MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
14.1.2009
- –Jacek Protasiewicz, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Charles Tannock u Esther De Lange, f'isem il-Grupp PPE-DE
- –Jan Marinus Wiersma u Justas Vincas Paleckis, f'isem il-Grupp PSE
- –Annemie Neyts-Uyttebroeck, Janusz Onyszkiewicz u Jeanine Hennis-Plasschaert, f'isem il-Grupp ALDE
- –Konrad Szymański, Wojciech Roszkowski, Adam Bielan, Hanna Foltyn-Kubicka, Ewa Tomaszewska. Ryszard Czarnecki. Inese Vaidere, Ģirts Valdis Kristovskis u Gintaras Didžiokas, f'isem il-Grupp UEN
- –Elisabeth Schroedter u Milan Horáček, f'isem il-Grupp Verts/ALE
- –ALDE (B6‑0028/2009)
- –PSE (B6‑0029/2009)
- –Verts/ALE (B6‑0030/2009)
- –UEN (B6‑0031/2009)
- –PPE-DE (B6‑0032/2009)
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-istrateġija tal-UE rigward il-Belarus
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Belarus, b'mod partikolari dik tad-9 ta' Ottubru 2008,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni mill-Presidenza f'isem l-Unjoni Ewropea dwar il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/844/CFSP tal-10 ta' Novembru 2008 li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2006/276/CFSP dwar miżuri restrittivi kontra ċertu uffiċjali tal-Belarus,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Belarus tat-13 ta' Ottubru 2008, li neħħew il-projbizzjoni ta' kuntatti politiċi mal-awtoritajiet tal-Belarus u ssospendew il-projbizzjoni ta' viżi għal sitt xhur fir-rigward ta' uffiċjali tal-Belarus, inkluż il-President Alexander Lukashenko,
– wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Bniedem għall-2008, tas-27 ta' Novembru 2008,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-3 ta' Diċembru 2008 dwar l-Inizjattiva tas-Sħubija tal-Lvant,
– wara li kkunsidra r-Rapport Finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni tal-Elezzjonijiet tal-OSCE/ODIHR tas-27 ta' Novembru 2008,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Kunsill, fil-konklużjonijiet tiegħu tat-13 ta' Ottubru 2008, ikkonferma tamiet li r-relazzjonijiet mal-Belarus jiġu gradwalment stabbiliti mill-ġdid u r-rieda tiegħu li jiżviluppa djalogu mal-awtoritajiet tal-Belarus, u ma' forzi politiċi oħra fil-pajjiż, bl-għan li jitrawwem progress ġenwin lejn id-demokrazija u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem,
B. billi sabiex jinkoraġġixxi djalogu mal-awtoritajiet tal-Belarus u l-adozzjoni ta' miżuri pożittivi biex jissaħħu d-demokrazija u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-Kunsill iddeċieda li r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar imposti fuq ċertu uffiċjali tal-Gvern tal-Belarus, bl-eċċezzjoni ta' dawk involuti fil-każijiet ta' għajbien li ġraw fl-1999 u fl-2000 u taċ-Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali Ċentrali, mhux se japplikaw għal perjodu ta' sitt xhur li jista' jiġi mġedded,
C. billi, bħala reazzjoni għall-passi pożittivi meħudin mill-Belarus, il-Kummissjoni diġà daħlet fi djalogu intensifikat mal-pajjiż imsemmi f'oqsma bħalma huma l-enerġija, l-ambjent, id-dwana, it-trasport u s-sikurezza tal-ikel u kkonfermat ir-rieda tagħha li tkompli tkabbar il-firxa ta' suġġetti trattati minn dawn it-taħdidiet tekniċi, li huma ta' benefiċċju għaż-żewġ naħat,
