MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
14.1.2009
- –Jean-Pierre Audy, Filip Kaczmarek, Eija-Riitta Korhola, Bernd Posselt, f'isem il-Grupp PPE-DE
- –Pasqualina Napoletano, Marie-Arlette Carlotti, Glenys Kinnock, Ana Maria Gomes, Alain Hutchinson, Josep Borrell Fontelles, Thijs Berman, Catherine Neris, f'isem il-Grupp PSE
- –Marios Matsakis, Thierry Cornillet, Johan Van Hecke, f'isem il-Grupp ALDE
- –Hanna Foltyn-Kubicka, Ryszard Czarnecki, Konrad Szymański, Adam Bielan, Ewa Tomaszewska, Mieczysław Edmund Janowski, f'isem il-Grupp UEN
- –Marie-Hélène Aubert, f'isem il-Grupp Verts/ALE
- –Vittorio Agnoletto, f'isem il-Grupp GUE/NGL
- –ALDE (B6‑0037/2009)
- –PSE
- –Verts/ALE (B6‑0042/2009)
- –PPE-DE (B6‑0043/2009)
- –UEN (B6‑0044/2009)
- –GUE/NGL (B6‑0045/2009)
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kolp ta' stat fil-Ginea
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi kien hemm ħtif tal-poter minn grupp ta' uffiċjali, fit-23 ta' Diċembru, l-għada tal-mewt tal-President Lansana Conté,
B. billi Lansana Conté, li dak iż-żmien kien uffiċjali, ukoll kien ħataf il-poter bil-forza fl-1984 wara l-mewt tal-predeċessur tiegħu, il-President Sékou Touré, u li żamm il-poter għal 24 sena,
C. billi l-armata m'għandu jkollha l-ebda rwol fit-tmexxija tan-nazzjonijiet,
D. billi l-mandat tal-Assemblea Nazzjonali skada sentejn ilu u ma saru l-ebda elezzjonijiet leġiżlattivi,
E. billi għandu jkun il-poplu tal-Ginea u r-rappreżentanti tiegħu li jiddeċiedu dwar il-ġejjieni politiku, ekonomiku u soċjali tal-Ginea, u billi l-iskeda ta' sentejn proposta mill-ġunta militari għall-elezzjonijiet hija twila wisq,
F. billi l-kolp ta' stat ġie kkundannat mill-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Punent tal-Afrika (ECOWAS) u mill-Unjoni Afrikana, li t-tnejn iddeċidew li jissospendu lill-Ginea milli tieħu sehem fl-attivitajiet tagħhom;
G. billi l-partiti ewlenin tal-oppożizzjoni u l-konfederazzjoni tat-trejdjunjins li organizzat l-istrajks f'Ġunju 2006 u f'Jannar 2007 ħadu nota tat-trasferiment tal-poter, filwaqt li l-President tal-Assemblea Nazzjonali qed jitlob li tiġi rrestawrata l-legalità kostituzzjonali,
H. billi, skont il-Bank Dinji, nofs iċ-ċittadini tal-Ginea jgħixu fuq l-ekwivalenti ta' dollaru Amerikan kuljum, u billi d-dħul għal kull ċittadin ilu jitbaxxa kostantament minn wara l-indipendenza, minkejja r-riżorsi sinifikanti tal-ilma u tal-minjieri li għandu l-pajjiż;
I. billi l-Ginea ġiet ikklassifikata minn "Transparency International" fost wieħed mill-aktar pajjiżi korrotti tal-Afrika;
J. billi l-kolp ta' stat seħħ f'kuntest ta' degradazzjoni ekonomika u soċjali u li l-iżvilupp joffri l-aħjar possibiltajiet għas-suċċess tad-demokrazija;
K. billi saru dimostrazzjonijiet bosta drabi f'ħafna bliet tal-Ginea biex jipprotestaw kontra ż-żieda fl-għoli tal-ħajja u l-iskarsezzi tal-ikel bażiku,
L. billi l-istrateġija tal-ex-president Lansana Conté rigward id-drittijiet tal-bniedem hija ta' tħassib kbir, billi tinkludi l-użu eċċessiv tal-forza mill-armata u mill-pulizija kontra l-persuni ċivili, id-detenzjoni arbitrarja u d-detenzjoni mingħajr ġuri, u l-ksur tal-libertà tal-espressjoni,
M. billi jaqbel li wieħed iqis bis-sħiħ il-proposti magħmula mill-partiti politiċi, trejdjunjins u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili dwar kif djalogu nazzjonali jista' jwassal sabiex jintlaħaq ftehim dwar tranżizzjoni paċifika u demokratika kif ukoll dwar kalendarju għall-elezzjonijiet presidenzjali u leġiżlattivi,
N. billi d-deċiżjonijiet u l-ħatriet, b'mod partikulari dawk tal-gvern, magħmula mill-ġunta ma jikkonformawx mal-istat tad-dritt,
O. billi Kabiné Komara, li kien direttur tal-Bank Afrikan għall-importazzjoni u l-esportazzjoni, inħatar bħala prim ministru, u billi s-Sur Komara kien fuq il-lista ta' kandidati potenzjali għall-ħatra bħala prim ministru li tressqet mit-trejdjunjins fiż-żmien meta seħħew l-avvenimenti ta' Frar,
P. billi l-mexxeja militari u ċivili ġew arrestati b'mod arbitrarju,
1. Jikkundanna l-ħtif tal-poter minn grupp ta' uffiċjali, u jitlob li fix-xhur li ġejjin isiru elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali ħielsa u trasparenti, li jikkonformaw mal-istandards internazzjonali, bil-koperazzjoni tal-Unjoni Afrikana u l-ECOWAS u bl-appoġġ tal-UE, taħt l-awtorità ta' gvern ċivili tranżitorju;
2. Jitlob li jsir djalogu inter-Ginejan, bis-sehem tal-partiti politiċi kollha, tat-trejdjunjins u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, sabiex tinfetaħ it-triq lejn tranżizzjoni demokratika;
3. Jitlob lill-ġunta li tinsab fil-poter sabiex tirrispetta d-drittijiet tal-libertà tal-opinjoni, tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni, inkluż id-dritt ta' assemblea paċifika, kif stipulat fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;
4. Jikkundanna l-arrest u d-detenzjoni mingħajr akkuża tal-persunal militari u ta' persuni ċivili, u jitlob li dawk arrestati jinħelsu immedjatament jekk ma tkun tista' titressaq l-ebda akkuża serja kontrihom;
5. Jinnota l-impenji politiċi meħuda mill-mexxeja l-ġodda tal-Ginea, b'mod partikulari fir-rigward tal-ġlieda bla heda kontra l-korruzzjoni u t-twaqqif ta' sistema demokratika trasparenti fil-Ginea; jitlob li dawn l-impenji jiġu rrispettati;
6. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Unjoni Afrikana u tal-ECOWAS li jissospendu l-Ginea sakemm ma jkollhiex parlament jew gvern elett b'mod demokratiku;
7. Jitlob li jinfetaħ djalogu politiku bejn l-Unjoni Ewropea u l-awtoritajiet tranżitorji li ħadu l-poter fil-Ginea, fil-qafas tal-Artikoli 8 u 96 tal-Ftehima ta' Cotonou;
8. Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tkun lesta li tiffriża l-għajnuna kollha ħlief dik umanitarja u tal-ikel, u li tqis sanzjonijiet immirati kontra l-membri tal-entitajiet li ħatfu l-poter jekk ma jkunx hemm tranżizzjoni demokratika;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-ECOWAS u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-UE u l-pajjiżi tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku (ACP).