MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-każ ta' Yevgeny Zhovtis fil-Kazakistan
16.9.2009
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
Verts/ALE (B7‑0062/2009)
S&D (B7‑0064/2009)
ALDE (B7‑0066/2009)
PPE (B7‑0069/2009)
Elisabeth Jeggle, Bernd Posselt, Eija-Riitta Korhola, Laima Liucija Andrikienė f'isem il-Grupp PPE
Véronique De Keyser f'isem il-Grupp S&D
Renate Weber, Marielle De Sarnez, Niccolò Rinaldi f'isem il-Grupp ALDE
Heidi Hautala, Bart Staes f'isem il-Grupp Verts/ALE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-każ ta' Yevgeny Zhovtis fil-Kazakistan
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kazakistan u r-Repubbliki tal-Ażja Ċentrali,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Frar 2008 dwar Strateġija tal-UE għall-Ażja Ċentrali,
– wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażja Ċentrali li ġiet adottata fit-23 ta' Ġunju 2007,
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Strateġija tal-KE għall-Għajnuna lill-Ażja Ċentrali 2007-2013,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-għaxar laqgħa tal-Kunsill ta' Koperazzjoni UE-Kazakistan,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tat-tmien laqgħa tal-Kumitat ta' Koperazzjoni Parlamentari UE-Kazakistan li saret fi Brussell fil-31 ta' Marzu 2008,
– wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Sħubija u ta' Koperazzjoni bejn il-KE u l-Kazakistan li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1999,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi r-relazzjonijiet u l-koperazzjoni bejn l-UE u l-Kazakistan qegħdin jikbru kontinwament fil-livelli kollha; billi l-Kazakistan għandu rwol kruċjali fir-rigward tal-istabilità u s-sigurtà tal-Ażja Ċentrali kif ukoll tal-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun kollu,
B. billi fl-2010 l-Kazakistan se jieħu f'idejh il-Presidenza tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE); billi din il-pożizzjoni se jagħti lill-pajjiż profil akbar u aktar responsabilità fl-oqsma tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-OSCE ħeġġet lill-Kazakistan biex iżid ir-riformi demokratiċi qabel ma jieħu f'idejh il-presidenza,
C. billi, minkejja dan il-kompitu internazzjonali importanti, matul ix-xhur li għaddew is-sitwazzjoni interna tal-Kazakistan marret għall-agħar minħabba restrizzjonijiet akbar fuq il-midja u għadd ta' prosekuzzjonijiet kontroversjali,
D. billi fit-3 ta' Settembru 2009 Yevgeny Zhovtis, direttur tal-Bureau Internazzjonali tal-Kazakistan għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Istat tad-Dritt u difensur prominenti tad-drittijiet tal-bniedem, instab ħati ta' omiċidju talli laqat u qatel persuna miexja fit-triq bil-karozza tiegħu, fis-26 ta' Lulju 2009 u ngħata sentenza ta' erba' snin f'komunità penali,
E. billi fis-27 ta' Lulju 2009 Yevgeny Zhovtis kien innominat bħala xhud fl-investigazzjoni tal-pulizija li bdiet dakinhar stess; billi l-istejtus tas-Sur Zhovtis fl-investigazzjoni nbidel għal dak ta' suspettat fit-28 ta' Lulju 2009, iżda, bi ksur tal-liġi Kazakija, it-tim legali tiegħu ma kienx infurmat dwar dan l-iżvilupp sal-14 ta' Awwissu 2009,
F. billi l-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem, affiljat tal-OSCE, iddikjara li, 'proċeduri dubjużi setgħu kisru d-dritt ta' Zhovtis għal proċess ġust kif iggarantit mill-kostituzzjoni tal-Kazakistan, l-impenji tal-pajjiż fir-rigward tal-OSCE kif ukoll l-istandards internazzjonali fundamentali',
