MOZZJONI KONĠUNTA GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar aspetti esterni tas-sigurtà tal-enerġija
16.9.2009
temenda l-mozzjonijiet mill-gruppi li ġejjin:
PPE (B7‑0040/2009)
S&D (B7‑0043/2009)
Verts/ALE (B7‑0045/2009)
ALDE (B7‑00046/2009)
ECR (B7‑0058/2009)
Elmar Brok, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Jacek Saryusz-Wolski, Pilar del Castillo Vera f’isem il-Grupp PPE
Kristian Vigenin, Teresa Riera Madurell f’isem il-Grupp S&D
Johannes Cornelis van Baalen f'isem il-Grupp ALDE
Reinhard Bütikofer, Franziska Katharina Brantner, Rebecca Harms, Claude Turmes f'isem il-Grupp Verts/ALE
Roberts Zīle, Charles Tannock, Michał Tomasz Kamiński, Adam Bielan, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Antoni Legutko f’isem il-Grupp ECR
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar aspetti esterni tas-sigurtà tal-enerġija
Il-Parlament Ewropew,
- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Settembru 2007, ‘Lejn politika barranija Ewropea komuni għall-enerġija’,
- wara li kkunsidra l-Ftehima Intergovernattiv bejn l-Awstrija, il-Bulgarija, l-Ungerija, ir-Rumanija u t-Turkija dwar il-proġett tas-sistema ta' pajpijiet tal-gass Nabucco, li ġie ffirmat fit-13 ta’ Lulju 2009, f’Ankara,
- wara li kkunsidra l-akkwiżizzjoni mill-kumpanija Russa taż-żejt u l-gass Surgutneftegaz ta’ sehem ta’ minoranza kbir (21.2%) fil-kumpanija petrokimika Ungeriża MOL, li hija membru tal-konsorzju Nabucco,
- wara li kkunsidra l-protokoll dwar il-koperazzjoni fil-qasam tal-gass bejn ir-Russja u t-Turkija, iffirmat fis-6 ta’ Awwissu 2009 f’Ankara, skont liema t-Turkija tagħti kunsens preliminari għall-bini tas-sistema tal-pajpijiet tal-gass South Stream u tawtorizza lir-Russja biex twettaq ħidma ta’ stħarriġ għas-sistema tal-pajpijiet fl-ibħra territorjali tat-Turkija,
- wara li kkunsidra l-Memorandum ta’ Ftehim iffirmat fit-13 ta’ Lulju 2009 bejn 12-il kumpanija tal-UE għat-twaqqif ta’ Inizjattiva Industrijali DESERTEC sabiex jiġi żviluppat il-potenzjal kbir ta’ enerġija mix-xemx fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta’ Fuq,
- wara li kkunsidra t-Tieni Analiżi Strateġika dwar l-Enerġija,
- wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri li jissalvagwardjaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar id-Direttiva 2004/67/KE (COM(2009)363 finali),
- wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill dwar in-notifika lill-Kummissjoni ta' proġetti ta' investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fil-Komunità Ewropea u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 736/96 (COM(2009)361 finali),
- wara li kkunsidra l-ħmistax-il Konferenza tal-Partijiet (COP 15) għall-Konvenzjoni Qafas dwar il-Bidla fil-Klima tan-Nazzjonijiet Uniti (UNFCCC) li għad trid issir u l-ħames Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (COP/MOP 5) li se jsiru f'Kopenħagen, fid-Danimarka, bejn is-7 u s-18 ta' Diċembru 2009,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi s-sigurtà fl-enerġija hija komponent essenzjali tas-sigurtà, l-istabilità u l-prosperità ġenerali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll element ewlieni għall-kisba ta' żvilupp ekonomiku u soċjali fl-Ewropa, li għalihom, madankollu, għad m’hemmx bażi fit-Trattati,
B. billi n-nuqqas Politika Ewropea Barranija Komuni tal-Enerġija tfixkel il-koerenza u l-kredibilità tal-azzjoni esterna tal-UE;
C. billi, fil-preżent, id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjoni tal-enerġija hija sinifikanti u, fiċ-ċirkustanzi attwali, din hija mistennija li tiżdied,
D. billi, minkejja t-tnaqqis fil-prezzijiet taż-żejt u tal-gass minħabba l-kriżi finanzjarja globali, il-progress li miexi bil-mod fil-bidla lejn fjuwils aktar sostenibbli, fimkien mal-produzzjoni li qed tonqos fl-inħawi tad-dinja fejn jinsabu ż-żejt u l-gass, minkejja li nstabu riżorsi ġodda, u d-domanda dejjem ikbar, bla dubju se jwasslu għal swieq tal-fjuwils fossilli iktar stretti u għal dipendenza dejjem ikbar fuq l-importazzjoni għall-pajjiżi li jikkunsmaw iż-żejt ladarba tintemm il-kriżi,
