MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-Ksur tad-Drittijiet tal-Bniedem fiċ-Ċina, b’mod partikulari l-każ ta’ Liu Xiaobao
20.1.2010
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
PPE (B7‑0041/2010)
ALDE (B7‑0040/2010)
Verts/ALE (B7‑0055/2010)
ECR (B7‑0054/2010)
GUE/NGL (B7‑0053/2010)
EDF (B7‑0051/2010)
Tunne Kelam, Mario Mauro, Laima Liucija Andrikienė, Cristian Dan Preda, Bernd Posselt, Filip Kaczmarek, Eija-Riitta Korhola, Monica Luisa Macovei, Jean-Pierre Audy, László Tőkés, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska
f’isem il-Grupp PPE Renate Weber, Frédérique Ries, Ramon Tremosa i Balcells, Marielle De Sarnez
f'isem il-Grupp ALDE
Heidi Hautala, Barbara Lochbihler, Helga Trüpel, Philippe Lamberts, Daniel Cohn-Bendit
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Charles Tannock
f'isem il-Grupp ECR
Marie-Christine Vergiat, Gabriele Zimmer
f'isem il-Grupp GUE/NGL
Fiorello Provera
f’isem il-Grupp EFD
Edward McMillan-Scott
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar dwar il-Ksur tad-Drittijiet tal-Bniedem fiċ-Ċina, b’mod partikulari l-każ ta’ Liu Xiaobao
Il-Parlament Ewropew,
- wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iċ-Ċina, partikolarment:
dik tat-13 ta' Diċembru 2007 dwar is-Samit bejn l-UE u ċ-Ċina u d-djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem, u dik tas-26 ta' Novembru 2009 dwar id-drittijiet tal-minoranzi u l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt;
- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Settembru 2007 dwar it-tħaddim tad-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-konsultazzjonijiet ma' pajjiżi terzi dwar id-drittijiet tal-bniedem,
- wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Presidenza f'isem l-UE dwar il-Karta 08 u l-arrest ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem tad-19 ta' Diċembru 2008;
- wara li kkunsidra s-Samit bejn l-UE u ċ-Ċina li sar fi Praga f'Mejju 2009;
- wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Presidenza f'isem l-UE dwar il-prosekuzzjoni tas-Sur Liu Xiaobo tas-26 ta' Ġunju 2009, u tal-14 ta’ Diċembru 2009;
- wara li kkunsidra s-seminar bejn l-UE u ċ-Ċina tat-18-19 ta’ Novembru 2009 u d-djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u ċ-Ċina tal-20 ta' Novembru 2009 ;
- wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tad-29 ta’ Diċembru 2009 mill-Presidenza f'isem l-Unjoni Ewropea dwar l-eżekuzzjoni ta' Akmal Sheikh;
- wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fit-8 ta’ Diċembru 2008 Liu Xiaobo, attivist prominenti għad-drittijiet tal-bniedem u studjuż, u koawtur tal-"Karta 08", tqiegħed taħt "sorveljanza residenzjali", forma ta' detenzjoni qabel il-proċess li tista' tintuża għal massimu ta’ sitt xhur mingħajr ma tinħareġ akkuża, f'post sigriet f’Beijing;
B. billi fit-23 ta' Ġunju 2009, is-Sur Liu Xiaobo ġie arrestat u fl-24 ta’ Ġunju 2009 ġie akkużat b' "inċitament biex iwaqqa' l-poter tal-Istat", skont l-Artikolu 105 tal-Kodiċi Kriminali;
C. billi Liu Xiaobo huwa wieħed mit-303 firmatarji tal-Karta 08, petizzjoni li tħeġġeġ ir-riforma kostituzzjonali, id-demokratizzazzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, li sussegwentement ġie iffirmata minn aktar minn 10,000 ċittadin Ċiniż;
D. billi fil-25 ta’ Diċembru 2009, il-Qorti Popolari Intermedja Muniċipali Nru 1 ta’ Beijing sabet lis-Sur Liu Xiaobo ħati ta' "inċitament biex iwaqqa' l-poter tal-Istat" u kkundannatu għal 11-il sena ħabs; billi l-gvern ibbaża l-kundanna fuq ir-rwol tas-Sur Liu fl-abbozzar u l-organizzazzjoni tal-iffirmar tal-Karta 08 u fuq sitt esejs li kkritikaw il-gvern Ċiniż, ippubblikati bejn l-2005 u l-2007;
