Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B6-0073/2009Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B6-0073/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA

4.2.2009

imressqa skont l-Artikolu [103(4)] tar-Regoli ta' Proċedura minn
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi li ġejjin: dwar is-sitwazzjoni tar-refuġjati Burmani fit-Tajlandja

Proċedura : 2009/2528(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B6-0073/2009
Testi mressqa :
RC-B6-0073/2009
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tar-refuġjati Burmani fit-Tajlandja

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1951 dwar l-Istatus tar-Refuġjati u l-Protokoll tal-1967 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Burma,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi kien rappurtat li madwar 1000 persuni tar-Rohingya li qasmu bid-dgħajjes kienu interċettati mill-flotta fl-ibħra territorjali Taljandiżi bejn it-18 u t-30 ta' Diċembru 2008 u sussegwentement miġbuda fl-ibħra internazzjonali mingħajr tagħmir ta' navigazzjoni jew ikel u ilma biżżejjed; billi ħafna minnhom huma mitlufa u hemm biża' li għerqu waqt li xi wħud minnhom kienu salvati mill-gwardji tal-kosta Indoneżjani u Indjani,

B.  billi l-indiġeni Rohingya, komunità etnika prinċipalment Musulmana fil-punent ta' Burma, huma suġġetti għal każi ta' ksur sistematiku, persistenti u numeruż tad-drittijiet tal-bniedem mir-reġim ta' tmexxija militari, li jinkludu r-rifjut tad-drittijiet taċ-ċittadinanza, restrizzjonijiet severi tal-libertà tal-moviment u arresti arbitrarji,

C.  billi fis-snin reċenti eluf ta' Burmani ħarbu minn pajjiżhom minħabba r-ripressjoni u l-ġuħ mifrux u qiegħdu ħajjithom fil-periklu biex jaslu fit-Tajlandja u f'pajjiżi oħra tax-Xlokk tal-Asja; billi t-Tajlandja qed issir dejjem iżjed pajjiż ta' tranżitu għar-refuġjati Burmani,

D.  billi l-awtoritajiet Tajlandiżi ċaħdu dawn l-akkużi u l-Prim Ministru Abhisit Vejjajiva wiegħed investigazzjoni sħiħa dwar dan,

E.  billi l-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati uriet it-tħassib tagħha dwar ir-rapporti ta' maltrattament tar-refuġjati Burmani u talbet aċċess għal 126 Rohingya li għadhom jinżammu taħt kustodja mill-awtoritajiet Tajlandiżi,

F.  billi l-awtoritajiet Tajlandiżi qed jisħqu li l-migranti maqbuda f'ibħra Tajlandiżi kienu migranti ekonomiċi illegali,

1.  Jikkundanna rapporti ta' trattament inuman tar-refuġjati Rohingya u jħeġġeġ lill-Gvern Tajlandiż, bħala membru rispettabbli tal-komunità internazzjonali magħruf sew għall-ospitalità tiegħu mar-refuġjati, biex jieħu l-miżuri kollha meħtieġa ħalli jiżgura li l-ħajjiet tar-Rohingya ma jkunux fil-periklu u li jkunu ttrattati f'konformità mal-istandards umanitarji;

2.   Jikkundanna bil-qawwa l-persekuzzjoni kontinwa tar-Rohingya mill-Gvern Burman li għandu r-responsabilità ewlenija fis-sitwazzjoni serja tar-refuġjati; jitlob li r-Rohingya jingħataw lura ċ-ċittadinanza Burmana, li minnufih jitneħħew ir-restrizzjonijiet kollha għad-dritt tagħhom għall-edukazzjoni, id-dritt li jiżżewġu u l-libertà tal-moviment, li jieqfu l-persekuzzjonijiet reliġjużi, il-qerda tal-Moskej u ta' postijiet oħra ta' qima u jieqfu l-każijiet kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż kollu;

3.  Jappella lill-gvern Tajlandiż biex ma jimponix it-tluq lura tar-refuġjati Rohingya u ta' dawk li qed ifittxu l-ażil, inklużi l-persuni li ħarbu bid-dgħajjes, lejn Burma fejn il-ħajja tagħhom se tkun fil-periklu jew fejn huma suġġetti għat-tortura;

4.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-istqarrija tal-Prim Ministru Tajlandiż Abhisit Vejjajiva biex jinvestiga l-allegazzjonijiet ta' maltrattament mill-militar fuq ir-Rohingya li qed ifittxu l-ażil u jitlob li ssir inkjesta sew u imparzjali bi trasparenza sħiħa sabiex tistabbilixxi l-fatti u tittieħed azzjoni xierqa kontra dawk responsabbli mill-maltrattament tar-refuġjati Burmani;

5.  Jistieden lill-gvern Tajlandiż biex jagħti lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati aċċess immedjat u sħiħ għall-persuni Rohingya taħt kustodja li qasmu bid-dgħajjes sabiex jiddefinixxi l-ħtiġijiet tagħhom ta' protezzjoni; jistieden fl-istess waqt lill-gvern Tajlandiż biex jiffirma l-Konvenzjoni tan-NU tal-1951 dwar l-Istatus tar-Refuġjati u l-Protokoll tal-1967 tiegħu;

6.  Jisħaq li l-kwistjoni tal-persuni li ħarbu bid-dgħajjes u li taffettwa t-Tajlandja u pajjiżi oħra hi essenzjalment kwistjoni reġjonali; iqis b'mod pożittiv l-isforzi tal-gvern Tajlandiż biex iżid il-koperazzjoni fost il-ġirien tar-reġjun biex tkun indirizzata l-kwistjoni tar-Rohingya; jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, il-laqgħa li saret fit-23 ta' Jannar mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Kasit Piromya mal-Ambaxxaturi tal-Indja, tal-Indoneżja, tal-Bangladexx, tal-Malażja u ta' Burma; u jappella lill-membri tal-ASEAN, u l-aktar il-presidenza Tajlandiża, biex jaħdmu ħalli tinstab soluzzjoni permanenti għal din il-problema li ilha teżisti;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-gvern tar-Renju tat-Tajlandja, lill-Gvern ta' Burma, lis-Segretarju Ġenerali tal-ASEAN, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.