MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
19.11.2008
- –Jürgen Schröder, Colm Burke u Geoffrey Van Orden, f'isem il-Grupp PPE-DE
- –Pasqualina Napoletano, Alain Hutchinson u Ana Maria Gomes, f'isem il-Grupp PSE
- –Thierry Cornillet, Philippe Morillon, Frédérique Ries, Fiona Hall, Renate Weber u Marios Matsakis, f'isem il-Grupp ALDE
- –Ryszard Czarnecki, Adam Bielan, Ewa Tomaszewska u Mieczysław Edmund Janowski, f'isem il-Grupp UEN
- –Frithjof Schmidt u Angelika Beer, f'isem il-Grupp Verts/ALE
- –Verts/ALE (B6‑0590/2008)
- –ALDE (B6‑0592/2008)
- –PPE-DE (B6‑0593/2008)
- –UEN (B6‑0594/2008)
- –PSE (B6‑0595/2008)
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-reazzjoni tal-UE għas-sitwazzjoni li sejra għall-agħar fil-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-11 ta' Novembru 2008 dwar is-sitwazzjoni fir-RDK,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2008 dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo: il-ġlied fiż-żoni tal-fruntiera tal-Lvant tar-RDK,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Frar 2008 dwar il-Kivu tat-Tramuntana,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Jannar 2008 dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u dwar l-istupru bħala reat tal-gwerra u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Novembru 2007 dwar ir-reazzjoni tal-Unjoni Ewropea għal sitwazzjonijiet ta’ fraġilità f'pajjiżi li qed jiżviluppaw,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-22 ta’ Novembru 2007 tal-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-UE dwar is-sitwazzjoni fir-RDK, b’mod partikolari fil-Lvant tal-pajjiż, u l-impatt tagħha fuq ir-reġjun,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ottubru 2007 bl-isem 'Lejn reazzjoni tal-UE għal sitwazzjonijiet ta’ fraġilità – l-involviment f’ambjenti diffiċli għall-iżvilupp sostenibbli, l-istabilità u l-paċi (COM(2007)0643) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni anness magħha (SEC(2007)1417),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 60/1 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-24 ta' Ottubru 2005 dwar ir-Riżultati tas-Samit Dinji tal-2005, u b'mod partikolari l-paragrafi 138 sa 140 dwar ir-responsabilità tal-ħarsien tal-popolazzjonijiet,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-Samit tal-SADC, li wriet li kienet lesta li tibgħat truppi għaż-żamma tal-paċi lejn it-Tramuntana tal-Kivu 'jekk ikun meħtieġ',
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Ottubru 2008 dwar is-sitwazzjoni fin-naħa tal-Lvant tar-RDK,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-missjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp fil-Kivu tat-Tramuntana fl-2008,
– wara li kkunsidra l-Kunses Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja ffirmat fit-18 ta' Diċembru 2007,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi l-ġlied bejn l-armata tal-Kongo, il-milizja tal-Mai Mai, it-truppi ribelli tal-Ġeneral Laurent Nkunda li tkeċċa mill-armata, u l-ġellieda tal-Forzi Demokratiċi għal-Liberazzjoni tal-Irwanda (FDLR) kif ukoll it-truppi tal-Armata ta' Reżistenza tal-Mulej (LRA) tal-Uganda żdied u qed ikompli jikkawża tbatija kbira għall-popolazzjonijiet ċivili fil-Kivu tat-Tramuntana,
