Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B7-0090/2009Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B7-0090/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-libertà ta' informazzjoni fl-Italja u fl-Unjoni Ewropea

19.10.2009

imressqa skont l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
Verts/ALE (B7‑0090/2009)
GUE/NGL (B7‑0092/2009)
S&D (B7‑0093/2009)
ALDE (B7‑0094/2009)

Monika Flašíková Beňová, Claude Moraes, David-Maria Sassoli f'isem il-Grupp S&D
Niccolò Rinaldi, Sonia Alfano, Luigi de Magistris, Sophia in 't Veld, Jeanine Hennis-Plasschaert, Sarah Ludford, Sylvie Goulard, Henri Weber, Ivo Vajgl, Louis Michel, Olle Schmidt, Johannes Cornelis van Baalen, Giommaria Uggias, Gianni Vattimo, Vincenzo Iovine, Pino Arlacchi f'isem il-Grupp ALDE
Daniel Cohn-Bendit, Judith Sargentini, Raül Romeva i Rueda, Rebecca Harms f'isem il-Grupp Verts/ALE
Lothar Bisky, Rui Tavares, Patrick Le Hyaric, Willy Meyer, Cornelis de Jong, Eva-Britt Svensson, Nikolaos Chountis f'isem il-Grupp GUE/NGL


Proċedura : 2009/2688(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B7-0090/2009
Testi mressqa :
RC-B7-0090/2009
Dibattiti :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-libertà ta' informazzjoni fl-Italja u fl-Unjoni Ewropea

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, partikolarment l-artikoli tiegħu li għandhom x'jaqsmu mal-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, kif ukoll l-Artikoli 6, 22, 43, 49, 83, 87, 95 u 151 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li jittrattaw il-libertà ta' espressjoni u ta' informazzjoni kif ukoll id-dritt tal-pluraliżmu tal-midja,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2007/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2007 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta' attivitajiet ta' xandir bit-televiżjoni,

–   wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni dwar il-pluraliżmu fil-midja fl-Istati Membri tal-UE (SEC(2007)0032),

–   wara li kkunsidra l-approċċ fi tliet stadji dwar il-pluraliżmu tal-midja definit mill-Kummissjoni u l-istudju indipendenti li sar mill-Università Kattolika ta' Leuven – ICRI, mis-Central European University – CMCS u mill-International Business School ta' Jönköping – MMTC, flimkien mal-kumpanija ta’ konsulenza, Ernst & Young Belgium, f'isem il-Kummissjoni u finalizzat fl-2009,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Settembru 2008 dwar il-konċentrazzjoni u l-pluraliżmu tal-midja fl-Unjoni Ewropea[1],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' April 2004 dwar ir-riskji tal-ksur tal-libertà ta' espressjoni u ta' informazzjoni fl-Unjoni Ewropea u b'mod speċjali fl-Italja[2],

–   wara li kkunsidra id-dikjarazzjonijiet mill-Kummissjoni u d-dibattitu li sar fil-Parlament Ewropew fit-8 ta' Ottubru 2009,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Unjoni Ewropea tiggarantixxi u tippromwovi l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni kif stabbilita fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fl-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni dwar il-Drittijiet tal-Bniedem, li għalihom l-libertà tal-mezzi tal-komunikazzjoni u tal-pluraliżmu jirrappreżentaw prerekwiżit essenzjali, u billi dawn id-drittijiet jinkludu l-libertà ta' opinjoni u l-libertà li tirċievi jew tagħti informazzjoni mingħajr indħil jew pressjonijiet min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi,

B.  billi l-Kummissjoni Ewropea, minkejja li l-Parlament Ewropew ripetutament talab għal direttiva dwar il-pluraliżmu tal-informazzjoni u l-konċentrazzjoni tal-midja, ma inkludietx dawn it-temi fir-reviżjoni tad-direttiva "Televiżjoni mingħajr Fruntieri", iżda ntrabtet li tiddefinixxi pjan speċifiku fi tliet stadji dwar il-kwistjoni, li jikkonsisti fl-elaborazzjoni ta' dokument ta' ħidma (maħruġ fl-2007), fid-definizzjoni ta' indikaturi tal-livell ta' pluraliżmu (li jinsabu fi studju indipendenti maħruġ f'Lulju 2009) u fi proposta għal komunikazzjoni dwar dawn l-indikaturi (prevista biss għall-2010),

C.  billi l-Parlament Ewropew diversi drabi stieden il-Kummissjoni, permezz ta' bosta riżoluzzjonijiet, biex tippromwovi azzjonijiet biex tiggarantixxi l-pluraliżmu u tindirizza l-problema tal-konċentrazzjoni tal-midja, biex tippreżenta b'urġenza komunikazzjoni dwar il-ħarsien tal-pluraliżmu tal-midja u l-konċentrazzjoni tagħha fl-Istati Membri u biex tlesti b'urġenza l-qafas regolatorju bi proposta għal direttiva dwar l-istess temi skont il-bażi ġuridika li t-Trattati jipprevedu b'mod ċar,

D. billi hemm sinjali li l-pluraliżmu tal-midja jinsab taħt attakk f'bosta Stati Membri; billi, fir-Rapport tagħha dwar il-Libertà tal-Istampa, l-organizzazzjoni Freedom House kklassifikat l-Italja fit-73 post u semmiet ukoll s-sitwazzjoni kritika tar-Rumanija u tal-Bulgarija; billi anki r-Rappreżentant Għoli tal-OSCE għal-Libertà tal-Midja espriema tħassib għas-sitwazzjoni fl-Italja b'ittra indirizzata lill-awtoritajiet Taljani fl-20 ta' Settembru, kif għamlet ukoll l-Federazzjoni Nazzjonali tal-Istampa Taljana;