D. billi l-Missjoni ta' Osservazzjoni tal-Elezzjoni tal-OSCE/ODIHR iddikjarat fir-rapport finali tagħha li għalkemm kien hemm xi titjib żgħir, l-elezzjonijiet tat-28 ta' Settembru 2008, li saru f'ambjent ikkontrollat b'mod strett b'kampanja li bilkemm inħasset u li kienu kkaratterizzati b'nuqqas ta' trasparenza fl-għadd tal-voti u fil-ġbir tar-riżultati minn postijiet tal-votazzjoni differenti, fl-aħħar mill-aħħar ma laħqux l-istandards demokratiċi rikonoxxuti f'livell internazzjonali, billi Lidziya Yarmoshyna, Chairperson tal-Kumissjoni Elettorali Ċentrali, ammettiet li l-elezzjonijiet ta' Settembru 2008 ma kinux irċevew 'rikonoxximent sħiħ u mingħajr kundizzjonijiet bħala elezzjonijiet li kienu konformi mal-istandards internazzjonali min-naħa tas-sħab Ewropej' u għalhekk l-'għan aħħari' tal-elezzjonijiet ma kienx intlaħaq,
E. billi l-Kummissjoni nediet l-'Inizjattiva ta' Sħubija mal-Lvant' biex iżżid il-koperazzjoni ma’ numru ta’ pajjiżi tal-Lvant tal-Ewropa, inkluż il-Belarus, bil-kundizzjoni li l-pajjiż imsemmi jissodisfa l-kriterji speċifiċi relatati mad-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt,
F. billi l-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Belarus, Syarhei Martynau, iddikjara li 'il-Belarus hu ta' fehma pożittiva rigward il-parteċipazzjoni fl-Inizjattiva tas-Sħubija tal-Lvant' u żied li l-Belarus għandha l-intenzjoni li tipparteċipa f'din l-inizjattiva,
G. billi l-awtoritajiet tal-Belarus imponew sentenza ta' 'liberta ristretta' għal sena fuq l-attivist tal-oppożizzjoni Alyaksandr Barazenka minħabba l-irwol tiegħu f'dimostrazzjoni li seħħet fl-2008,
H. billi l-awtoritajiet Belarussi jiċħdu d-dritt lil numru li qed jikber ta' saċerdoti u sorijiet Protestanti u Kattoliċi Rumani li jippridkaw u jgħallmu,
1. Jilqa’ b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-awtoritajiet tal-Belarus li jirreġistraw il-moviment 'Għal-Libertà' mmexxi mill-eks kandidat presidenzjali tal-Belarus Aliaksandr Milinkevich; jittama li l-Gvern tal-Belarus se jtejjeb il-kundizzjonijiet li jirregolaw ir-reġistrazzjoni u l-ħidma ta' gruppi nongovernattivi oħra, inklużi l-partiti politiċi u l-organizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem 'Nasha Viasna';
2. Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-awtoritajiet tal-Belarus li jippermettu l-istampar u t-tqassim ta' żewġ gazzetti indipendenti Narodnaia Volia u Nasha Niva; jirrimarka, fl-istess ħin, li għad hemm 13-il gazzetta indipendenti li għadha qed tistenna aċċess għar-reġistrazzjoni; jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Gvern tal-Belarus li jiddiskuti l-istandards internazzjonali fir-rigward tal-midja tal-internet u li jikkonsulta dwar dawn il-kwistjonijiet mal-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti tal-Belarus; jittama li jinħolqu wkoll kundizzjonijiet xierqa għall-ħidma ta' midja oħra indipendenti fil-Belarus, inklużi l-possibilitajiet ta' reklamar;
3. Jinnota r-rieda tal-Belarus li jiddiskuti f’dettall ir-rakkomandazzjonijiet tal-OSCE/ODIHR rigward titjib fil-liġi elettorali; iqis li dan huwa pass importanti u inkoraġġanti min-naħa tal-Belarus u jħares 'il quddiem lejn l-implimentazzjoni rapida tiegħu u lejn aktar passi bi qbil mal-aspettattivi tal-UE;
4. Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħelsien ta' priġunieri politiċi fil-Belarus, iżda jikkundanna l-fatt li Alyaksandr Kazulin, Syarhei Parsyukevich u Andrei Kim ma jgawdux id-drittijiet kollha garantiti liċ-ċittadini tal-Belarus mill-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Belarus u, bħal fil-każ ta' Alyaksandr Barazenka, li nżamm f'kustodja għal ġimgħat sħaħ waqt li kien qed jistenna l-proċess kriminali tiegħu minħabba l-parteċipazzjoni tiegħu f'dimostrazzjoni li saret f'Jannar 2008, jikkritika wkoll il-fatt li xi attivisti oħra għadhom soġġetti għal forom differenti ta' restrizzjonijiet fuq il-libertà tagħhom;
5. Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-awtoritajiet tal-Belarus sabiex temporanjament jeliminaw il-projbizzjoni ta' vvjaġġar għal numru ta' vittmi tad-diżastru ta' Chernobyl sabiex dawn ikunu jistgħu jipparteċipaw fi programmi ta' serħan u ta' rkupru, u jittama li eventwalment tinstab soluzzjoni strutturali fit-tul; iħeġġeġ lill-Presidenza Ċeka sabiex tagħmilha prijorità li tinnegozja ftehima tal-UE kollha mal-awtoritajiet tal-Belarus biex it-tfal ikunu jistgħu jivvjaġġaw mill-Belarus għal kwalunkwe Stat Membru tal-UE li jorganizza dawn il-programmi ta' rkupru;
6. Ifakkar li sabiex ittejjeb sew ir-relazzjonijiet mal-UE, il-Belarus għandha (1) tibqa' pajjiż mingħajr priġunieri politiċi, (2) il-gvern għandu jiggarantixxi libertà tal-espressjoni lill-midja, (3) tkompli tikkopera mal-OSCE dwar riformi tal-leġiżlazzjoni elettorali, (4) ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-NGOs, u (5) tiggarantixxi l-libertà ta' assemblea u ta' assoċjazzjoni politika;
7. Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Belarus biex jirrispetta d-Drittijiet tal-Bniedem billi:
- (a)jagħmel it-tibdil vitali fil-Kodiċi Kriminali tal-Belarus billi jneħħi l-Artikoli 367, 368 u 369-1, u b'mod partikulari, l-Artikolu 193, li huma użati ta' sikwit bħala mezz ta' ripressjoni;
- (b)jieqaf mit-theddid bil-prosekuzzjoni kriminali, fosthom għal min ma jagħmilx is-servizz militari fil-Belarus, għal dawk l-istudenti li jkunu tkeċċew mill-universitajiet għall-pożizzjoni ċivili li jkunu ħadu u li jkunu għalhekk imġiegħla jkomplu bl-istudji tagħhom barra l-pajjiż;
- (c)ineħħi l-ostakli kollha għar-reġistrazzjoni kif suppost tal-NGOs fil-Belarus; jneħħi l-projbizzjoni fuq użu ta' appartamenti privati bħala l-indirizz għar-reġistrazzjoni ta' assoċjazzjonijiet li ma jagħmlux profitt; u jeżamina mill-ġdid id-Digriet Presidenzjali Nru 533 tat-23 ta' Ottubru 2007 li jirregola l-użu ta' faċilitajiet tal-uffiċċji minn organizzazzjonijiet mhux governattivi u mill-partiti politici;
- (d)itejjeb it-trattament tal-minoritajiet nazzjonali u r-rispett lejhom, inklużi r-rikonoxximent tal-korp elett b'mod leġittimu tal-Unjoni tal-Pollakki fil-Berarus immexxi minn Angelika Borys, tal-kultura, tal-knejjes, tas-sistema edukattiva u tal-wirt storiku u materjali;
sabiex jintemm l-iżolament tal-pajjiż mill-bqija tal-Ewropa impost minnu stess u sabiex ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Belarus jitjiebu b'mod sinifikanti;
8. Jenfasizza li l-oppożizzjoni demokratika għandha tkun parti mill-proċess ta' twaqqif mill-ġdid u gradwali tar-relazzjonijiet mal-Belarus;
9. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jieħdu passi ulterjuri biex jilliberalizzaw il-proċeduri tal-viżi għaċ-ċittadini tal-Belarus, peress li azzjoni ta' dan it-tip hija kruċjali biex jitwettaq l-għan ewlieni tal-politika tal-UE dwar il-Belarus, jiġifieri li jiġu intensifikati l-kuntatti bejn il-popli u b'hekk tiġi ffaċilitata d-demokratizzazzjoni tal-pajjiż; iħeġġeġhom, f’dan il-kuntest, biex iqisu l-iskop għal tnaqqis tal-ispejjeż tal-viża għal ċittadini tal-Belarus li jidħlu fiz-Zona tax-Schengen u jissimplifikaw il-proċedura biex jakkwistawhom; jitlob lill-awtoritajiet tal-Belarus biex itemmu l-prattika tagħhom li joħorġu viżi liċ-ċittadini tagħhom biex joħorġu mill-pajjiż, b'mod partikolari tfal u studenti;
10. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iqisu li japplikaw l-Istrument ta’ Viċinanza u Sħubija Ewropew u l-Istrument għad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija Ewropew għall-Belarus b’mod selettiv billi jestendu aktar appoġġ għas-soċjetà ċivili tal-Belarus, biex iħeġġu lill-gvern tal-Belarus jagħti sinjal ta' volontà tajba u ta' tibdil pożittiv billi jippermetti li 'l-Università tal-Istudji Umanistiċi Ewropej' li tinsab f'eżilju f'Vilnius tirritorna b'mod legali fil-Belarus u terġa' tistabbilixxi ruħha f'kundizzjonijiet adegwati għall-iżvilupp futur tagħha f'Minsk, sabiex jagħtu appoġġ finanzjarju lill-istazzjon televiżiv indipendenti tal-Belarus Belsat, biex jinkoraġġixxu lill-Gvern tal-Belarus sabiex uffiċjalment jirreġistra l-istazzjoni televiżiv tal-Belarus Belsat;
11. Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, biex iqisu miżuri sabiex itejbu l-ambjent tan-negozju, il-kummerċ, l-investiment, l-infrastuttura tal-enerġija u tat-trasport u l-koperazzjoni transkonfinali bejn l-UE u l-Belarus, sabiex ikun hemm kontribut għall-benesseri u l-prosperità taċ-ċittadini tal-Belarus, kif ukoll għall-abilità tagħhom li jikkomunikaw mal-UE u jivvjaġġaw b'mod ħieles lejn l-UE;
12. Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iqisu l-parteċipazzjoni tal-Bank tal-Investiment Ewropew sabiex isir investiment fl-infrastruttura ta' tranżitu tal-enerġija tal-Belarus; jenfasizza l-importanza tal-parteċipazzjoni min-naħa ta' kumpaniji Ewropej fil-proċess tal-privatizzazzjoni fil-Belarus;
13. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Belarus biex josservaw bis-sħiħ l-istandards u r-rekwiżiti tas-sikurezza internazzjonali fil-proċess ta' kostruzzjoni ta' impjant ta' enerġija nukleari ġdid; jistieden lill-Belarus biex tirratifika l-Protokoll Addizzjonali tal-IAEA għall-Ftehima ta’ Salvagwardji Komprensivi; jistieden lill-Kummissjoni biex timmonitorja u tirraporta lill-Parlament u lill-Istati Membri dwar il-konformità mill-Belarus tar-rakkomandazzjonijet tal-IAEA u tar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari u t-Trattat ta' Non-Proliferazzjoni, kif ukoll fuq l-effetti li t-tħaddim tal-impjant tal-enerġija nukleari jista' jkollu fuq l-Istati Membri ġirien tal-UE;
14. Jiddeplora d-deċiżjoni ripetuta tal-awtoritajiet tal-Belarus f'dan l-aħħar sentejn biex jirrifjutaw viżi ta’ dħul lill-Membri tal-Parlament Ewropew u l-parlamentari nazzjonali; jitlob lill-awtoritajiet tal-Belarus biex ma joħolqux iktar xkiel li jżommu lid-delegazzjonijiet għar-relazzjonijet mal-Belarus milli jżuru l-pajjiż;
15. Jilqa' b'sodisfazzjon l-approċċ li ħadu s'issa l-awtoritajiet tal-Belarus, minkejja l-pressjoni enormi, biex ma jirrikonoxxux l-indipendenza unilaterali ddikjarata mill-Ossetja tan-Nofsinhar u mill-Abkażja;
16. Jinkundanna l-fatt li l-Belarus huwa l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għad għandu l-piena tal-mewt, li tmur kontra l-valuri tan-Nazzjonijiet Uniti;
17. Jitlob lill-awtoritajiet tal-Belarus sabiex jirrispettaw il-libertà tar-reliġjon; jikkundanna l-fatt li ċ-ċittadini Ewropej, inklużi qassisin, repetutatment qed jitkeċċew mill-Belarus, li jmur kontra l-proċess tal-bini ta' fiduċja mal-UE;
18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Assemblej Parlamentari tal-OSCE u lill-Kunsill tal-Ewropea, lis-Segretarjat tal-Komunità tal-Istati Independenti (CIS) u lill-Parlament u lill-Gvern tal-Belarus.