Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B7-0031/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B7-0031/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar Strateġija Ewropea għar-Reġjun tad-Danubju

20.1.2010

imressqa skont l-Artikolu 115(5)]tar-Regoli ta' Proċedura
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
S&D (B7‑0031/2010)
ALDE (B7‑0032/2010)
Verts/ALE (B7‑0033/2010)
GUE/NGL (B7‑0034/2010)
PPE (B7‑0036/2010)

Lambert van Nistelrooij, Danuta Maria Hübner, Marian-Jean Marinescu, Richard Seeber, Manfred Weber, Elisabeth Jeggle, Jan Olbrycht, Theodor Dumitru Stolojan, Elena Băsescu, Andrey Kovatchev, Tamás Deutsch, Elena Oana Antonescu, Iosif Matula, Csaba Sógor, Petru Constantin Luhan, Iuliu Winkler f’isem il-Grupp PPE
Silvia-Adriana Ţicău, Constanze Angela Krehl, Victor Boştinaru, Brian Simpson, Saïd El Khadraoui, Hannes Swoboda, Evgeni Kirilov, Georgios Stavrakakis, Ivailo Kalfin f'isem il-Grupp S&D
Michael Theurer, Ramona Nicole Mănescu, Filiz Hakaeva Hyusmenova f'isem il-Grupp ALDE
Eva Lichtenberger, Michael Cramer f'isem il-Grupp Verts/ALE
Oldřich Vlasák, Tomasz Piotr Poręba f'isem il-Grupp ECR
Jaromír Kohlíček, Miloslav Ransdorf f'isem il-Grupp GUE/NGL


Proċedura : 2009/2812(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B7-0031/2010
Testi mressqa :
RC-B7-0031/2010
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Strateġija Ewropea għar-Reġjun tad-Danubju

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 192 u 265(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-mistoqsija orali dwar Strateġija Ewropea għar-Reġjun tad-Danubju (O-0150/09 – B7-0240/2009),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-18 u d-19 ta' Ġunju 2009, li talbu lill-Kummissjoni biex tfassal strateġija Ewropea għar-reġjun tad-Danubju qabel l-għeluq tal-2010,

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku,

–   wara li kkunsidra l-programm tal-Kunsill, imħejji mill-Presidenza Spanjola, dik Belġjana, u dik Ungeriża;

–   wara li kkunsidra l-Forum tad-Danubju stabbilit fi ħdan il-Parlament Ewropew, u l-ħidma tal-Forum,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Marzu 2009 dwar il-Green Paper dwar il-Koeżjoni Territorjali u l-istat tad-dibattitu dwar ir-riforma ġejjiena tal-politika ta' koeżjoni,

–   wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni bit-titlu ‘Strateġija tal-UE għaż-Żona tad-Danubju’, ta' Ottubru 2009,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Espoo, Aarhus, u Berna dwar il-ħarsien tal-ambjent,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva ta' Qafas dwar l-Ilma u l-Konvenzjoni ta' Ħelsinki,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta’ Belgrad li tirregola n-navigazzjoni tul id-Danubju,

–   wara li kkunsidra l-istqarrija konġunta dwar "L-iżvilupp tan-Navigazzjoni u l-Ħarsien tal-Ambjent fil-Baċin tax-Xmara Danubju" adottata mill-Kummissjoni tad-Danubju, il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tax-Xmara Danubju (ICPDR) u l-Kummissjoni Internazzjonali tal-Baċin tax-Xmara Sava (ISRBC),

–   wara li kkunsidra l-Konferenza ta' Stokkolma dwar strateġija makroreġjonali li saret mill-Presidenza Svediża,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi t-Trattat ta' Lisbona jirrikonoxxi l-koeżjoni territorjali bħala objettiv tal-Unjoni Ewropea (l-Artikolu 3 tat-Trattat UE),

B.  billi l-istrateġiji makroreġjonali huma mmirati sabiex jagħmlu użu aħjar mir-riżorsi eżistenti biex jittrattaw kwistjonijiet ta' żvilupp territorjali u jidentifikaw risposti konġunti għall-isfidi komuni,