E. billi l-mara ta’ Liu u persunal minn madwar 12-il ambaxxata barranija f'Beijing talbu li josservaw il-proċess, imma ma tħallewx jidħlu fl-awla;
F. billi din id-deċiżjoni kkawżat kritika mifruxa minn bloggers domestiċi tal-internet, gruppi internazzjonali tas-soċjetà ċivili, u gvernijiet barranin, u billi s-Sur Liu Xiaobo ressaq appell kontra d-deċiżjoni tal-qorti;
G. billi l-ex-President Ċek Vaclav Havel, li ried iressaq appell għall-ħelsien ta' Liu Xiaobo, ġie miċħud l-aċċess għall-Ambaxxata tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina fi Praga;
H. billi l-awtoritajiet Ċiniżi ma tawx kas is-sejħiet ripetuti tal-UE u ta’ wieħed mill-Istati Membri tagħha biex il-piena tal-mewt mogħtija lis-Sur Akmal Shaikh tiġi kkommutata;
I. billi, ftit jiem ilu, għall-ewwel darba, Uffiċjali Ċiniż irrikonoxxa li s-Sur Gao Zhiseng, attivista Kristjan tad-drittijiet tal-bniedem li kien ġie nnominat għall-premju Nobel għall-paċi, sparixxa;
J. billi f'Diċembru 2009 seħħew każijiet oħra ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina bħall-fastidju tal-membri tal-Forum Guizhou dwar id-Drittijiet tal-Bniedem sabiex iżommuhom milli jwettqu attivitajiet ippjanati biex jiċċelebraw Jum id-Drittijiet tal-Bniedem u s-swat u t-trattament ħażin ta' Qi Choghuai, ġurnalist u ex-Kap tal-Bureau ta' Shandong tal-gazzetta Fazhi Morning Post waqt id-detenzjoni;
K. billi, qabel is-60 anniversarju tal-pajjiż, fl-1 ta' Ottubru, l-awtoritajiet Ċiniżi żiedu s-sorveljanza, il-fastidju u l-priġunerija tal-attivisti sabiex ma jħalluhomx iqajmu kwistjonijiet relatatimad-drittijiet tal-bniedem; billi skont l-Amnesty International f’din l-okkażjoni diversi mijiet ta' attivisti u dissidenti tpoġġew taħt diversi tipi ta' sorveljanza jew ta' arrest domiċiljari;
L. billi, f'April 2009, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina ressqet dokument lin-NU biex tappoġġja l-kandidatura tagħha għall-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, li fiha affermat li r-Repubblika Popolari taċ-Ċina kienet "impenjata għall-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tal-poplu Ċiniż ";
M. billi, fit-13 ta' Jannar 2010, il-Google ħabbret l-intenzjoni tagħha li ttemm il-kooperazzjoni maċ-ċensura tal-Internet Ċiniża, u rabtet dan il-fatt ma’ attakki ċibernetiċi fuq is-sistemi tal-kompjuter tagħha, li hi ssuspettat li originaw miċ-Ċina, immirati parzjalment għall-kontijiet tal-utenti Gmail ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem;
N. billi l-UE hija l-ikbar sieħba kummerċjali taċ-Ċina u l-ikbar investitur f'dak il-pajjiż u billi ċ-Ċina hija t-tieni l-ikbar sieħba kummerċjali tal-UE; billi r-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi qed idellu l-kwistjoni ta' riformi demokratiċi, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;
O. billi d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u ċ-Ċina stabbilit fis-sena 2000 s'issa kiseb riżultati negliġibbli; billi n-nuqqas ta' riżultati huwa wkoll konsegwenza ta' politika barranija tal-UE fir-rigward taċ-Ċina li la hija koordinata u lanqas hija effettiva;
1. Jitlob il-ħelsien immedjat u bla kundizzjonijiet ta’ Liu Xiaobo u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-azzjonijiet u l-inizjattivi paċifiċi tiegħu favur ir-riformi demokratiċi u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem; Jikkundanna bil-qawwa l-fastidju ġudizzjarju li huwa sofra;
2. Jesprimi fl-istess waqt is-simpatija tiegħu għal dawk iċ-Ċiniżi li apertament esprimew in-nuqqas ta' sodisfazzjon tagħhom rigward il-kundanna ta' Liu Xiaobo;
3. Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jirrispettaw l-impenji li saru quddiem il-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem u biex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tad-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fid-9 ta' Diċembru 1998;
4. Iħeġġeġ lir-Repubblika Popolari taċ-Ċina biex tiżgura r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u jappella għar-ratifika tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;
5. Jiddeplora l-fatt li ċ-Ċina, fil-qafas tal-proċess ta' Reviżjoni Perjodika Universali tagħha ta' Ġunju 2009, irrifjutat ir-rakkomandazzjonijiet kollha magħmula mill-istati membri tan-NU marbuta mal-libertà tal-espressjoni u l-libertà ta' assoċjazzjoni, l-indipendenza tal-ġudikatura, il-garanziji għall-professjoni legali, il-protezzjoni tad- difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tal-minoranzi etniċi, l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt, l-abolizzjoni tal-edukazzjoni mill-ġdid permezz tax-xogħol, il-projbizzjoni tat-tortura, il-libertà tal-midja, u rimedji effettivi għad-diskriminazzjoni;
6. Jikkundanna bl-akbar qawwa l-eżekuzzjoni tas-Sur Akmal Saikh u jafferma mill-ġdid l-oppożizzjoni assoluta u dejjiema tiegħu għall-użu tal-piena tal-mewt fiċ-ċirkostanzi kollha; huwa konvint li l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt tifforma parti integrali mir-rispett għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-ħarsien tad-dinjità tal-bniedem, fil-pajjiżi kollha;
7. Jilqa b'sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Google li twaqqaf il-koperazzjoni fuq l-iffiltrar u ċ-ċensura tal-internet mal-awtoritajiet Ċiniżi u jħeġġeġ lill-kumpaniji l-oħra sabiex jaġixxu bl-istess mod; jistieden liċ-Ċina biex tirrispetta bis-sħiħ il-libertà tal-kelma fuq l-internet; jesprimi s-solidarjetà mal-utenti tal-internet taċ-Ċina li huma l-aktar li se jiġu affettwati mit-tluq propost tal-Google;
8. Jenfasizza li f'April 2009, il-gvern Ċiniż ippubblika l-ewwel Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali tiegħu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (2009-2010) li għandu l-għan li jtejjeb il-ħarsien tad-drittijiet taċ-ċittadini, iħares kontra d-detenzjoni arbitrarja, jipprojbixxi l-kisba tal-ammissjonijiet permezz tat-tortura u jiżgura proċessi ġusti u miftuħa;
9. Jenfasizza li r-rekord tad-drittijiet tal-bniedem taċ-Ċina għadu kwistjoni ta' tħassib serju u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iqajmu l-każ ta’ Liu Xiaobo fis-Samit li jmiss bejn l-UE u ċ-Ċina; jieħu nota tar-rawnds preċedenti tad-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem maċ-Ċina u tad-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u ċ-Ċina tal-20 ta' Novembru; jinsisti dwar il-ħtieġa ta’ segwitu strett bejn id-djalogi kollha biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet;
10. Jenfasizza l-ħtieġa li jinbdew evalwazzjoni u tisħiħ komprensivi tad-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u ċ-Ċina; jitlob li l-każijiet ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jitqajmu sistematikament matul dawn id-djalogi u jenfasizza l-priġunerija fl-2008 ta’ Hu Jia, rebbieħ tal-Premju Sakharov, u l-fastidju ta' martu Zeng Jinyan;
11. Huwa tal-fehma li l-iżvilupp tar-relazzjonijiet ekonomiċi maċ-Ċina għandhom ikunu akkumpanjati minn djalogu politiku effettiv u jitlob li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem għandu jifforma parti integrali mill-ftehim ta' qafas ġdid li issa qed jiġi nnegozjat maċ-Ċina;
12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir- Rappreżentant Għoli tal-UE, lill-President tal-Kunsill tal-UE, lill-Kummissjoni u lill-President, il-Prim Ministru u l-Assemblea Nazzjonali Popolari tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina.