Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B7-0043/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B7-0043/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-Filippini

20.1.2010

imressqa skont l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
ALDE (B7‑0043/2010)
EDF (B7‑0044/2010)
PPE (B7‑0046/2010)
S&D (B7‑0047/2010)
GUE/NGL (B7‑0049/2010)
Verts/ALE (B7‑0050/2010)

Martin Kastler, Mario Mauro, Cristian Dan Preda, Bernd Posselt, Monica Luisa Macovei, Eija-Riitta Korhola, Tunne Kelam, Jean-Pierre Audy f'isem il-Grupp PPE-DE
Véronique De Keyser, Marc Tarabella f'isem il-Grupp S&D
Marielle De Sarnez f'isem il-Grupp ALDE
Barbara Lochbihler, Christian Engström, Emilie Turunen, Raül Romeva i Rueda, Gerald Häfner f'isem il-Grupp Verts/ALE
Charles Tannock, Adam Bielan, Ryszard Czarnecki, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Antoni Legutko f'isem il-Grupp ECR
Marie-Christine Vergiat, Rui Tavares f'isem il-Grupp GUE/NGL
Fiorello Provera, Rolandas Paksas, Juozas Imbrasas f'isem il-Grupp EDF

Proċedura : 2010/2514(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B7-0043/2010
Testi mressqa :
RC-B7-0043/2010
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar the Philippines

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra id-Dikjarazzjoni tal-25 ta' Novembru 2009 magħmula mill-Presidenza tal-UE dwar il-qtil fil-provinċja tal-Maguindanao, il-Filippini, u l-istqarrija tat-2 ta' Diċembru 2009 minn Philip Alston, ir-Relatur Speċjali tan-NU dwar il-qtil ekstraġudizzjarju,

–   wara li kkunsidra il-Ftehim tan-NU dwar il-Jeddijiet Ċivili u Politiċi u l-Protokoll Addizzjonali li hemm miegħu, li l-Filippini huma firmatarji tiegħu,

–   wara li kkunsidra id-Dokument ta’ Strateġija tal-Pajjiż 2007-2013 tal-Kummissjoni għall-Filippini,

–   wara li kkunsidra il-Ftehim ta’ Finanzjament għall-Programm ta’ Appoġġ għall-Ġustizzja UE-Filippini, li ġie ffirmat f’Ottubru 2009 u li kien intiż biex jgħaġġel il-proċedimenti ġudizzjarji kontra l-perpetraturi tal-qtil ekstraġudizzjarju,

–   wara li kkunsidra l-elezzjonijiet presidenzjali, parlamentari u lokali li se jsiru fil-Filippini nhar it-Tnejn, 10 ta’ Mejju 2010,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Filippini,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-qtil u l-għibien politiku, partikolarment tal-membri tal-organizzazzjonijiet tal-oppożizzjoni, ġurnalisti, attivisti tal-jeddijiet tal-bniedem u mexxejja reliġjużi, għadhom komuni fil-Filippini, u billi l-organizzazzjonijiet tal-jeddijiet tal-bniedem isemmu aktar minn 1000 qtil u għibien politikament motivat fid-deċennju li għadda,

B.  billi l-virtwali impunità tal-perpetraturi u l-inabilità tal-gvern li jittratta b’mod effettiv il-vjolenza politikament motivata fil-pajjiż jagħmulha ferm diffiċli li dawk responsabbli jsir ħaqq minnhom minkejja l-impenji li ntrabat bihom il-gvern bħala parti mir-Reviżjoni Perijodika Universali tiegħu fl-2008,

C. billi mijiet ta’ eluf ta’ nies għadhom internament spostati minħabba l-kunflitt kontra l-gvern u l-Front Iżlamiku ta' Liberazzjoni Moro u l-Eżerċtu Ġdid tal-Poplu, li għadhom attivi fil-pajjiż, u minħabba l-operazzjonijiet militari kontra l-gruppijiet militari bħalma huma l-Grupp Abu Sayyaf fil-gżejjer-provinċji ta’ Sulu u Basilan fil-Mindanao tal-Punent,

D. billi fit-23 ta’ Novembru 2009 mitt raġel armat minn milizja lokali mmexxija mill-familja Ampatuan, li magħhom kien hemm uffiċjali tal-forza lokali tal-pulizija, ittorturaw u qatlu brutalment 57 membru ta’ konvoj, inklużi l-qraba nisa ta’ Esmail Mangudadatu, li wħud minnhom sfaw stuprati, avukati u 30 ġurnalist, li kienu fi triqthom biex tinkiteb il-kandidaturi ta’ Mangudadatu għall-ħatra ta’ gvernatur tal-provinċja f’Mindanao,