C. billi l-Istrateġija tal-Baħar Baltiku diġà pprovdiet mudell għall-koordinazzjoni tal-politiki u l-iffinanzjar tal-UE f'unitajiet territorjali ġeopolitiċi - makroreġjuni - definiti fuq il-bażi ta' kriterji speċifiċi u billi Strateġija tal-UE għad-Danubju, li tkun issegwi l-mudell tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku, għandha l-potenzjal li tippromwovi l-koperazzjoni reġjonali u transkonfinali għal aktar tkabbir ekonomiku u sabiex tidentifika risponsi konġunti għal sfidi komuni;

D. billi x-Xmara Danubju tgħaqqad għaxar pajjiżi Ewropej – il-Ġermanja, l-Awstrija, is-Slovakkja, l-Ungerija, il-Kroazja, is-Serbja, ir-Rumanija, il-Bulgarija, il-Moldova, u l-Ukraina, li sitta minnhom huma Stati Membri tal-UE, u f'kuntest territorjali akbar, ir-reġjun jinkludi wkoll lir-Repubblika Ċeka, is-Slovenja, il-Bosnja-Ħerzegovina u l-Montenegro,

E.  billi r-reġjun tad-Danubju hija punt importanti fejn jiltaqgħu il-programmi tal-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE, il-programmi għall-pajjiżi koperti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat u l-kandidati potenzjali għal adeżjoni, u għaldaqstant tirrappreżenta qasam fejn is-sinerġiji mtejba bejn il-politiki differenti tal-UE jistgħu jiġu żviluppati: il-koeżjoni, it-trasport, it-turiżmu, l-agrikultura, is-sajd, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali, l-enerġija, l-ambjent, it-tkabbir u l-politika tal-viċinat,

F. billi l-Istrateġija għar-Reġjun tad-Danubju tal-UE għandha tiġi żviluppata f’dawn l-oqsma ta’ kooperazzjoni li ġejjin: l-iżvilupp u l-ħarsien soċjali, l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli, l-infrastruttura tat-trasport u l-enerġija, il-ħarsien tal-ambjent, il-kultura u l-edukazzjoni,

G. billi l-Istrateġija tal-UE għad-Danubju tista' tagħti kontribut importanti għall-kisba ta' koordinazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet u l-organizzazzjoni reġjonali u lokali li jaħdmu fir-reġjun tad-Danubju u tista' tiżgura l-prosperità, l-iżvilupp sostenibbli, il-ħolqien tal-impjiegi u s-sigurtà fiż-żona,

H. billi hemm storja twila ta' kooperazzjoni fir-reġjun tad-Danubju: il-Kummissjoni Ewropea għad-Danubju, li twaqqfet fit-30 ta' Marzu 1856 u li kellha s-sede oriġinarja tagħha f'Galaţi (ir-Rumanija), kienet waħda mill-ewwel istituzzjonijiet Ewropej, u l-lum għandha s-sede tagħha f'Budapest;

I.   billi x-Xmara Danubju għoddha saret passaġġ intern navigabbli tal-Unjoni Ewropea wara t-tkabbir tal-2007, u billi r-Reġjun tad-Danubju jista' jagħti kontribut sostanzjali biex irawwem l-iżviluppi li seħħew mit-tkabbir ’l hawn,

J.   billi x-Xmara Danubju hi passaġġ intern navigabbli effettiv anke lil hinn mill-Istati Membri l-ġodda u flimkien mal-Kanal tal-Main u max-Xmara Renu, tgħaqqad il-Baħar tat-Tramuntana mal-Baħar l-Iswed u għandha l-potenzjal li ttejjeb il-qagħda ġeostrateġika tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed,

K. billi r-Reġjun tad-Danubju jirrappreżenta żona interkonnessa b'kapaċitajiet ekonomiċi eteroġeniċi u billi jekk iż-żona tad-Danubju titqies bħala makroreġjun wieħed, dan jista' jgħin biex jintgħelbu d-differenzi reġjonali fil-prestazzjoni ekonomika u jsostni żvilupp integrat,

