Jinnota filwaqt li jitħasseb li elementi mill-Armata ta' Reżistenza tar-ribelli Lord (LRA) tal-Uganda dan l-aħħar mexxiet attakki fuq 16-il lokalità fit-territorji ta' Dungu, Province Oriental u Ituri fil-Lvant tar-RDK, fejn il-UNHCR irrappurtat li kien hemm madwar 80 tifel u tifla neqsin, filwaqt li kkonfermaw il-biża' li reġa' qiegħed isir ir-reklutaġġ furzat tat-tfal bħala suldati;

11.  Jenfasizza li l-ġbir tan-nies fi gruppi etniċi waqt il-proċess ta' spostament jista' jkun ta' periklu fiċ-ċirkustanzi attwali;

12.  Jitlob li m'għandu jkun hemm l-ebda tolleranza għall-vjolenza sesswali fir-rigward tal-bniet u tan-nisa, aġir li jintuża bħala arma tal-gwerra, u jitlob kastigi ħorox kontra l-persuni ħatja ta' dawn ir-reati; ifakkar fl-importanza tal-aċċess għas-servizzi tas-saħħa riproduttiva u għall-għoti tal-pariri f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt u fil-kampijiet tar-rifuġjati;

13.  Jistieden lill-partijiet kollha biex jonoraw l-impenji tagħhom li jħarsu l-popolazzjoni ċivili u l-osservanza tad-drittijiet tal-bniedem, kif hemm fil-ftehima ta' paċi ta' Goma u fil-Komunikat ta' Nairobi u biex jimplimentawhom bil-ħeffa;

14.  Jistieden lill-gvernijiet tar-RDK u tal-Irwanda biex iwaqqfu t-tilwim verbali reċenti u biex jerġgħu lura għad-djalogu kostruttiv u jtemmu dan il-kunflitt;

15.  Iħeġġeġ lill-gvernijiet kollha tar-Reġjun tal-Għadajjar il-Kbar biex jibdew djalogu bil-għan li jikkoordinaw l-isforzi tagħhom biex inaqqsu t-tensjoni u jwaqqfu l-vjolenza fil-Lvant tar-RDK, qabel ma l-kunflitt jinfirex fir-reġjun kollu kemm hu;

16.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex, b'effett immedjat, jimplimentaw programmi ta' għajnuna medika fuq skala kbira għall-popolazzjonijiet ċivili fil-Lvant tar-RDK, b'aċċent partikulari fuq l-assistenza għan-nisa u l-bniet effettwati mir-reati tal-vjolenza sesswali, sabiex jintlaħqu l-bżonnijiet immedjati tal-popolazzjoni kif ukoll biex tiġi antiċipata r-rikostruzzjoni tar-reġjun li ser tkun meħtieġa; jinnota s-sehem ewlieni tan-nisa biex il-komunitajiet imfarrka jinbnew mill-ġdid;

17.  Jistieden lill-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali biex jinvestiga r-reati atroċi mwettqa fil-Kivu u f'Ituri sa minn Ġunju 2003 u biex jipproċedi kontra dawk responsabbli b'mod ċar; jiżgura li dawn jinkludu l-kapijiet tal-milizzji ewlenin li għadhom ma ġewx arrestati, u dawk responsabbli għall-massakri u għall-vjolenza sesswali;

18.  Jitlob li jiġu implimentati b'mod effettiv mekkaniżmi ta' kontroll, bħall-proċess ta' Kimberley, f'dak li għandu x'jaqsam maċ-ċertifkazzjoni tal-oriġini tar-riżorsi naturali importati fis-suq tal-UE;

19.  Jistieden lill-Kunsill u lil kull Stat Membru tal-UE biex jagħtu għajnuna speċjali lill-popolazzjonijiet tal-Lvant tar-RDK;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lir-Rappreżentant Għoli tas-CFSP, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, kif ukoll lill-parlamenti u lill-gvernijiet tar-Reġjun tal-Għadajjar il-Kbar.