MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
11.3.2009
- –Charles Tannock, José Ribeiro e Castro, Jürgen Schröder, Laima Liucija Andrikienė, Colm Burke, Filip Kaczmarek, Bernd Posselt, Tunne Kelam, Eija-Riitta Korhola u Mario Mauro, f'isem il-Grupp PPE-DE
- –Pasqualina Napoletano, Alain Hutchinson u Josep Borrell Fontelles, f'isem il-Grupp PSE
- –Thierry Cornillet, Marco Cappato, Marios Matsakis u Frédérique Ries, f'isem il-Grupp ALDE
- –Eoin Ryan, Adam Bielan, Mieczysław Edmund Janowski, Ewa Tomaszewska, Hanna Foltyn-Kubicka, Konrad Szymański, Dariusz Maciej Grabowski u Inese Vaidere, f'isem il-Grupp UEN
- –Margrete Auken u Frithjof Schmidt, f'isem il-Grupp Verts/ALE
- –PPE-DE (B6‑0127/2009)
- –PSE (B6‑0128/2009)
- –ALDE (B6‑0130/2009)
- –UEN (B6‑0131/2009)
- –Verts/ALE (B6‑0132/2009)
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tkeċċija tal-NGOs mid-Darfur
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Presidenza f'isem l-Unjoni Ewropea wara d-deċiżjoni tal-ICC rigward il-mandat ta' arrest kontra l-President tas-Sudan Omar Hassan Al-Bashir fis-6 ta' Marzu 2009,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Louis Michel tal-5 ta' Marzu dwar it-tkeċċija tal-NGOs tal-għajnuna umanitarja mis-Sudan,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fid-Darfur/fis-Sudan, fejn esprima b'mod partikolari l-appoġġ tiegħu lill-ICC,
– wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC) u d-dħul fis-seħħ tiegħu fl-1 ta' Lulju 2002,
– wara li kkunsidra l-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni 1593 tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tal-31 ta' Marzu 2005, fejn sar riferiment tas-sitwazzjoni fid-Darfur lill-ICC,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fl-4 ta' Marzu 2009, il-Kamra ta' Qabel il-Proċessi tal-ICC ħarġet mandat ta' arrest kontra l-President tas-Sudan Omar Hassan Al-Bashir, b'konnessjoni ma' allegazzjoni ta' reati kontra l-umanità fil-provinċja Sudaniża mimlija kunflitti tad-Darfur,
B. billi, bħala reazzjoni għad-deċiżjoni tal-ICC, il-Gvern tas-Sudan iddeċieda li jkeċċi 13-il NGO prinċipali mid-Darfur;
C. billi l-aġenziji ta' għajnuna fid-Darfur qed imexxu l-ikbar operazzjoni umanitarja fid-dinja; billi n-Nazzjonijiet Uniti jirrapportaw li ammont li joqrob l-4.7 miljun persuna, inklużi 2.7 miljun persuna mċaqalqa internament, jeħtieġu l-għajnuna;
D. billi t-tkeċċija tal-aġenziji tal-għajnuna tista' twassal għal żieda fil-mortalità u fil-morbożità dovuta għall-waqfien tas-servizzi tas-saħħa u t-tifqigħa ta' mard infettuż, bħad-diarrhoea u infezzjonijiet respiratorji; billi l-konsegwenzi tat-tkeċċija jistgħu jinkludu kopertura ta' immunizzazzjoni mnaqqsa u żieda fl-imwiet fost it-tfal, jekk dawn ma jkollhomx aċċess għal servizzi terapewtiċi ta' tisqija u ta' nutrizzjoni,
E. billi l-organizzazzjonijiet tkeċċew fi żmien meta kien hemm bżonn vitali tas-servizzi tagħhom, partikolarment peress li bħalissa hemm epidemija tal-meninġite fid-Darfur tal-Punent; billi minħabba t-tkeċċija, il-persuni sofferenti se jisfaw b'aċċess limitat ferm jew mingħajr aċċess għal trattament mediku,
F. billi l-prinċipju tan-Nazzjonijiet Uniti ta' 'Responsabilità li Tipproteġi' jistipula li fejn l-awtoritajiet nazzjonali jonqsu b'mod ċar milli jipproteġu l-popolazzjonijiet tagħhom, oħrajn għandhom ir-responsabilità li jipprovdu l-protezzjoni meħtieġa,
G. billi l-Gvern tas-Sudan, bħala membru tan-Nazzjonijiet Uniti, huwa obbligat li jikkopera mal-ICC skont ir-Riżoluzzjoni 1593 (2005), li l-Kunsill tas-Sigurtà adotta permezz tas-setgħat tiegħu skont il-Kapitolu 7 tagħha,
H. ixxukkjat ħafna mill-fatt li, minn meta nħareġ il-mandat ta' arrest, il-Gvern tas-Sudan ripetutament irrifjuta li jikkopera mal-ICC u fil-fatt żied l-atti ta' sfida kontra l-ICC u kontra l-komunità internazzjonali,
1. Jikkundanna bis-saħħa t-tkeċċija ta' 13-il aġenzija ta' għajnuna umanitarja minn Khartoum, bħala reazzjoni għall-mandat ta' arrest li nħareġ mill-ICC kontra l-President tas-Sudan Omar Al-Bashir fl-4 ta' Marzu 2009;
2. Itenni l-appoġġ u r-rispett sħiħ tiegħu għall-ICC u għall-irwol ewlieni tagħha fil-promozzjoni tal-ġustizzja internazzjonali, billi temmet is-sitwazzjoni ta' impunità ta' reati kontra l-umanità u ta' reati ta' gwerra, u rispett għal-liġi umanitarja internazzjonali, u wkoll fid-dawl tad-deċiżjoni tagħha li toħroġ mandat ta' arrest kontra l-President tas-Sudan Omar Hassan Al-Bashir b'konnessjoni ma' allegazzjoni ta' reati kontra l-umanità u reati ta' gwerra fid-Darfur;
3. Jinsab ferm imħasseb dwar l-impatt immedjat tat-tkeċċija fuq il-provvista ta' għajnuna umanitarja li hija fundamentali għal mijiet ta' eluf ta' persuni;
4. Jitlob lill-Gvern tas-Sudan biex jirtira b'mod immedjat id-deċiżjoni tiegħu li jkeċċi 13-il aġenzija ta' għajnuna umanitarja u jippermettilhom li jkomplu l-ħidma essenzjali tagħhom billi jiżguraw is-sopravivenza tal-popolazzjonijiet vulnerabbli fid-Darfur; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iżidu l-isforzi tagħhom fir-rigward tal-Unjoni Afrikana, il-Lega Għarbija u ċ-Ċina, sabiex dawn jikkonvinċu lill-Gvern tas-Sudan biex jirtira d-deċiżjoni tiegħu;
5. Jistieden lill-Uffiċċju għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-ICC biex, jekk is-Sudan ma jirtirax id-deċiżjoni tiegħu li jkeċċi l-aġenziji ta' għajnuna umanitarja, jiddeterminaw jekk din id-deċiżjoni tmurx kontra d-drittijiet umani fundamentali u tistax tikkostitwixxi reat ta' gwerra;
6. Jistieden lill-Prosekutur tal-ICC biex jagħmel ċar li, jekk titwettaq vjolenza kontra dawk li jżommu l-paċi, kontra l-aġenziji umanitarji jew kontra l-kampijiet fid-Darfur, l-ICC se tinvestiga lill-persuni responsabbli, li jissograw li jingħaqdu ma' Al-Bashir fil-mandat ta' arrest għal allegazzjoni ta' reati ta' gwerra;
7. Jistieden lill-Gvern tas-Sudan biex jieħu passi pożittivi sabiex jiżgura li d-difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-Sudan ma jiġux persegwitati jekk jitkellmu pożittivament dwar id-deċiżjoni tal-ICC u biex ma jwettqu l-ebda molestja jew intimidazzjoni kontra d-difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għas-Sudan, lill-Gvern tas-Sudan, lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-Membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-istituzzjonijiet tal-Lega Għarbija u lill-Prosekutur tal-ICC.