L.  billi d-Delta tad-Danubju hija Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO, u dan ir-reġjun tad-Danubju jinkludi bosta Żoni ta’ Protezzjoni Speċjali u Żoni Speċjali għall-Konservazzjoni fi ħdan il-qafas Natura 2000; billi d-Danubju u d-Delta tad-Danubju għandhom ekosistema unika u fraġli, li fiha jgħixu speċijiet ta’ pjanti rari li jinsabu mhedda minħabba t-tniġġis;

1.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tniedi, kemm jista’ jkun malajr, konsultazzjonijiet wiesgħa mal-pajjiżi kollha matul ix-xtut tax-Xmara Danubju sabiex tkopri aspetti varji tal-koperazzjoni reġjonali u li tippreżenta l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju sa mhux aktar tard minn tmiem l-2010;

2.  Iqis li Strateġija Ewropea għar-Reġjun tad-Danubju tirrappreżenta strument xieraq għal titjib fl-iżvilupp territorjali permezz ta' kooperazzjoni intensifikata f'oqsma ta' politika definiti b'mod ċar, fejn l-imsieħba governattivi kollha identifikaw valur miżjud Ewropew ġenwin, u jitlob li din l-istrateġija tiġi żviluppata bħala parti mill-objettiv tal-Koperazzjoni Territorjali Ewropea;

3.  Jenfasizza li huwa essenzjali li kwalunkwe strateġija makro-reġjonali għandha tiġi inkorporata fil-politika reġjonali tal-UE, bħala politika koordinata għat-territorju kollu tal-UE; barra minn hekk, jenfasizza l-ħtieġa li jiġi analizzat il-valur miżjud ta' din l-istrateġija għall-implimentazzjoni tal-objettiv tal-koeżjoni territorjali fi ħdan it-territorju tal-Unjoni;

4.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-atturi relevanti reġjonali u lokali fir-reġjun tad-Danubju jiġu involuti fil-proċess ta' tħejjija, sabiex b'mod ċar jiġu identifikati l-ħtiġijiet, kemm mil-lat tal-iżvilupp territorjali bilanċjat u sostenibbli tat-territorji kif ukoll għall-bini tal-kapaċitajiet, sabiex jinstabu soluzzjonijiet għall-isfidi komuni, il-proġetti prattiċi jiġu implimentati b'mod effiċjenti u jiġi pprovdut mekkaniżmu ta' governanza tajba u jħeġġeġ lill-gvernijiet biex jappoġġaw u jiffaċilitaw miżuri għall-informar u l-konsultazzjoni tal-NGOs, l-assoċjazzjonijiet tal-kummerċ u s-soċjetà ċivili kemm fl-istabbiliment tal-istrateġija kif ukoll fl-implimentazzjoni tagħha fil-ġejjieni;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni biex b'mod ċar tidentifika l-"istruttura ta' governanza" ta' politika ġejjiena għar-reġjun tad-Danubju; hu tal-fehma li l-implimentazzjoni ta' din l-istrateġija ma tridx tirfes fuq ir-responsabilitajiet tal-gvern reġjonali u lokali;

6.  Jappoġġa l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjun tad-Danubju bħala qasam ta’ priorità tal-UE u l-promozzjoni ta’ integrazzjoni reġjonali aktar profonda fir-reġjun tad-Danubju bħala komponent dinamiku ta’ żona ekonomika u politika Ewropea usa’;

7.  Jitlob li jkun hemm it-titjib tal-istatus ekoloġiku tax-xmara Danubju, li bħalissa hija xmara mniġġsa, li jitnaqqas it-tniġġis u li ma jibqax jintrema aktar żejt u aktar sustanzi tossiċi u dannużi fiha;

8.  Jinnota li r-responsabiltà għat-tniġġis tar-Reġjun tad-Danubju hija kemm tal-Istati Membri kif ukoll tal-pajjiżi l-oħra li minnhom tgħaddi x-xmara Danubju; jisħaq li l-ħarsien tal-ambjent fil-baċin tax-xmara Danubju huwa aspett importanti li se jolqot l-iżvilupp agrikolu u rurali tar-reġjun u jħeġġeġ lill-Istati li minnhom tgħaddi x-xmara Danubju biex jistabbilixxu faċilitajiet idroloġiċi u tal-ittestjar tal-kwalità tal-ilma konġunti;