B. wara li kkunsidra l-missjoni tal-Ħadd, 16 ta' Novembru 2008 tal-mibgħut tan-NU, l-ex-President Niġerjan Olusegun Obasanjo, u l-ftehima li rriżultat mal-mexxej tar-ribelli Laurent Nkunda dwar il-ħolqien ta' kumitat tripartitiku biex jissorvelja l-waqfien mill-ġlied bejn l-armata u r-ribelli, u l-ħtieġa urġenti għall-appoġġ tas-setgħat li huma sħab tal-pajjiżi kkonċernati, bil-għan li jiġi żgurat li jkun hemm soluzzjoni,
C. billi qed isiru sforzi diplomatiċi internazzjonali intensi li jinvolvu medjaturi Ewropej u reġjonali, bil-għan li jkun evitat li jikber il-ġlied fil-Kivu tat-Tramuntana u jwassal għal gwerra oħra fil-Kongo bħal dik tal-1998-2003, li kienet akbar u kienet tinvolvi sitt stati ġirien; billi samit reġjonali dwar il-kriżi fil-Lvant tar-RDK kien organizzat fis-7 ta' Novembru f'Najrobi;
D. billi mindu bdiet il-vjolenza, miljuni ta' nies inqatlu jew ġew spustjati u billi madwar 250 000 ruħ ġew spustjati mindu l-Ġeneral Laurent Nkunda reġa' beda l-ġlied fir-RDK f'Awwissu, li wassal għal katastrofi umanitarja fil-Lvant tal-Kongo,
E. billi minkejja l-mandat tagħha li ngħatalha mill-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, li jawtorizzaha biex tuża l-mezzi kollha meħtieġa biex jiskuraġġixxu kull attentat ta' użu ta' forza, u biex jipproteġu l-popolazzjoni ċivili,
- il-MONUC ma kellhiex il-mezzi meħtieġa biex tipproteġi lin-nies ċivili mindu reġa' beda l-ġlied fil-Lvant tar-RDK kif ukoll biex tiddiżarma u tirripatrija l-ġellieda Hutu mir-Rwanda li qegħdin fit-territorju Kongoliż,
- il-MONUC ġiet imġiegħla tistenna l-awtorizzazzjoni mill-Indja u mill-Pakistan biex tibgħat suldati Indjani u Pakistani għall-ġlied, għall-kuntrarju tad-dispożizzjonijiet tal-mandat, li fuq il-bażi tiegħu l-MONUC ntbagħtet hemm,
- il-MONUC ma intervenietx biex twaqqaf il-massakru ta' aktar minn 200 ruħ li seħħ fil-5 ta' Novembru 2008 f'Kiwandja minkejja l-fatt li waħda mill-bażijiet militari tagħha tinsab hemmhekk,
F. billi fil-11 ta' Novembru 2008 l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ddiskuta għal darba oħra s-sitwazzjoni fil-Lvant tar-RDK mingħajr ma laħaq qbil li l-MONUC tissaħħaħ bi 3000 suldat ieħor, kif mitlub mill-MONUC,
G. billi minn total ta' 17 000 suldat tal-MONUC, 6 000 suldat biss qegħdin fil-Kivu tat-Tramuntana,
H. billi l-Istati Membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU - li jinkludi l-Belġju, Franza, l-Italja u r-Renju Unit - dejjem irrifjutaw li jagħtu mezzi ulterjuri lill-MONUC sabiex twettaq il-missjoni tagħha; billi l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea qed jitlob li jkun hemm koperazzjoni msaħħa bejn l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-MONUC,
I. billi wara l-inizjattiva tal-Kummissarju Ewropew Louis Michel, ġie organizzat samit reġjonali f'Najrobi, li matulu Joseph Kabila, il-Presidenti tal-Kongo, u Paul Kagame, il-President tar-Rwanda, qablu li jimplimentaw minnufih il-ftehimiet kollha li saru fl-imgħoddi sabiex jiġi żgurat li jkun hemm paċi u stabilità politika sostenibbli,
J. billi, madankollu, wara dik il-laqgħa ma seħħ ebda waqfien immedjat mill-ġlied fil-Lvant tar-RDK, u ssokta l-ġlied vjolenti bejn il-partijiet fil-kunflitt, li laqat b'mod qawwi lill-popolazzjoni ċivili,
K. billi l-MONUC stabbiliet b'mod ċar li l-ġellieda ta' Laurent Nkunda qed jirċievu appoġġ mir-Rwanda, u s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Ban Ki-moon stieden lill-mexxejja Afrikani biex jassumu r-'responsabilità storika' tagħhom 'f'dan il-mument kruċjali għar-reġjun, għall-Afrika u għad-dinja',
