MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar it-tħejjijiet għas-Samit bejn l-UE u r-Russja li se jseħħ fi Stokkolma fit-18 ta’ Novembru 2009
9.11.2009
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
ALDE (B7‑0128/2009)
S&D (B7‑0129/2009)
Verts/ALE (B7‑0130/2009)
PPE (B7‑0131/2009)
ECR (B7‑0132/2009)
Elmar Brok, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Ioannis Kasoulides f'isem fil-Grupp PPE
Adrian Severin, Hannes Swoboda, Knut Fleckenstein f'isem il-Grupp S&D
Annemie Neyts-Uyttebroeck f'isem il-Grupp ALDE
Heidi Hautala, Bart Staes f'isem il-Grupp Verts/EFA
Ryszard Antoni Legutko, Charles Tannock, Tomasz Piotr Poręba, Michał Tomasz Kamiński, Konrad Szymański, Jacek Olgierd Kurski, Roberts Zīle, Adam Bielan f'isem il-Grupp ECR
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tħejjijiet għas-Samit bejn l-UE u r-Russja li se jseħħ fit-18 ta' Novembru 2009 fi Stokkolma
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Sħubija u ta' Kooperazzjoni attwali bejn, il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom fuq naħa, u l-Federazzjoni Russa fuq in-naħa l-oħra, u n-negozjati mnedija s-sena li għaddiet dwar trattat ġdid bejn l-UE u r-Russja,
– wara li kkunsidra l-objettiv tal-UE u r-Russja, stabbilit fid-dikjarazzjoni konġunta maħruġa wara l-11-il Samit UE-Russja li sar f'San Pietruburgu fil-31 ta’ Mejju 2003, biex jinħoloq spazju ekonomiku komuni, spazju komuni ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, spazju komuni ta’ kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà esterna u spazju komuni ta’ riċerka u edukazzjoni, inklużi l-aspetti kulturali,
– wara li kkunsidra r-rapporti u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Settembru 2009 dwar il-qtil ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2009 dwar l-aspetti esterni tas-sigurtà tal-enerġija u r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2008 dwar is-Samit bejn l-UE u r-Russja f'Khanty-Mansiysk tas-26 u s-27 ta' Ġunju 2008,
– wara li kkunsidra l-istqarrija u r-rakkomandazzjonijiet finali li nħarrġu mill-Kumitat Parlamentari ta' Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Russja wara l-11-il laqgħa tiegħu fi Brussell fis-16 u s-17 ta' Frar 2009,
– wara li kkunsidra r-riżultat tal-laqgħa tal-Kunsill Permanenti ta' Sħubija bejn l-UE u r-Russja li sar fi Brussell fid-19 ta' Ottubru 2009,
– wara li kkunsidra l-Konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta’ aġenda tas-Samit li jmiss bejn l-UE u r-Russja li se jsir fi Stokkolma fit-18 ta’ Novembru 2009,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja żviluppaw b’mod kontinwu matul dan l-aħħar deċennju, filwaqt li wasslu għal integrazzjoni u interdipendenza ekonomiċi profondi u komprensivi, li wkoll mistennija jiżdiedu iktar fil-futur,
B. billi l-konklużjoni ta' ftehima ta' kooperazzjoni ġenerali ġdida bejn l-UE u r-Russja, li għaliha kienu sar is-sitt ċiklu ta' negozjati fil-bidu ta' Ottubru u ċ-ċiklu li jmiss huwa skedat għal nofs Diċembru, tibqa' tal-akbar importanza għall-iżvilupp u t-tisħiħ ulterjuri tal-kooperazzjoni bejn iż-żewġ imsieħba,
C. billi l-UE u r-Russja, li hi membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, għandhom responsabilità konġunta għall-istabilità dinjija u billi l-kooperazzjoni msaħħa u r-relazzjonijiet tajba bejn l-UE u r-Russja huma ta' importanza partikolari għall-istabilità, is-sigurtà u l-prosperità tal-Ewropa,