9.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, fid-dawl tal-ġlieda kontra t-tibdil tal-klima, biex jagħtu attenzjoni speċjali u jikkoperaw għall-protezzjoni tal-ekosistemi lokali u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tappoġġa r-riċerka u l-iżvilupp li jiffoka fuq teknoloġiji ġodda mmirati sabiex itejbu l-kapaċitajiet ta' tbassir u ta' azzjoni f'konnessjoni ma' għargħar, nixfa estrema u tniġġis aċċidentali;

10. Jisħaq fuq il-ħtieġa tal-protezzjoni u t-tisħiħ tal-istokkijiet tal-ħut fid-Danubju; jitlob lill-Kummissjoni biex tipprepara pjan komprensiv għall-konservazzjoni u r-restawr tal-istokkijiet naturali tal-istorjuni fid-Danubju;

11. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tuża l-esperjenza tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku fir-rigward tan-natura operattiva tagħha; konsegwentement, jitlob għal Pjan ta' Azzjoni biex jikkomplimenta d-dokument; hu tal-opinjoni li l-Pjan ta' Azzjoni għandu jinkludi fih l-elementi li ġejjin: użu b'kuxjenza ambjentali tax-xmara Danubju għan-navigazzjoni, intermodalità ma' modi oħra tat-trasport tul id-Danubju permezz ta' titjib tal-infrastrutturi kollha (bi prijorità għall-użu aħjar tal-infrastruttura eżistenti) u bil-ħolqien ta' sistema tat-trasport multimodali tul ix-xmara kollha, użu b'kuxjenza ambjentali tal-enerġija mill-ilma tul id-Danubju, il-konservazzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ilma tad-Danubju skont id-Direttiva ta' Qafas dwar l-Ilma, rekwiżiti tas-sikurezza stretti għall-bastimenti, l-iżvilupp ta' turiżmu b'kuxjenza ambjentali u titjib fl-oqsma tal-edukazzjoni, ir-riċerka u l-koeżjoni soċjali;

12. Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' diversifikazzjoni tal-għejun tal-enerġija u jistieden lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi kollha li minnhom tgħaddi x-xmara biex iżidu l-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija, jippromwovu u jimplimentaw proġetti konġunti dwar l-effiċjenza enerġetika u dwar riżorsi enerġetiċi rinovabbli, fid-dawl tal-potenzjal tar-reġjun bħala sors ta' bijoenerġija, u biex jinkoraġġixxu l-użu ta' enerġija mill-bijomassa, mix-xemx, mir-riħ u mill-ilma;

13. Jisħaq li l-evalwazzjonijiet strateġiċi adegwati tal-impatt fuq l-ambjent, inklużi l-evalwazzjonijiet tal-effetti fuq l-ekosistema kollha tax-xmara, għandhom ikunu prerekwiżit għall-proġetti kollha ta' infrastruttura relatati mal-enerġija, sabiex jiġi garantit li jintlaħqu l-istandards internazzjonali tal-ħarsien tal-ambjent, wara li jiġu kkonsultati l-imsieħba li jistgħu jiġu affettwati b’dawn id-deċiżjonijiet;

14. Jiġbed l-attenzjoni dwar l-interdipendenza ekonomika eċċezzjonali tal-istati fir-reġjun tad-Danubju u jappoġġa t-twaqqif ta' netwerks għall-iżvilupp tan-negozju u korpi mhux governattivi li jippromwovu l-kummerċ li jistgħu jikkoordinaw u jippromwovu l-opportunitajiet ta' żvilupp fil-ġejjieni, speċjalment għall-SMEs, biex jiġi żgurat tkabbir sostenibbli u effiċjenti u tkun stimolata l-ekonomija l-ħadra fil-makroreġjun kollu tad-Danubju;

15. Jipproponi l-integrazzjoni tas-sistema tat-trasport tal-UE ma’ dawk tal-pajjiżi ġirien tal-UE fir-reġjun tad-Danubju u jisħaq fuq l-importanza li jsir proviżjon għal proġetti intermodali;