L. billi l-organizzazzjonijiet umanitarji huma bħalissa responsabbli għal 200 000 refuġjat fil-kampijiet madwar il-belt ta' Goma u jagħtu stima li jista' jkun hemm sa miljun persuna ċivili mistoħbija fl-imsaġar sabiex jaħarbu mill-vjolenza; billi l-qagħda fil-kampijiet tar-refuġjati qegħda ta' kuljum tmur għall-agħar u l-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Refuġjati jinsab ħosbien minħabba l-possibilità li l-kampijiet tar-refuġjati jiġu mmilitarizzati,
M. billi r-reklutaġġ tas-suldati tfal fil-Lvant tar-RDK żdied b'mod sinifikanti mindu kiber il-kunflitt,
N. billi jidher li kemm it-truppi Kongoliżi kif ukoll il-ġellieda tal-FDLR (il-Forzi Demokratiċi għal-Liberazzjoni tar-Rwanda) huma involuti fl-isfruttament u l-bejgħ tal-minerali fil-Lvant tar-RDK,
O. billi l-Pjan biex tintemm il-kriżi fil-Lvant tar-Repubblika tal-Kongo, stabbilit mill-parlamentari Kongoliżi, jappella għal mobilizzazzjoni ġenerali favur id-djalogu militari, politiku u diplomatiku bejn il-partijiet involuti fil-kunflitt,
P. billi l-Ministri tal-Affarijiet Barranin ta' Franza u tar-Renju Unit, Bernard Kouchner u David Milliband, irrakkomandaw li aħjar tissaħħaħ l-MONUC minflok tintbagħat forza Ewropea fil-Kivu tat-Tramuntana iżda fl-istess ħin iddikjaraw li l-possibilità li tintbagħat forza Ewropea ma kenitx eskluża jekk isir meħtieġ,
Q. wara li kkunsidra il-qagħda li qed tiħżien tal-epidemiji fil-Kivi tat-Tramuntana, fejn il-kolera, il-ħożba u s-sogħla konvulsiva qed jinfirxu minħabba li għadd kbir ta' persuni spustjati qed jingħataw kenn f'siti temporanji,
1. Hu mħasseb ħafna dwar il-fatt li żdied il-ġlied fil-Kivu tat-Tramuntana u l-konsegwenzi għall-popolazzjoni tal-Lvant tar-RDK u r-reġjun kollu kemm hu, b'mod partikolari l-konsegwenzi umanitarji b'riżultat tal-offensiva riċenti mis-CNDP, li wasslet għall-ispustjar u l-qtil ta' għadd kbir ta’ nies fil-Kivu tat-Tramuntana;
2. Jesprimi r-rabja kbira tiegħu dwar il-massakri, id-delitti kontra l-umanità u l-atti ta' vjolenza sesswali kontra n-nisa u t-tfajliet fil-provinċji tal-Lvant tar-RDK u jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali u internazzjonali rilevanti kollha biex iressqu sistematikament lil dawk kollha li wettqu dawn l-atti quddiem qorti; jistieden lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, biex b'mod urġenti jieħu l-miżuri kollha li jistgħu verament jipprevjenu aktar attakki oħra fuq il-popolazzjoni ċivili tal-provinċji tal-Lvant tar-RDK;
3. Jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri biex iżidu l-għajnuna umanitarja għall-popolazzjoni ċivili effettwata minn din il-krizi; jiġbed l-attenzjoni għad-diffikultajiet li qed jiffaċċaw l-organizzazzjonijiet umanitarji biex iwasslu l-assistenza umanitarja minħabba s-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-Kivu tat-Tramuntana; jistieden lill-partijiet kollha konċernati sabiex jiżguraw l-aċċess għall-popolazzjonijiet vulnerabbli u s-sigurtà tal-ħaddiema umanitarji biex il-preżenza umanitarja tkun tista’ tkompli; ifakkar li l-mezzi u l-kapaċitajiet militari bħala appoġġ għall-operazzjonijiet ta’ għajnuna umanitarjama għandhomx jintużawx ħlief f’każijiet limitati ħafna u bħala l-aħħar għażla;
4. Itenni t-twemmin sod tiegħu li l-proċessi ta’ Amani u ta’ Nairobi għadhom il-qafas xieraq biex tkun stabbilizzata s-sitwazzjoni fil-Lvant tar-RDK fuq medda twila ta’ żmien;
5. Iħeġġeġ lil Laurent Nkunda biex jirrispetta d-dikjarazzjoni tiegħu stess ta’ appoġġ għall-proċess ta’ paċi għal-Lvant tar-RDK wara diskussjonijiet mal-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u l-ex-President tar-Repubblika tan-Niġerja, Olusegun Obasanjo; f’dan ir-rigward, jistieden lis-CNDP biex mingħajr dewmien jerġgħu jidħlu fil-proċess ta’ paċi ta’ Amani; itenni l-appoġġ tiegħu għall-awtoritajiet Kongoliżi fit-tiftixa ta' soluzzjoni politika għall-kriżi; jilqa’ b’sodisfazzjon il-pjan ippreżentat mill-parlamentari Kongoliżi, li jitlob li jkun hemm mobilizzazzjoni ġenerali favur djalogu militari, politiku u diplomatiku;
6. Iqis li għandha titlaqqa' konferenza internazzjonali ħdejn l-Għadajjar il-Kbar biex tinstab soluzzjoni politika vijabbli għall-konflitt u biex tkun promossa l-integrazzjoni soda tal-ekonomija reġjonali, li se tkun ta' ġid għall-pajjiżi kollha tar-reġjun;
7. Jenfasizza l-ħtieġa għal aktar sforzi biex tintemm l-attività ta’ gruppi armati barranin fil-Lvant tar-RDK, b’mod partikulari tal-FDLR; jistieden lill-gvernijiet tar-RDK u ta’ pajjiżi oħra fir-reġjun biex jieħdu l-passi meħtieġa għal dan il-għan; jilqa' b'sodisfazzjon il-ftehima bejn ir-RDK u r-Rwanda, imħabbra miż-żewġ ministri għall-affarijiet barranin, li tippermetti timijiet ta’ intelliġenza tar-Rwanda li jidħlu fir-RDK u jikkoperaw mal-armata Kongoliża biex itemmu l-preżenza ta' l-FDRL fir-reġjun;
8. Jistieden lill-Unjoni Afrikana, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u lil atturi internazzjonali ewlenin, inklużi l-UE, l-Istati Uniti u ċ-Ċina, biex iżidu l-pressjoni fuq il-partijiet kollha biex ikomplu bil-proċess ta' paċi, bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni għall-problema tal-kontroll tar-riżorsi minerali u li wieħed jimmira għal ftehim ta' paċi wiesa' minflok biss ftehim ta' waqfien mill-ġlied, u jistieden ukoll lil dawn l-atturi biex jagħmlu pressjoni fuq ir-Rwanda u fuq l-Uganda biex iwiegħdu li jtemmu l-moviment ħieles u l-operazzjonijiet tat-truppi ta' Nkunda fit-territorju tagħhom;
9. Iħeġġeġ lill-partijiet kollha konċernati biex jerġgħu jistabbilixxu l-istat tad-dritt u biex jiġġieldu l-impunità, b'mod speċifiku fir-rigward tal-istupri tal-massa tan-nisa u t-tfajliet u r-reklutaġġ tat-tfal bħala suldati;
10. Jistieden lill-Gvern tar-RDK biex jiżviluppa pjan mar-Rwanda u l-MONUC biex jiżola u jaqbad il-mexxejja tal-ġenoċidju fost l-FDLR u joffri sistematizzazzjoni mill-ġdid fir-RDK jew riintegrazzjoni fir-Rwanda lil dawk li ma kinux involuti fil-ġenoċidju u huma lesti li jiddemobilizzaw;
11. Jistieden lill-awtoritajiet Kongoliżi biex iwaqqfu immedjatament is-sakkeġġi u l-vjolenza mis-suldati tal-gvern li raw b’għajnejhom ir-rappreżentanti tal-OCHA;
12. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni tal-Panel ta' Esperti dwar l-esplojtazzjoni illegali tar-riżorsi naturali tar-RDK, inklużi s-sanzjonijiet fuq dawk il-persuni u kumpaniji li l-parteċipazzjoni tagħhom fis-sakkeġġ ġiet ippruvata, sabiex jikkontribwixxu għall-istabbilizzazzjoni tal-pajjiż;