E.  billi dan il-massakru, li ħalla l-akbar numru ta' ġurnalisti mejta f'inċident wieħed fi kwalunkwe post fid-dinja, wera b'mod xokkanti kemm il-Filippini nħakmu mis-sinjuri tal-gwerra, mill-korruzzjoni fost il-forzi tas-sigurtà u mill-impunità għall-aktar krimini ħorox,

F.   billi l-inkjesta inizjali fl-inċident uriet is-sinjali distintivi kollha ta' sistema legali disfunzjonali, bil-forzi tas-sigurtà li waslu tard fuq ix-xena, investigazzjonijiet li damu biex bdew, analiżi tax-xena tad-delitt mhux adegwata, nuqqas ta’ ħeġġa għall-intervisti tal-persunal militari u tal-pulizija ssuspettat b'involviment, u l-intimidazzjoni tax-xhieda u tal-prosekuzzjoni; billi dan kollu wassal għar-riżenja tal-ewwel imħallef li ġie lilu assenjat il-każ fis-16 ta’ Diċembru 2009,

G. billi fl-24 ta’ Novembru 2009, il-Gvern tal-Filippini ddikjara stat ta’ emerġenza fiż-żewġ provinċji kkonċernati, u b’hekk il-militar ingħata l-inkarigu li jżomm l-ordni u r-rispett għal-liġi, stieden lil esperti forensi internazzjonali jappoġġjaw l-inkjesta u, fl-4 ta’ Diċembru 2009, iddikjara l-liġi marzjali f’Maguindanao għal ġimgħa, l-ewwel darba li ttieħdet deċiżjoni bħal din mill-1972 ’il hawn,

H. billi din il-mossa wasslet għall-arrest tal-membri ewlenin tal-familja Ampatuan u x-xili tagħhom bi qtil multiplu u l-kixfa ta’ arsenal tal-għaġen ta’ armi u eluf ta’ karti tal-identifikazzjoni tal-votanti moħbijin, li huma indizji ċari ta’ tbagħbis fil-voti favur il-partit politiku tal-President Arroyo, Lakas-Kampi-CMD,

I.   billi l-elezzjonijiet fil-Filippini fl-imgħoddi kienu mtebbgħin bil-qtil ekstraġudizzjarju frekwenti ta’ opponenti politiċi mwettaq minn armati privati u milizji, ħafna minnhom armati b’armi mogħtijin mill-gvern, imqabbdin minn familji politikament influwenti,

J.   billi l-fatt li matul il-kampanja elettorali tal-2007 xi 60 kandidat u fil-kampanja tal-2004 41 kandidat sfaw maqtulin qiegħed iqanqal il-biża' li se jiżdied il-għadd ta' qtil ta' attivisti politiċi aktar ma joqorbu l-elezzjonijiet ta' Mejju 2010,

K. billi l-qtil brutali f’Maguindanao jirrappreżenta pass lura serju għall-paċi u d-demokrazija fil-Filippini u se jkompli jikkomplika t-taħditiet ta’ paċi bejn il-Gvern tal-Filippini u l-Front Iżlamiku ta’ Liberazzjoni Moro li reġa' beda l-attività tiegħu fit-8 ta' Diċembru 2009 fi Kuala Lampur, bl-għajnuna tal-Gvern tal-Malażja,

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-massakru ta’ Maguindanao tat-23 ta’ Novembru 2009 u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-familji tal-mejtin;

2.  Jilqa’ r-respons tal-Gvern tal-Filippini għall-massakru, filwaqt li jiddeplora d-dewmien inizjali, u jisħaq li l-investigazzjonijiet tal-pulizija għandhom ikunu komprensivi u indipendenti u li għandhom ikunu segwiti bi prokeskuzzjonijiet effettivi, inkluż tal-membri tal-forzi tas-sigurtà ssuspettati b'involviment;

3.  Huwa mħasseb ħafna li r-rabtiet personali li l-membri tal-amministrazzjoni għandhom mal-familja Ampatuan jistgħu jxekklu aktar milli jgħinu ħalli jkun hemm investigazzjoni imparzjali tal-qtil u jitlob li l-familja Ampatuan tkun interrogata mill-Bureau Nazzjonali tal-Investazzjonijiet;