16. Iqis is-sistema ta’ navigazzjoni tal-passaġġi interni navigabbli bħala aspett importanti tal-iżvilupp tat-trasport tar-reġjun, filwaqt li jiġi rikonoxxut it-tnaqqis tan-navigazzjoni fil-passaġġi interni navigabbli, l-aktar minħabba t-tnaqqis kbir fir-ritmu ekonomiku, u jisħaq fuq l-importanza tal-eliminazzjoni tal-konġestjonijiet fl-assi tal-passaġġ Renu/Meuse-Main-Danubju u t-titjib tas-sistema intermodali kollha tat-trasport tul id-Danubju, filwaqt li wieħed jiffoka fuq it-taħlita bejn portijiet interni u loġistika, navigazzjoni interna u trasport ferrovjarju mtejba u jitqiesu l-possibilitajiet addizzjonali ta' trasport marittimu fuq distanzi qosra;

17. Jipproponi li n-Netwerk Trans-Ewropew għandu jissaħħaħ biex titjieb l-intermodalità fir-reġjun kollu u tiżdied il-konnettività mal-Baħar l-Iswed permezz tar-rotot stradali u ferrovjarji (il-kuriduri tal-merkanzija u l-linji ferrovijarji ta’ veloċità qawwija);

18. Jistieden lill-Kummissjoni biex trawwem użu aktar ġeneralizzat ta' teknoloġiji moderni ta' komunikazzjoni u informazzjoni u sabiex tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex malajr kemm jista' jkun tikseb sistema unifikata effiċjenti tar-regoli għan-navigazzjoni tul id-Danubju;

19. Iqis it-turiżmu sostenibbli bħala strument importanti għall-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku tar-reġjun, u jinnota per eżempju l-opportunitajiet li joffri l-ekoturiżmu u l-potenzjal ekonomiku tar-rotot għaċ-ċikliżmu kważi tul id-Danubju kollu;

20. Jappoġġa l-programmi mmirati lejn it-titjib tal-ambjent multikulturali tad-Danubju billi tkun ikkoltivata l-mobilità multinazzjonali, ikun promoss id-djalogu kulturali, jiġu ġġenerati forom ta’ arti u komunikazzjoni kif ukoll ta’ taħriġ u jiġu stabbiliti inkubaturi kummerċjali f’dawn is-setturi, u jitħares il-wirt kulturali u storiku kif ukoll jiġu stimolati industriji kulturali ġodda;

21. Jappoġġa l-programmi ta’ skambji universitarji fi ħdan ir-reġjun u jipproponi li l-universitajiet fir-reġjun jikkostitwixxu netwerks biex jikkoltivaw ċentri ta’ eċċellenza kapaċi li jikkompetu f’livell internazzjonali;

22. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu l-arranġamenti amministrattivi biex inaqqsu l-piż amministrattiv inerenti fl-iżvilupp aktar effettiv u l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju;

23. Jistieden lill-Kummissjoni biex taħdem mill-qrib mal-Parlament Ewropew biex jiġu ddefiniti l-prijoritajiet għall-iżvilupp tal-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju, u jistieden lill-Kummissjoni biex tinformah u tikkonsulta miegħu regolarment dwar l-istatus tal-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija;

24. Jisħaq fuq il-ħtieġa għal approċċ ikkoordinat immirat lejn użu aktar effiċjenti u assorbiment aħjar tal-fondi disponibbli kollha tal-UE fl-Istati tul id-Danubju, biex ikunu jistgħu jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija;

25. Iħeġġeġ l-użu tal-Programmi Operattivi eżistenti għall-finanzjament ta' proġetti f'din l-istrateġija; iħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati biex jesploraw ukoll strumenti oħra ta' natura mhux finanzjarja li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-istrateġija u li jkollhom effett pożittiv immedjat fil-post;

26. Jipproponi li, wara konsultazzjoni mal-atturi lokali u reġjonali, isir Samit tal-UE għad-Danubju darba kull sentejn u li l-konklużjonijiet tiegħu jiġu ppreżentati lill-Kunsill Ewropew u lill-Parlament;

27. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-istituzzjonijiet relevanti l-oħra.