E. billi diversi Stati Membri jiddependu ħafna fuq fornitur wieħed tal-gass naturali u billi t-tħarbit inġustifikat fil-provvisti jista' jikkawża problemi serji, kif uriet l-aħħar kriżi tal-gass bejn ir-Russja u l-Ukraina fil-bidu tal-2009,
F. billi għadd ta' Stati Membri m'għandhomx biżżejjed riżervi naturali biex jaffrontaw il-kriżijiet,
G. billi, minħabba d-dipendenza attwali li qed tiżdied tal-provvista tal-enerġija fuq reġjuni instabbli, intwera li l-isforzi biex tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista fuq livell esklussivament nazzjonali mhumiex biżżejjed u ma jissalvagwardjawx l-interessi fit-tul tal-Istati Membri kollha tal-UE,
H. billi, irriżulta li l-istrumenti eżistenti ta' twissija bikrija kienu insuffiċjenti biex titbassar il-kriżi tal-gass ta' Jannar 2009,
I. billi t-theddid prevedibbli għas-sigurtà tal-provvisti tal-enerġija se jkompli jeżisti sakemm il-pajjiżi li jipproduċu l-enerġija u l-pajjiżi ta' tranżitu tal-enerġija ma jikkonformawx ma' regoli komuni u trasparenti, kif definiti mit-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija u l-Protokoll ta' Tranżitu,
J. billi, jekk ikun hemm ċaqliqa sinifikanti biex ikun hemm sehem ħafna akbar ta' enerġija li tiġġedded fit-taħlita enerġetika attwali tal-Unjoni Ewropea, din ikollha impatt ewlieni fuq it-tnaqqis tad-dipendenza tagħha fuq l-importazzjoni tal-enerġija u b'hekk tittejjeb is-sigurtà tal-enerġija tagħha minn naħa, u tgħinha biex tilħaq l-impenn tagħha biex l-emissjonijiet tal-gassijiet bl-effett ta' serra jitnaqqsu b'20% sal-2020 jew aktar fil-każ ta’ qbil f’Kopenħagen, min-naħa l-oħra,
K. billi soluzzjoni effettiva ħafna f'termini ta' spejjeż għat-tnaqqis tad-dipendenza tal-UE fir-rigward tal-enerġija hija li jitħeġġeġ it-tfaddil tal-enerġija, l-użu ta' enerġija sostenibbli u miżuri ta' effiċjenza tal-enerġija, li jikkontribwixxu wkoll għall-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u għall-progress lejn ekonomija b'riżorsi effiċjenti,
L. billi l-kooperazzjoni mill-qrib fil-qasam tal-provvista tal-enerġija tikkostitwixxi waħda mill-miżuri l-aktar effettivi u indispensabbli għall-bini ta' fiduċja fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi ġirien,
M. billi, minkejja li diġà ttieħdu xi passi, hemm bżonn li tinħoloq politika għall-enerġija tassew komuni fir-rigward tar-regolazzjoni tas-suq intern, iżda mhux fir-rigward tat-taħlita ta’ enerġija tal-pajjiż, li tibqa’ l-prerogattiva tal-Istati Membri, kif ukoll aspetti esterni, li tqis l-interessi politiċi u ekonomiċi tal-Istati Membri kollha,
N. billi Politika Ewropea Barranija Komuni dwar l-Enerġija, ibbażata fuq solidarjetà, diversifikazzjoni, unità fid-difiża tal-interessi komuni, koperazzjoni msaħħa mal-pajjiżi ewlenin ta' produzzjoni, tranżitu u konsum tal-enerġija u l-promozzjoni tas-sostenibilità, joħolqu sinerġiji li jgħinu sabiex tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista għall-Unjoni Ewropea u jżidu s-saħħa u l-kapaċità għal azzjoni tal-UE fi kwistjonijiet ta' politika barranija, u l-kredibilità tagħha bħala attur globali,
1. Jistenna li l-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Istati Membri flimkien juru tmexxija strateġika iktar b’saħħitha fl-istabbiliment ta' politika barranija Ewropea komuni dwar l-enerġija li tkun ġenwina, kif mitlub fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Settembru 2007, ‘Lejn politika barranija Ewropea komuni għall-enerġija’;
2. Jilqa' il-miżuri dwar id-diversifikazzjoni u t-titjib tas-sigurtà tal-enerġija tal-UE, kif propost mill-Kummissjoni fit-Tieni Analiżi Strateġika tal-Enerġija; jikkunsidra, madankollu, li hemm bżonn ta' prijoritajiet definiti b'mod ċar u ta' azzjoni rapida biex jiġu implimentati, filwaqt li l-Parlament jinżamm kompletament informat;