13. Isemmi l-fatt li l-isfruttament illegali tar-riżorsi naturali fil-Lvant tar-RDK hu sors ta’ finanzjament għall-gruppi ribelli u għaldaqstant, sors ta’ instabilità fir-reġjun; itenni l-importanza li dan it-tip ta’ sfruttament illegali jiġi miġġieled; f’dan is-sens jistieden lill-awtoritajiet Kongoliżi b’kollaborazzjoni mal-MONUC biex jagħlqu l-bażijiet ekonomiċi tal-gruppi ribelli, billi jżommuhom milli jkollhom aċċess għall-provvisti ta’ minerali (b’mod partikolari d-djamanti, il-koltan u d-deheb) u n-netwerks ta’ kummerċ;
14. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex fit-taħdidiet mal-gvernijiet tar-RDK u tal-pajjiżi ġirien tagħha jinsistu fuq sistemi effettivi ta' traċċabilità u ta' prova tal-oriġini tar-riżorsi naturali, jigifieri d-deheb, il-'cassiterite' (il-materjal minerali li minnu tiġi estratta l-landa), il-koltan, il-kobalt, id-djamanti, il-pirokloru u l-injam tas-siġar, u li jaċċettaw li fit-territorju tagħhom isir skjerament ta' monituri inkarigati min-NU biex josservaw l-importazzjonijiet ta' riżorsi naturali mir-RDK u li jiżguraw il-ħarsien ta' dawn il-monituri;
15. Itenni t-talba tiegħu li jitwaqqfu b'mod effettiv mekkaniżmi ta' monitoraġġ li jkunu analogi għall-proċess ta' Kimberley għaċ-ċertifkazzjoni tal-oriġini tar-riżorsi naturali ġejjin mir-RDK importati għal ġol-UE;
16. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li kumpaniji Ewropej mhumiex qed jagħmlu kummerċ, imexxu jew jimpurtaw prodotti derivati minn minerali li s-sors tagħhom ikun b'xi mod jibbenefika l-gruppi armati fir-RDK, u jżomm responsabbli lil kwalunkwe kumanija li tippersisti f'dawn il-prattiki;
17. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jagħmlu kull sforz biex tinstab soluzzjoni politika, li hi l-uniku mezz biex jintemmu l-kunflitti fir-RDK; jilqa’ b’sodisfazzjon, f’dan is-sens, l-inizjattiva meħuda mill-Kummissarju Michel biex jorganizza laqgħa bejn il-President tar-RDK u l-President tar-Repubblika tar-Rwanda f’Nairobi; jistieden lill-Kummissjoni sabiex timpenja ruħha mal-awtoritajiet tar-RDK bil-għan li timplimenta l-ftehim dwar ir-ritorn tal-ġellieda tal-FDLR lejn ir-Rwanda; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-RDK u tar-Repubblika tar-Rwanda biex iżidu l-koperazzjoni tagħhom saiex jimplimentaw l-impenji li ħadu f’Nairobi, u biex jagħtu prijorità lid-djalogu u l-konsultazzjoni sabiex tinkiseb paċi dejjiema fil-Lvant tar-RDK u l-istabilità fir-reġjun,
18. Jitlob li jkun hemm tolleranza żero tal-vjolenza sesswali kontra t-tfajliet u n-nisa li tintuża bħala arma tal-gwerra u li jiġu imposti penali kriminali qawwija fuq dawk li jwettqu dawn id-delitti; jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza li jkun hemm aċċess għas-servizzi tas-saħħa f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt u f'kampijiet tar-refuġjati, b'mod partikolari fid-dawl ta' episodji riċenti fejn faqqgħu l-kolera, is-sogħla konvulsiva u l-ħosba;