D. billi l-adeżjoni tar-Russja mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) tkun ta' kontribut sostanzjali għat-titjib ulterjuri tar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn l-UE u r-Russja, dejjem jekk ikun hemm impenn vinkolanti rigward il-konformità sħiħa mal-impenji u l-obbligi tad-WTO u l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom min-naħa tar-Russja, u twitti t-triq għal ftehima ta' integrazzjoni ekonomika profonda u komprensiva bejn iż-żewġ partijiet, ibbażata fuq reċiproċità ġenwina;
E. billi s-sigurtà tal-provvisti tal-enerġija enerġija hija waħda mill-ikbar sfidi li qed taffaċċja l-Ewropa u waħda mill-oqsma ewlenin ta' kooperazzjoni mar-Russja; billi hemm bżonn li jsiru sforzi konġunti sabiex isir użu sħiħ u effiċjenti tas-sistemi ta’ trażmissjoni tal-enerġija, kemm dawk li diġà jeżistu u kemm dawk li għad iridu jiġu żviluppati; billi d-deċiżjoni riċenti li ħadet ir-Russja biex tirtira l-firma tagħha mit-Trattat tal-Karta tal-Enerġija tikkomplika aktar dawn ir-relazzjonijiet u tqajjem tħassib dwar id-djalogu li għaddej bħalissa dwar l-enerġija u dwar żviluppi tal-ġejjieni; u billi d-dipendenza qawwija tal-UE fuq il-fjuwils fossili importati mir-Russja toħloq riskju li ddgħajjef l-iżvilupp ta' approċċ Ewropew ibbilanċjat, koerenti u mmexxi mill-valuri vis-à-vis r-Russja,
F. billi huwa tal-akbar importanza għall-UE li titkellem b’vuċi waħda, turi solidarjetà interna b’saħħitha, tadotta pożizzjoni komuni u ma taċċettax l-offerti tar-Russja rigward l-intensifikar tar-relazzjonijiet bilaterali ma' dawk l-Istati Membri li huma l-aktar disposti; billi r-relazzjonijiet tal-UE mar-Russja għandhom ikunu bbażati fuq interessi reċiproċi u valuri komuni,
G. billi għad hemm tħassib serju dwar l-iżviluppi fir-Russja rigward id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-indipendenza tal-ġudikatura, iż-żieda fil-kontroll tal-midja mill-istat, in-nuqqas ta' kapaċità tal-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji biex isibu lil dawk responsabbli għall-qtil ta' ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-miżuri ripressivi li ttieħdu kontra l-oppożizzjoni, l-applikazzjoni selettiva tal-liġi mill-awtoritajiet u dwar kemm kienu ġusti l-elezzjonijiet, inklużi l-elezzjonijiet reġjonali u lokali li saru fil-11 ta' Ottubru 2009; billi l-Federazzjoni Russa hija membru sħiħ tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurta u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, (OSCE) u għalhekk intrabtet mal-prinċipji tad-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; u billi l-Premju Sakharov 2009 għal-Libertà tal-Ħsieb tal-Parlament Ewropew ingħata lil Memorial, organizzazzjoni Russa għad-difiża tad-drittijiet ċivili, u lir-rappreżentanti tagħha,
H. billi l-UE u r-Russja, flimkien, jistgħu u għandu jkollhom irwol attiv fil-ħolqien tal-paċi u l-istabilità fil-kontinent Ewropew, b’mod partikolari fil-viċinanzi komuni, u jaħdmu flimkien biex tinkiseb soluzzjoni paċifika skont il-liġi internazzjonali għall-kunflitti bejn il-Ġeorġja u t-territorji tal-Abkażja u tal-Ossezja tan-Nofsinhar li nfirdu minn maghha, kif ukoll f’Nagorno-Karabakh u fi Transnistria; billi r-Russja għandha tirrispetta b'mod sħiħ id-dritt għall-awtodeterminazzjoni politika u ekonomika tal-pajjiżi ġirien tagħha,