3. Itenni li suq intern tal-enerġija li jiffunzjona tajjeb huwa ta’ importanza vitali għall-prevenzjoni ta’ kriżijiet u tħarbit fil-provvisti tal-gass fil-ġejjieni, bħal ma hija wkoll id-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija; jenfasizza, għaldaqstant, il-ħtieġa ta’ iktar investiment fl-enerġija rinnovabbli u li tipproduċi emissjonijiet baxxi tal-karbonju u fl-effiċjenza tal-enerġija, u din għandha tkun parti ċentrali tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Enerġija għal bejn l-2010 u l-2014;
4. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposti l-ġodda għal regolamenti dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u dwar proġetti ta’ investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fil-Komunità Ewropea, li se jikkontribwixxu għal sigurtà ikbar tal-provvista tal-gass fl-Unjoni Ewropea billi jiżguraw li l-Istati Membri jieħdu azzjoni preventiva u jtejbu l-mekkaniżmi għall-immaniġġjar ta’ kriżi u billi jkun hemm iktar trasparenza u inqas burokrazija;
5. Jitlob li jkun hemm aktar sforzi biex jiġu antiċipati l-problemi potenzjali fil-provvisti tal-enerġija sabiex jiġi evitat tħarbit fil-ġejjieni billi tiġi żviluppata, inter alia, l-effettività tan- Netwerk ta' Korrispondenti tas-Sigurtà tal-Enerġija (NESCO) u jistieden b'urġenza lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-mekkaniżmi ta' twissija bikrija, in-NESCO u l-istrumenti l-oħra, li ntwera li kienu ineffiċjenti quddiem il-kriżi tal-enerġija tal-2009 bejn ir-Russja u l-Ukrajna;
6. Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw ħażna ta' gass naturali bil-kapaċità ta' distribuzzjoni rapida;
7. Iqis it-titjib tal-interkonnessjonijiet fl-Ewropa bħala xi ħaġa essenzjali, peress li l-għeluq tad-differenzi eżistenti huwa essenzjali għall-funzjonament effiċjenti tas-suq intern u s-solidarjetà tal-enerġija; jilqa’ b’sodisfazzjon, f’dan ir-rigward, il-ftehim dwar il-finanzjament ta' proġetti ta' infrastruttura bħala parti mill-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku (EUR 250 miljun) u l-idea li l-Ewropa tingħata supernetwerk Ewropew ġdid għall-elettriku u l-gass, iżda jinsisti li huwa indispensabbli li jkun hemm żieda ġenerali fl-iffinanzjar pubbliku fil-qasam tas-sigurtà tal-enerġija;
8. Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jitwettqu proġetti strateġiċi immirati lejn id-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija, speċjalment fil-Kuritur tan-Nofsinhar; ifaħħar, f’dan il-kuntest li saru aktar indipendenti mill-provvista Russa, lill-gvernijiet tal-Awsrija, tal-Bulgarija, tal-Ungerija, tar-Rumanija u tat-Turkija rigward l-iffirmar tal-Ftehima Intergovernattiva fit-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-qafas legali tal-proġett tas-sistema ta’ pajpijiet Nabucco li huwa pass importanti biex iseħħ dan il-proġett ta’ prijorità tal-UE, iżda fl-istess ħin jenfasizza l-importanza ta’ regoli ġenerali għall-iżvilupp tal-kuritur bil-ħsieb li l-UE tingħaqad ma’ sorsi tal-gass ġodda mil-Lvant Nofsani u mir-reġjun tal-Kaspju, u tkun indipendenti minn kumpanija jew sistema tal-pajpijiet waħda u bil-għan primarju li din ir-rabta sseħħ bil-ħeffa; iħeġġeġ lill-kumpaniji u lill-Istati Membri involuti f’koperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni biex jiżguraw il-ftehimiet inizjali mal-fornituri prospettivi għall-alimentazzjoni tas-sistema tal-pajpijiet;
9. Jenfasizza li l-UE għandha tipparteċipa fi djalogu mill-qrib mal-fornituri prinċipali tal-enerġija, bil-ħsieb li jissaħħew l-interdipendenza enerġetika u s-sigurtà tal-enerġija għall-UE kollha, b'attenzjoni partikulari fuq iż-żieda fl-effiċjenza, l-aċċess indaqs għas-suq, in-nondiskriminazzjoni u t-trasparenza;