19. Itenni l-appoġġ tiegħu għall-MONUC fiċ-ċirkostanzi drammatiċi fejn il-preżenza tagħha, minkejja n-nuqqasijiet, għadha indispensabbli, u titlob li jsir dak kollu li hu meħtieġ biex din tkun tista’ twettaq il-mandat tagħha b’mod sħiħ u tuża l-forza tal-armi biex tipproteġi lill-persuni mhedda; f’dan ir-rigward, jistieden lill-Kunsill, u b’mod partikolari lill-Belġju, Franza, l-Italja u r-Renju Unit biex ikollhom rwol ewlieni sabiex jiżguraw li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jappoġġjaw lill-MONUC billi jsaħħu l-kapaċitajiet operattivi tagħha mil-lat ta’ tagħmir u persunal xieraq, f’dan ir-rigward, jistieden lill-Kunsill, u b’mod partikolari lill-Belġju, Franza, l-Italja u r-Renju Unit biex ikollhom rwol ewlieni sabiex jiżguraw li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jappoġġjaw lill-MONUC billi jsaħħu l-kapaċitajiet operattivi tagħha mil-lat ta’ tagħmir u persunal xieraq,
20. Jistieden lill-Kunsill biex iħeġġeġ lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet uniti biex jipprovdu lill-MONUC bil-mandat u bil-mezzi biex jindirizzaw l-isfruttament tal-minerali minn gruppi armati, anke billi jagħmlu monitoraġġ u jikkontrollaw zoni ewlenin tal-fruntieri, l-airstrips, zoni speċifiċi tal-minjieri u rotot tal-provvista;
21. Jinsisti jekk, jekk isir skjerament ta’ forzi militari addizzjonali, il-mandat tagħhom ikun jiffoka fuq il-ħarsien ta’ persuni ċivili, kif ukoll fuq l-appoġġ u l-kontribut lejn ir-rispett tat-trattati ta’ paċi ġodda li jistgħu jiġu konklużi;
22. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex flimkien mal-Gvern tar-RDK, man-NU u ma' donaturi ewlenin oħra, ifasslu pjan ġdid ta’ Diżarm, Dimobbilizzazzjoni u Riintegrazzjoni (DDR) fuq skala kbira għar-RDK, ibbażat fuq il-Kunċett tal-UE għal Appoġġ lid-DDR kif ukoll Strateġija ambizzjuża ta' Riforma fis-Settur tas-Sigurtà għar-RDK li tkun ibbażata fuq il-Qafas tal-Politika tal-UE għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà, filwaqt li t-tnejn li huma jkunu ffinanzjati mill-Komunità u mis-CFSP;
23. Jistieden lill-Gvern tar-RDK biex jagħmel dak kollu possibbli biex jidentifika lill-persuni responsabbli għar-reati tal-gwerra li saru fir-reġjun, u jressquhom quddiem il-ġustizzja;
24. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jimplimentaw b'effett immedjat programmi umanitarji, ta' għajnuna medika u ta' riintegrazzjoni fuq skala kbira għall-popolazzjonijiet ċivili fin-naħat tal-Lvant tar-RDK, b'attenzjoni partikolari fuq l-għajnuna għan-nisa u t-tfajliet affettwati minn delitti ta' vjolenza sesswali, sabiex jiġu ssodisfati l-bżonnijiet immedjati u qabel ma tibda r-rikostruzzjoni li se tkun meħtieġa; jinnota l-irwol ewlieni li għandhom in-nisa fil-bini mill-ġdid ta' komunitajiet imfarrka;
25. Jinnota b'interess il-ħatra ta’ tim ta’ faċilitaturi li jinkludi lill-Ex-President tar-Repubblika tan-Niġerja Olusegun Obasanjo u l-Ex-President tar-Repubblika Unita tat-Tanzanija Benjamin Mkapa; jistieden lill-Kunsill biex jaħdem flimkien mal-Konferenza Internazzjonali dwar ir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar u mal-Unjoni Afrikana biex tiġi stabbilizzata s-sitwazzjoni fil-Lvant tar-RDK;
26. Jistieden lill-kunsill biex jaħdem mal-medjaturi internazzjonali u reġjonali biex jiġu indirizzati l-aġendi ekonomiċi tal-partijiet li qed jiġġieldu b’mod espliċitu fil-kuntest tal-isforzi attwali ta’ medjazzjoni;
27. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex isegwu mill-qrib is-sitwazzjoni umanitarja u tas-sigurtà fil-Lvant tar-RDK, bil-għan li jiddeterminaw b’aktar dettall il-linji ta’ azzjoni differenti li wieħed jista’ jimmaġina skont iċ-ċirkostanzi;
28. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni Afrikana u lill-gvernijiet tar-RDK u tal-SADC.