I. billi fid-19 ta' Ottubru 2009, ir-Russja u l-Istati Uniti tal-Amerika reġgħu bdew it-taħdidiet f'Ġinevra għat-tfassil ta' ftehima ġdida sabiex tieħu post it-Trattat dwar it-Tnaqqis tal-Armi Strateġiċi (START) u dan kien l-ewwel pass tanġibbli fl-għoti mill-ġdid tal-ħajja lir-relazzjonijiet bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u r-Russja mħabbar mill-amministrazzjoni ta' Obama; billi fit-23 ta' Ottubru 2009, Robert Gates, is-Segretarju għad-Difiża tal-Istati Uniti, waqt konferenza għall-aħbarijiet wara l-laqgħa ministerjali tan-NATO fi Bratislava, qal li l-istazzjonijiet tar-radar Russi, Gabala u Armavir, li r-Russja kienet ipproponiet għal użu konġunt, jistgħu jkunu verament ta' valur għad-difiża tal-missili tal-Ewropa inġenerali li attwalment l-Istati Uniti qed tistabbilixxi, sabiex b'hekk tinfetaħ il-prospettiva li l-Istati Uniti tal-Amerika, in-NATO u r-Russja jissieħbu fil-ħolqien ta' sistema konġunta ta' difiża tal-missili; u billi mit-18 ta' Settembru sal-5 ta' Ottubru 2009, ir-Russja u l-Bjelorussja wettqu manuvri strateġiċi f’konformità mal-proċeduri stabbiliti fid-Dokument ta' Vjenna tal-OSCE tal-1999, iżda qajmu tħassib serju dwar il-konformità tagħhom mal-ispirtu ta’ kooperazzjoni tajba u rispett reċiproku bejn ir-Russja u l-Unjoni Ewropea;
1. Jafferma mill-ġdid it-twemmin tiegħu li r-Russja għadha wieħed mill-imsieħba l-iktar importanti tal-Unjoni Ewropea fil-bini ta’ kooperazzjoni sostenibbli, minħabba li mhux biss għandhom interessi ekonomiċi u kummerċjali komuni, iżda għandhom ukoll l-objettiv li jaġixxu mill-qrib flimkien kemm fil-livell globali kif ukoll fil-viċinanzi komuni fuq il-bażi tal-liġi internazzjonali;
2. Jinnota li s-Samit fi Stokkolma se jiffoka fuq kooperazzjoni ekonomika wiesgħa, b’mod partikulari l-effetti tal-kriżi finanzjarja u ekonomika u l-metodi biex dawn jintgħelbu, it-tħejjijiet għall-Konferenza ta’ Kopenħagen dwar il-bidla fil-klima li se ssir f’Diċembru, l-aspetti dwar l-enerġija u s-sigurtà tal-enerġija, id-diskussjonijiet dwar liberalizzazzjoni ulterjuri tal-viża u l-progress fin-negozjati għall-ftehima bilaterali l-ġdida ta' sħubija msaħħa, u se jindirizza wkoll għadd ta’ kwistjonijiet internazzjonali bħall-programm nukleari tal-Iran u l-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani;
3. jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-iżvilupp tar-relazzjonijiet mar-Russja fil-ġejjieni b'mod pragmatiku b’attenzjoni fuq il-kooperazzjoni li qed issir bħalissa bbażata fuq l-Erba’ Spazji Komuni, in-negozjati dwar ftehima ġdida ta’ kooperazzjoni ġenerali u l-implimentazzjoni tal-impenji u l-ftehimiet li saru s'issa; iżda jtenni l-appoġġ qawwi tiegħu għal ftehima ġdida li tmur lil hinn minn kooperazzjoni purament ekonomika u li tkun tinkludi wkoll l-oqsma tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali;
4. Itenni l-appoġġ tiegħu għall-objettiv tal-adeżjoni tar-Russja mad-WTO li se tpoġġi lill-komunitajiet tan-negozju taż-żewġ naħat fuq livell indaqs u li se jgħin ħafna lill-isforzi tar-Russja biex din tibni ekonomija moderna, diversifikata u b’teknoloġija avvanzata; jistieden lir-Russja sabiex tieħu l-passi neċessarji biex tneħħi l-ostakoli li baqa' għall-proċess ta' adeżjoni, b’mod partikolari fil-qasam tad-dazji fuq l-esportazzjoni, il-livell tal-imposti tal-ferroviji għall-oġġetti li jkunu fi tranżitu fir-Russja, l-imposti tat-triq fuq