10. Jisħaq li d-djalogi dwar l-enerġija ma għandhomx b’ebda mod isiru a spejjeż tad-djalogi franki u orjentati lejn ir-riżultati dwar il-jeddijiet tal-bniedem u li l-ħarsien tal-jeddijiet tal-bniedem u s-sigurtà enerġetika għandhom ikunu prijorità fuq l-aġenda għas-samit li ġej bejn l-UE u r-Russja u jsiru parti integranti mill-ftehima l-ġdida bejn l-UE u r-Russja;
11. Jissuġġerixxi l-iżvilupp ta' approċċ komuni tal-UE għan-negozjati dwar ir-regoli u l-miżati għat-tranżitu mal-imsieħba esterni u jistieden lill-Istati Membri biex jinformaw lil xulxin u lill-Kummissjoni dwar deċiżjonijiet u ftehimiet strateġiċi li jikkonċernaw lil proġetti ta' infrastruttura enerġetika;
12. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni immedjata kontra manuvri ta' akkwiżizzjoni ostili minn entitajiet barranin mhux trasparenti fis-suq tal-enerġija tal-UE u biex tapplika b’mod strett ir-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni; jinsab allarmat, per eżempju, minħabba l-akkwiżizzjoni reċenti mill-kumpanija Surgutneftegaz ta' sehem fil-kumpanija tal-enerġija Ungeriża MOL, u minħabba l-inabilità tagħha li tiżvela l-istruttura tas-sjieda tagħha u l-identità tas-sidien benefiċjarji aħħarija tagħha, kif intalab leġittimament mir-regolatur Ungeriż tas-suq tal-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga l-attivitajiet ta' entitajiet barranin mhux trasparenti bħal CENTREX, li reċentement xtraw sehem ta' 20% fil-faċilità kummerċjali u ta' ħżin f'Baumgarten, l-Awstrija;
13. Jistieden lill-UE biex tikkopera mal-pajjiżi fir-reġjun tal-Baħar tat-Tramuntana minħabba l-potenzjal sinifikanti tagħhom bħala sorsi ta' enerġija, b'mod partikulari permezz tal-produzzjoni tal-enerġija mir-riħ offshore;
14. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jikkoperaw mal-pajjiżi tal-UE tar-reġjun tal-Mediterran u tal-Afrika ta’ Fuq, minħabba l-potenzjal sinifikanti tagħhom fir-rigward tar-riżorsi tal-enerġija u l-opportunitajiet sustanzjali li jistgħu jinħolqu għall-żvilupp tagħhom stess; iħeġġeġ, b’mod partikulari, l-użu tal-enerġija mix-xemx u mir-riħ f’dawn ir-reġjuni; jilqa' b’sodisfazzjon il-progress li sar bl-Inizjattiva Industrijali DESERTEC sabiex jiġi żviluppat il-potenzjal ta’ enerġija mix-xemx fuq skala vasta fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta’ Fuq; jenfasizza li l-approċċ tal-UE għall-proġett DESERTEC irid ikun koerenti u jagħti kontribut attiv lill-iżvilupp tal-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq u tal-Lvant Nofsani; għalhekk jistieden lill-kumpaniji u lill-Istati Membri involuti f'dan il-proġett biex - b'koperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni - jippromwovu l-iżvilupp permezz tat-trasferiment ġenwin tat-teknoloġija u tal-iżvilupp tal-ħiliet għal kumpaniji lokali u s-soċjetà ċivili sabiex tkun żgurata s-sjieda u tinbena sħubija dewwiema mal-pajjiżi tal-Mediterran li fihom se jkun żviluppat il-proġett DESERTEC;
15. Jenfasizza l-importanza strateġika tar-reġjun tal-Artiku għall-UE, fir-rigward kemm tar-riżorsi tal-enerġija, kwistjonijiet tal-ambjent, tal-bijodiversità kemm tat-trasport bil-ftuħ tal-passaġġ bejn in-Nofsinhar u l-Lvant;
16. Jenfasizza li l-progress fl-iżvilupp ta' politika Ewropea komuni rigward l-enerġija jiddependi fil-biċċa l-kbira fuq id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri sabiex jieħdu passi biex jiżguraw bażi ta’ Trattat li tkun vinkolanti, progressiva u li tkun tiġbor kollox fiha, għal politika Ewropea komuni rigward il-provvista u s-sigurtà tal-enerġija; jitlob ir-ratifika rapida tat-Trattat ta' Liżbona, li jinkludi klawżola dwar is-solidarjetà enerġetika u li jagħmel il-politika dwar l-enerġija responsabilità kondiviża bejn l-UE u l-Istati Membri, bħala pass fid-direzzjoni t-tajba;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.