E. billi f'dawn l-aħħar xhur fl-Italja t-tħassib żdied minħabba l-kunflitt ta' interessi dejjiemi bejn l-proprjetà tal-midja u l-kontroll politiku ta' din tal-aħħar, kemm pubblika kif ukoll privata, mi-naħa tal-Prim Ministru, inkluż l-kontroll fuq l-allokazzjoni tar-riżorsi tar-riklami; billi l-gvern ilu jindaħal bil-qawwi fis-servizz televiżiv pubbliku, partikolarment fir-rigward tad-definizzjoni tal-programmi u tal-ħatra ta' diretturi, edituri u ġurnalisti u dan għandu riperkussjonijiet fuq il-pluraliżmu tal-midja, kif stqarr l-istitut prinċipali ta' monitoraġġ tal-midja fl-Italja, l-Osservatorju ta' Pavia; billi l-Prim Ministru Taljan ilu jieħu azzjonijiet legali kontra gazzetti Taljani u Ewropej u reċentement talab li l-kelliema tal-Kummissjoni Ewropea jastjenew milli jagħtu kwalunkwe informazzjoni;

1.  Jinsab konvint li l-libertà li tirċievi u tikkomunika informazzjoni mingħajr indħil mill-awtoritajiet pubbliċi hi prinċipju fundamentali li fuqu hi bbażata l-Unjoni Ewropea u hu element essenzjali tad-demokrazija, bħal ma hu l-pluraliżmu tal-midja, it-tnejn li huma jinsabu fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; itenni li l-Unjoni Ewropea għandha obbligu politiku u ġuridiku lejn iċ-ċittadini tagħha li tiżgura – fl-oqsma tal-kompetenza tagħha – li dawn id-drittijiet ikunu rispettati;

2.  Iqis li huwa neċessarju li tiġi indirizzata kwalunkwe anomalija rappreżentata minn kunflitti ta' interessi bejn poter politiku, poter ekonomiku u poter tal-mezzi ta' informazzjoni u mill-konċentrazzjoni tal-kontroll, dirett jew indirett, fuq il-midja pubblika u privata u jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi garantit, fl-Istati Membri kollha, li s-servizz pubbliku jkun indipendenti u ħieles minn indħil mill-awtoritajiet tal-Gvern;

3.  Huwa partikolarment imħasseb bis-sitwazzjoni fl-Italja u jqis li din jista' jkollha konsegwenzi għall-Ewropa kollha kemm hi u li n-nuqqas ta' azzjoni mill-UE jista' jdgħajjef il-kredibilità tagħha fl-istabbiliment ta' kriterji fil-qasam tad-drittijiet fundamentali fl-ambitu tar-relazzjonijiet esterni tagħha, kif ukoll fil-proċess ta' adeżjoni;

4.  Jiddeplora l-pressjoni u l-intimidazzjoni fil-konfront ta' gazzetti Taljani u Ewropej min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi Taljani, jappoġġa t-talba tar-Rappreżentant tal-OSCE lill-awtoritajiet Taljani biex twaqqaf immedjatament din il-pressjoni u tqis bħala mhux opportun kwalunkwe indħil, min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi, fil-libertà ta' informazzjoni intiż għall-kontroll tas-servizz pubbliku tax-xandir;

5.  Jerġa' jafferma, f'dan ir-rigward, li l-qafas leġiżlattiv tal-UE fil-qasam tal-pluraliżmu u l-konċentrazzjoni tal-midja jibqa' inadegwat u li għaldaqstant hemm ħtieġa urġenti li l-Unjoni Ewropea tagħmel użu tal-kompetenzi tagħha relatati mal-politiki fil-qasam tas-suq intern, politika awdjoviżiva, kompetizzjoni, telekomunikazzjonijiet, sussidji mill-Istat, obbligi tas-servizzi pubbliċi, drittijiet fundamentali taċ-ċittadini, biex tiddefinixxi tal-anqas il-kundizzjonijiet minimi essenzjali li l-Istati Membri kollha huma obbligati jirrispettaw bil-għan li tiġi żgurata, garantita u promossa l-libertà ta' informazzjoni u livell xieraq ta' pluraliżmu tal-midja; f’dan il-kuntest, jitlob lill-Kummissjoni sabiex tinvestiga r-riskju ta’ trusts u konċentrazzjoni fis-settur tal-midja fl-UE;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex toħroġ b'urġenza proposta għal direttiva dwar il-konċentrazzjoni tal-midja u l-ħarsien tal-pluraliżmu, bl-involviment sħiħ tal-Kummissarju futur responsabbli għad-drittijiet fundamentali, wara li qabel tkun iddefiniet, f'komunikazzjoni dwar il-kwistjoni, indikaturi adegwati għad-determinazzjoni tal-livell ta' pluraliżmu tal-informazzjoni u ta' indipendenza tal-midja tas-servizz pubbliku, kif mitlub diversi drabi mill-Parlament u mħabbar mill-Kummissjoni nnifisha;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-kumitati kompetenti tiegħu u lill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali biex isegwu l-kwistjoni u jinforma lis-seduta plenarja dwar il-libertà ta' informazzjoni, il-konċentrazzjoni u l-pluraliżmu tal-midja fl-UE;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-gvernijiet u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri, lill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali u lill-OSCE.