il-vetturi li jkunu qed iġorru l-merkanzija u r-restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni tal-laħam, il-ħalib u l-prodotti magħmula mill-ħxejjex, sabiex wara dan l-UE għandha tibda tiddiskuti ftehima ta' kummerċ ħieles mal-Federazzjoni Russa; jistenna bil-ħerqa l-implimentazzjoni ta’ politiki iktar effettivi dwar bosta kwistjonijiet pendenti bħad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-iskart radjuattiv, is-sikurezza nukleari, il-permessi tax-xogħol għaċ-ċittadini tal-UE, eċċ.; jenfasizza l-ħtieġa li l-awtoritajiet Russi jiżguraw li ma tintuża l-ebda prattika dikriminatorja vis-à-vis l-investituri u l-imsieħba kummerċjali tal-UE u jerġgħu jiġu kkunsidrati mill-ġdid il-miżuri meħuda biex tiġi indirizzata l-kriżi ekonomika, b’konformità mal-impenn meħud fis-Samit reċenti tal-G20; jiddeplora l-fatt li r-Russja għadha mhux qed iżżomm l-impenn tagħha biex bil-mod il-mod twaqqaf il-pagamenti għal titjiriet minn fuq is-Siberja u jistieden lir-Russja sabiex tiffirma l-ftehim li ntlaħaq dwar din il-kwistjoni fis-samit ta’ Samara; jilqa' b’sodisfazzjon, f'dan il-kuntest, id-deċiżjoni meħuda mir-Russja, il-Bjelorussja u l-Kazakistan biex ma jkomplux jippruvaw jissieħbu mad-WTO bħala unjoni doganali waħda, li tista’ żżid is-snin fil-proċess tan-negozjati;
5. Jinnota b’interess id-djalogu li għaddej bħalissa bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja dwar il-liberalizzazzjoni ulterjuri tal-viża; jitlob li jkun hemm iktar kooperazzjoni dwar l-immigrazzjoni illegali, kontrolli mtejba fil-punti transkonfinali ta' kontroll u skambju ta' informazzjoni dwar it-terroriżmu u l-kriminalità organizzata; jenfasizza li l-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li r-Russja tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stipulati fi kwalunkwe ftehima nnegozjata dwar l-eliminazzjoni tal-viżi bejn iż-żewġ naħat, sabiex ikun evitat kwalunkwe ksur tas-sigurtà fl-Ewropa; jenfasizza, f’dan il-kuntest, l-importanza tal-kuntatti personali bejn in-nies u l-effett benefiku tagħhom fuq l-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja;
6. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jirduppjaw l-isforzi tagħhom sabiex isolvu l-problemi involuti fil-qsim tal-fruntiera bejn l-UE u r-Russja, sabiex jinvolvu ruħhom fi proġetti konkreti u jagħmlu użu sħiħ mill-Istrument tal-Viċinanzi u Sħubija l-ġdid u l-fondi INTERREG għall-kooperazzjoni transkonfinali;
7. Jistenna bil-ħerqa l-firma ta' ftehima dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' twissija bikrija dwar is-sigurtà tal-enerġija bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja li tkopri n-notifika, il-konsultazzjoni u l-implimentazzjoni u jistieden lill-Presidenza Svediża u lill-Kummissjoni biex jaħdmu mal-awtoritajiet Russi, Gazprom, l-awtoritajiet tal-Ukraina u Naftohaz Ukrainy biex tiġi evitata repetizzjoni tal-qtugħ tal-provvista li seħħ fis-snin reċenti;
8. Jisħaq fuq l-importanza reċiproka tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija għar-Russja u għall-UE, peress li dawn jirrappreżentaw opportunità potenzjali għal iktar kooperazzjoni kummerċjali u ekonomika bejniethom; jenfasizza li l-prinċipji ta’ interdipendenza u trasparenza għandhom ikunu l-bażi ta’ tali kooperazzjoni, flimkien ma’ aċċess ugwali għas-swieq, l-infrastruttura u l-investiment; jitlob lill-Presidenza Svediża, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jużaw is-Samit sabiex juru b’mod ċar lir-Russja ż-żieda fil-miżuri ta' solidarjetà interna fil-qasam tal-enerġija li l-Unjoni qed tieħu u l-konsegwenzi reċiproċi negattivi fit-tul li jistgħu jinħolqu minn problemi fil-provvista tal-enerġija; jistieden lir-Russja biex tinkorpora malajr l-aqwa prattiki internazzjonali dwar it-trasparenza u r-responsabilità pubblika fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u biex tiffirma l-konvenzjoni ESPOO (dwar Evalwazzjoni tal-Impatt Ambjentali f'Kuntest Traskonfinali);
9. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiżguraw li l-prinċipji tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija (ECT) u l-Protokoll ta’ Tranżitu anness miegħu jiddaħħlu fi ftehima ġdida ta’ sħubija (PCA) bejn l-UE u r-Russja;
10. Jirrikonoxxxi li sabiex ikun hemm 50% ċans li l-bidla fil-klima tkun limitata għal +2ºC, l-emissjonijiet tal-pajjiżi industrijalizzati għandhom jitnaqqsu tal-anqas b’bejn 80 u 95% sal-2050 meta mqabbla mal-livelli tal-1990; jisħaq fuq ir-responsabilità speċifika tal-pajjiżi żviluppati li jkunu minn ta' quddiem fit-tnaqqis tal-emissjonijiet u jikkunsidra li tnaqqis kollettiv mill-pajjiżi industrijalizzati fil-parti għolja tal-firxa ta' 25-40% rrakkomandata mill-Panel Intergovernattiv dwar il-Bidla fil-Klima (IPCC) sal-2020 huwa neċessarju; f’dan il-kuntest, iqis li jeħtieġ li l-pajjiżi industrijalizzati kollha jadottaw miri li jkunu jirrikjedu tnaqqis ambizzjuż mil-livelli ta’ emissjonijiet attwali u jistieden lir-Russja biex tikkunsidra mill-ġdid it-talba tiegħu għal mira ta’ emissjonijiet li tikber, b’konformità mal-potenzjal kbir ta’ mitigazzjoni tagħha u r-rakkomandazzjonijiet tal-IPCC, bil-għan li tiġi ffaċilitata ftehima rapida f’Kopenħagen;
11. Jenfaizza l-ħtieġa li r-Russja tagħti l-appoġġ kollu tagħha favur miri vinkolanti għall-bidla fil-klima għal wara Kyoto; jistieden lill-Presidenza, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jaħdmu b’mod intensiv mal-parti Russa sabiex tkun żgurata ftehima globali, ambizzjuża u komprensiva fil-Konferenza dwar il-Bidla fil-Klima f'Kopenħagen f'Diċembru li twaqqaf lit-tisħin globali milli jilħaq livelli perikolużi;
12. Jisħaq fuq l-importanza ta’ skambju kontinwu ta' opinjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem mar-Russja bħala parti mill-Konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b’attenzjoni fuq il-passi meħuda mill-awtoritajiet Russi bil-għan li tiġi żgurata s-sikurezza tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u jitlob li jkun hemm titjib fil-format ta' dawn il-laqgħat sabiex ikunu iktar effettivi, b'attenzjoni speċjali fir-rigward ta’ azzjonijiet konġunti kontra r-razziżmu u l-ksenofobija, u sabiex dan il-proċess ikun miftuħ għal kontribut effettiv mill-Parlament Ewropew, mid-Duma u minn NGOs favur id-drittijiet tal-bniedem, kemm jekk id-djalogu jsir fir-Russja, kif ukoll jekk isir fi Stat Membru tal-UE; jinsisti li l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem għandu jkun punt ewlieni fuq l-aġenda tas-samit bejn l-UE u r-Russja u parti integrali tal-ftehima l-ġdida bejn l-UE u r-Russja;
13. Jistieden lill-awtoritajiet Russi biex jikkonformaw mas-sentenzi kollha tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem u biex jirratifikaw il-protokoll dwar ir-riforma ta’ dan il-korp kemm jista’ jkun malajr; jistenna li d-Duma tirratifika l-Protokoll Addizzjonali 14 għall-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;
14. Jitlob lill-Presidenza Svediża, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jużaw is-Samit sabiex jesprimu b'mod ċar it-tħassib tal-UE dwar għadd ta' kwistjonijiet internazzjonali li fihom il-kooperazzjoni kostruttiva min-naħa tar-Russja hija kruċjali minħabba l-pożizzjoni tagħha fil-politika internazzjonali, u dwar il-bżonn ta’ żieda fil-kooperazzjoni fit-trattament tal-kwistjonijiet mal-Iran, mal-Afganistan u mal-Lvant Nofsani u kwistjonijiet kruċjali oħra fl-aġenda internazzjonali;
15. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex isegwu inizjattivi konġunti mal-Gvern Russu mmirati lejn it-tisħiħ tas-sigurtà u l-istabilità fid-dinja u, b'mod partikolari, fil-viċinanzi komuni u biex tinkiseb soluzzjoni paċifika skont il-liġi internazzjonali għall-kunflitti fin-Nagorno-Karabakh u fit-Transnistria u fuq kollox bejn il-Ġeorġja u r-reġjuni li nfirdu minn magħha, l-Ossezja tan-Nofsinhar u l-Abkażja;
16. Jilqa' b’sodisfazzjon, f'dan il-kuntest, il-kisbiet tal-EUMM li wrew ir-rieda u l-kapaċità tal-UE biex tirreaġixxi b'determinazzjoni għall-promozzjoni tal-paċi u l-istabilità u kienu ta’ kontribut għall-ħolqien tal-kundizzjonijiet neċessarji għall-implimentazzjoni tal-ftehimiet tat-12 ta' Awwissu u t-8 ta' Settembru 2008; itenni l-impenn tiegħu għall-integrità territorjali tal-Ġeorġja u jistieden lill-partijiet kollha biex jikkonformaw bis-sħiħ mal-impenji tagħhom; jinnota li l-EUMM għandha mandat fil-pajjiż kollu u jitlob li tingħata aċċess mingħajr xkiel fl-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar, li s'issa qatt ma ngħatalha; jafferma mill-ġdid l-impenn sħiħ tiegħu fit-taħditiet ta' Ġinevra u t-tkomplija tal-kopresidenza f'dan il-forum mill-UE, in-NU u l-OSCE;
17. Jitlob lill-UE u r-Russja biex ikomplu bl-isforzi tagħhom biex jiksbu progress fil-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani u biex isibu soluzzjoni għall-kwistjoni nukleari Iranjana, b’mod partikolari wara l-fehim – li ntlaħaq f’Ġinevra fl-1 ta’ Ottubru 2009 bejn l-Iran u l-Istati Uniti tal-Amerika, ir-Russja, iċ-Ċina, il-Ġermanja, Franza u r-Renju Unit – dwar il-pjan dwar il-fjuwil u l-monitoraġġ min-naħa tan-NU tas-sit tal-arrikkiment li qed jinbena u li għadu kif ġie żvelat;
18. Jistieden lill-Presidenza biex tesprimi l-appoġġ tal-UE għad-diskussjonijiet bejn ir-Russja u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar ftehima ġdida biex tissostitwixxi t-Trattat dwar it-Tnaqqis tal-Armi Strateġiċi (START) u għall-inizjattivi mmirati lejn il-bini ta' sistema konġunta ta' difiża tal-missili bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, ir-Russja u n-NATO; jesprimi l-ottimiżmu tiegħu li jista’ jintlaħaq ftehim dwar it-trattat START sal-aħħar tal-2009;
19. Iħeġġeġ lill-gvernijiet kemm tal-Istati Uniti tal-Amerika kif ukoll tar-Russja biex jinvolvu bis-sħiħ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha fid-diskussjonijiet dwar l-iżviluppi dwar it-tarka ta' difiża kontra l-missili, inkluża l-evalwazzjoni dwar ir-riskju mill-missili, filwaqt li b’dan il-mod jikkontribwixxu għall-paċi u l-istabilità fid-dinja u b’mod partikulari fl-Ewropa;
20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurta u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.