G. billi f'laqgħat tal-OSCE, is-Sur Zhovtis kien ta dettalji dwar abbużi tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżu, li jqajmu dubji dwar kemm huwa floku li l-Kazakistan jippresiedi organizzazzjoni ddedikata għall-ħarsien tal-prinċipji demokratiċi,
H. billi, fl-imgħoddi, tfissru preokkupazzjonijiet serji dwar il-proċessi u s-sentenza ta' ħabs sussegwenti ta' attivisti Kazakin oħra għad-drittijiet tal-bniedem, fosthom Ramazan Yesergepov u Sergei Duvanov,
I. billi f'Ġunju tal-2008 u mbagħad f'Mejju tal-2009, b'rabta mal-fatt li pajjiżu wasal biex jieħu f'idejh il-presidenza tal-OSCE, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Kazakistan, Marat Tahzin, wiegħed titjib fit-tisħiħ u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kazakistan,
J. billi l-Artikolu 2 tal-Ftehima ta' Sħubija u ta' Koperazzjoni jirrikjedi li jintwera rispett għad-demokrazija, il-prinċipji tal-liġi internazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem,
1. Filwaqt li ma jqajjimx dubji dwar l-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja, li hija element ewlieni ta' kull demokrazija, jesprimi l-preokkupazzjoni kbira tiegħu għall-mod li bih twettqu l-investigazzjoni dwar l-inċident traġiku u l-proċess sussegwenti, u jiġbed l-attenzjoni għal allegazzjonijiet li xhieda għad-difiża tas-Sur Zhovtis ma kinitx permessa bħala evidenza matul il-proċess;
2. Jistieden lill-awtoritajiet Kazakin biex iwettqu minnufih u b'rispett sħiħ għat-trasparenza u l-istat tad-dritt investigazzjoni oħra sħiħa u ġusta dwar iċ-ċirkustanzi marbuta mal-inċident, kif ukoll biex janalizzaw kif xieraq il-kundanna u s-sentenza ta' Yevgeny Zhovtis;
3. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Kazakin biex jagħtu dettalji uffiċjali rigward il-każ ta' Yevgeny Zhovtis kif ukoll sabiex jagħtuh aċċess għall-proċedura xierqa skont il-liġi, inkluż id-dritt ta' appell skont il-liġi tal-Kazakistan;
4. Jiġbed l-attenzjoni għar-riżervi qawwija mfissra minn organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem dwar l-impenn veru tal-Gvern Kazaki biex jinbidel meta fl-2007 l-OSCE ħabbret id-deċiżjoni li l-pajjiż jingħata l-presidenza tagħha, u jippretendi li l-awtoritajiet Kazakin jagħmlu kull sforz biex isir titjib u progress tanġibbli fir-rigward tad-demokratizzazzjoni u d-drittijiet tal-bniedem qabel ma jieħdu l-presidenza tal-OSCE;
5. Jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex iżidu l-għajnuna tal-UE u l-koperazzjoni mal-Kazakistan f'dawn l-oqsma, sabiex jippreparaw lill-Gvern Kazaki b'mod aħjar biex iwettaq dan il-kompitu internazzjonali importanti;
6. Iħeġġeġ lill-Kunsill biex jieħu pożizzjoni soda u jqajjem din il-kwistjoni mal-awtoritajiet Kazakin u, b'mod partikulari, biex jittratta l-każ tas-Sur Zhovtis fi ħdan il-qafas tad-djalogu bejn l-UE u l-Kazakistan dwar id-drittijiet tal-bniedem, li t-tieni parti tiegħu huwa skedat għall-21 ta' Ottubru 2009, kif ukoll tal-laqgħa tal-Kunsill ta' Koperazzjoni UE-Kazakistan f'nofs ix-xahar ta' Novembru 2009;
7. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżid il-proġetti u l-programmi tagħha fil-Kazakistan fil-qafas tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR);
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Ażja Ċentrali, lill-OSCE, lill-Kunsill tal-Ewropa kif ukoll lill-Parlament, lill-Gvern u lill-President tal-Kazakistan.