4.  Jitlob li jittieħdu miżuri urġenti ħalli jitħarsu x-xhieda, l-imħallfin, l-avukati u l-prosekuturi kollha involuti fil-investigazzjoni u fil-proċedimenti ġudizzjarji;

5.  Jitlob lill-pajjiżi donaturi joffru assistenza forensi, investigattiva u legali u jappoġġjaw lid-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Filippini;

6.  Jitlob lill-Gvern tal-Filippini jieħu passi deċiżivi biex itemm il-qtil u l-għibien ekstraġudizzjarju, jirrilaxxja lill-persuni kollha li għebu u li għadhom maqfulin, u li jagħmel dawl fuq il-każijiet l-oħrajn kollha li għadhom mhux riżolti, inkluż dak ta' Jonas Burgos, li għab f'April 2007; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Filippini jirratifika l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Għibien Forzat;

7.  Jitlob lill-Gvern tal-Filippini jieħu azzjoni deċiżiva ħalli minnufih jieqaf kull finanzjament privat u lokali tal-gruppi awżiljarji tal-pulizija u l-militar u jkun hemm l-iżbandament tal-forzi paramilitari u l-milizji lokali; jilqa’ d-deċiżjoni tal-President Arroyo tad-9 ta’ Diċembru 2009 dwar din il-kwestjoni u jitlob lis-Sa Arroyo tirrevoka l-Ordni Eżekuttiv 546;

8.  Jilqa’, f’dan is-sens, il-projbizzjoni dwar l-armi maħruġa mill-Kummissjoni dwar l-Elezzjonijiet bi tħejjija għall-votazzjoni tal-10 ta' Mejju 2010;

9.  Jilqa’ l-iffirmar f’Ottubru 2009 tal-Ftehim ta’ Finanzjament għall-Programm ta’ Appoġġ għall-Ġustizzja UE-Filippini (EPJUST), li jalloka €3.9 m b'appoġġ, assistenza u taħriġ fit-tisħiħ tas-sistema tal-ġustizzja kriminali u jappoġġja x-xogħol tal-Kummissjoni tal-Jeddijiet tal-Bniedem u tal-gruppijiet tas-soċjetà ċivili; jistenna b’ħeġġa r-rapporti dwar il-ħidma tas-sistema ta’ monitoraġġ li se titwaqqaf taħt l-EPJUST u se tkun responsabbli biex jinżamm rendikont tal-progress li n-nazzjon tagħmel fit-taqbida kontra l-qtil ekstraġudizzjarju u l-abbużi relatati;

10. Jesprimi t-tħassib tiegħu li d-dikjarazzjoni ta’ stat ta’ emerġenza min-naħa tal-President, imżewġa mal-għoti ta’ poteri akbar lill-forzi armati, li fl-imgħoddi kienu implikati f’għadd ta’ qtil ekstraġudizzjarju, ma humiex se jipprevjenu jew inaqqsu l-vjolenza marbuta mal-elezzjonijiet fil-provinċja ta' Mindanao;

11. Jitlob lill-Gvern tal-Filippini jkattar l-isforzi biex jiġu eliminati episodiji ta' vjolenza politika bil-għan li jkun imħares il-futur tad-demokrazija fil-Filippini; jitlob, b'mod partikolari lill-awtoritajiet, jistabilixxu task force ta' livell għoli b'appoġġ politiku wiesa' ħalli b'mod urġenti jiġu implimentati miżuri ħalli tkun prevjenuta l-vjolenza marbuta mal-elezzjonijiet fix-xhur qabel l-elezzjonijiet ta' Mejju u ħalli jittieħdu passi intiżi għall-protezzjoni tal-mezzi tax-xandir u tal-libertà tal-espressjoni b'mod ġenerali;

12. Jilqa’ d-deċiżjoni tal-Qorti Suprema li tippermetti l-parteċipazzjoni ta’ Ang Ladlad fl-elezzjonijiet ta’ Mejju, liema deċiżjoni tirrovexxja r-rifjut inizjali fuq ‘bażijiet morali’ mill-Kummissjoni għall-Elezzjonijiet (COMLEC);

13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-President u lill-Gvern tar-Repubblika tal-Filippini, llill-Kummissarju Għoli tan-NU għal-Jeddijiet tal-Bniedem u lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-ASEAN.